This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R2027
Commission Delegated Regulation (EU) 2021/2027 of 13 September 2021 amending Delegated Regulation (EU) 2020/884 as regards the derogations from Delegated Regulation (EU) 2016/1149 to address the crisis caused by the COVID-19 pandemic in the wine sector, and amending Delegated Regulation (EU) 2016/1149
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2027 tat-13 ta’ Settembru 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/884 fir-rigward ta’ derogi mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-inbid, u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1149
Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2027 tat-13 ta’ Settembru 2021 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/884 fir-rigward ta’ derogi mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-inbid, u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1149
C/2021/6589
ĠU L 415, 22.11.2021, pp. 4–6
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
|
22.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 415/4 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/2027
tat-13 ta’ Settembru 2021
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/884 fir-rigward ta’ derogi mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 fis-settur tal-inbid, u li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2016/1149
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 62(1) u 64(6) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 53, (b) u (h) tiegħu,
Billi:
|
(1) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/884 (3) introduċa għadd ta’ derogi temporanji mir-regoli eżistenti inter alia mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 (4) fis-settur tal-inbid, bil-għan li jwieżnu lill-operaturi tal-inbid biex jiġu mgħejuna jlaħħqu mal-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. Madankollu, minkejja l-utilità ta’ dawk il-miżuri, is-suq tal-inbid ma rnexxilux jerġà jikseb il-bilanċ tiegħu bejn il-provvista u d-domanda. |
|
(2) |
Il-pandemija tal-COVID-19 mhijiex taħt kontroll. Il-kampanji ta’ vaċċinazzjoni f’xi reġjuni tal-Unjoni u madwar id-dinja mhumiex biżżejjed u r-restrizzjonijiet fuq il-moviment u l-miżura ta’ tbegħid soċjali għadhom qed jiġu applikati fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi. Dawk il-miżuri jinkludu restrizzjonijiet fir-rigward tal-ivvjaġġar, id-daqs tal-laqgħat soċjali, festi privati, avvenimenti pubbliċi u l-possibbiltà li wieħed jiekol u jixrob barra mid-dar. Dawk ir-restrizzjonijiet jirriżultaw fi tnaqqis ulterjuri fil-konsum tal-inbid fl-Unjoni, fi stokkijiet akbar u b’mod aktar ġenerali f’disturb fis-suq. F’xi Stati Membri, terz tal-konsum tal-inbid huwa relatat mat-turiżmu. Għalhekk, il-konsum tal-inbid kompla jonqos u l-istokkijiet għadhom għoljin. Dawk l-effetti tal-pandemija flimkien mat-tariffi imposti mill-Istati Uniti u l-mewġa ta’ ġlata fl-Ewropa f’April 2021 kellhom impatt negattiv qawwi fuq l-introjtu tal-produtturi tal-inbid fl-Unjoni. Huwa stmat li l-kombinazzjoni ta’ dawk il-fatturi kollha kellha l-effett li tnaqqas b’medja ta’ 15 sa 20 % il-fatturi tas-settur tal-inbid tal-Unjoni, b’xi kumpaniji li rrappurtaw telf sa 40 %. |
|
(3) |
Barra minn hekk, l-inċertezza dwar id-durata tal-kriżi, li għadha diffiċli li titbassar minħabba l-mutabbiltà rapida tal-virus, tkompli tkabbar id-disturb eżistenti sinifikanti fis-suq tal-inbid tal-Unjoni. Dan ifisser li l-irkupru tas-settur se jieħu aktar żmien milli seta’ kien previst fil-bidu tal-2021. Għaldaqstant, huwa xieraq li jitkompla jiġi offrut appoġġ temporanju u eċċezzjonali lis-settur tal-inbid tal-Unjoni biex tiġi evitata ż-żieda fil-fallimenti li ġiet irrappurtata. |
|
(4) |
Billi l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19 huma mistennija li jkomplu wara s-sena 2021 u b’hekk matul parti konsiderevoli tas-sena finanzjarja 2022, huwa neċessarju li l-applikazzjoni tal-miżuri stipulati fl-Artikolu 2(1), (3), (4) u (6) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/884 tiġi estiża għat-tul tas-sena finanzjarja 2022. |
|
(5) |
L-Artikolu 25(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 jipprevedi li l-appoġġ għall-fondi mutwi msemmi fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkun limitat jintuża 10 %, 8 % u 4 % tal-kontribuzzjoni tal-produtturi għall-fond mutwu fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet sena ta’ implimentazzjoni tiegħu. Madankollu, l-esperjenza s’issa wriet li rati ta’ appoġġ tali ma jħeġġux lill-Istati Membri jinkludu dik il-miżura fil-programmi ta’ appoġġ tagħhom fis-settur tal-inbid u lill-operaturi biex japplikaw għall-appoġġ fil-qafas ta’ dan. Peress li l-fondi mutwi huma strument importanti għall-ġestjoni tar-riskji, inklużi riskji marbuta ma’ avvenimenti klimatiċi avversi tali perjodi twal u partikolarment twal ta’ ġlata severi li seħħew f’April 2021 u dawk marbuta ma’ disturb fis-suq tali li jirriżultaw mill-pandemija tal-COVID-19, huwa xieraq li jiġu rdoppjati r-rati ta’ appoġġ previsti fl-Artikolu 25(1) tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 biex jiżdied l-inċentiv għall-operaturi fis-settur tal-inbid biex jistabbilixxu fondi mutwi u jipprovdu l-għodda u l-appoġġ għalihom biex jipproteġu lilhom infushom kontra riskji futuri. |
|
(6) |
Huwa wkoll xieraq għal dak l-inċentiv miżjud li jkopri aktar minn sena ta’ kummerċjalizzazzjoni waħda, minħabba li l-esperjenza wriet li l-użu ta’ appoġġ għall-istabbiliment ta’ fondi mutwi kien limitat ħafna fl-imgħoddi. Għalhekk, huwa essenzjali li jkun hemm biżżejjed żmien biex l-Istati Membri u l-operaturi fis-settur tal-inbid jiġu infurmati u mħeġġa jużaw dik ir-rata eċċezzjonali ta’ appoġġ. Barra minn hekk, it-twaqqif ta’ fondi mutwi jista’ jieħu aktar minn sena. Għalhekk l-appoġġ miżjud jenħtieġ jkopri mill-inqas sentejn. Minħabba dawn ir-raġunijiet kollha, jeħtieġ li l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-appoġġ għal fondi mutwi tiżdied sa tmiem il-perjodu ta’ programmazzjoni 2019–2023. |
|
(7) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti Delegati (UE) 2020/884 u (UE) 2016/1149 jiġu emendati skont dan. |
|
(8) |
Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità bejn is-snin finanzjarji 2021 u 2022, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u japplika mis-16 ta’ Ottubru 2021, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emendi għar-Regolament Delegat (UE) 2020/884
L-Artikolu 2 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/884 huwa emendat kif ġej:
|
(1) |
il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej: “1. Permezz ta’ deroga mill-Artikolu 22 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, matul is-snin 2020, 2021 u 2022, il-ħsad bikri jista’ jiġi applikat fuq l-istess roqgħa art għal sentejn konsekuttivi jew aktar”; |
|
(2) |
fil-paragrafi 3, 4 u 6, id-data “15 ta’ Ottubru 2021” hija sostitwita bid-data “15 ta’ Ottubru 2022”. |
Artikolu 2
Emenda għar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149
Fl-Artikolu 25 tar-Regolament Delegat (UE) 2016/1149, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’li ġej:
“1. Fejn l-appoġġ imsemmi fl-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jintuża għall-finanzjament tal-ispiża amministrattiva biex jiġu stabbiliti fondi mutwi, dan għandu jkun limitat għall-proporzjon li ġej tal-kontribuzzjoni tal-produtturi għall-fond mutwu fl-ewwel, fit-tieni u fit-tielet sena ta’ implimentazzjoni tiegħu: 20 %, 16 % u 8 %’.
Artikolu 3
Dħul fis-seħħ u applikazzjoni
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Għandu japplika mis-16 ta’ Ottubru 2021.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Settembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.
(3) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/884 tal-4 ta’ Mejju 2020 li jidderoga fir-rigward tas-sena 2020 mir-Regolament Delegat (UE) 2017/891 fir-rigward tas-settur tal-frott u l-ħxejjex u mir-Regolament Delegat (UE) 2016/1149 fir-rigward tas-settur tal-inbid b’rabta mal-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 205, 29.6.2020, p. 1).
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/1149 tal-15 ta’ April 2016 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill f’dak li jirrigwarda l-programmi ta’ appoġġ nazzjonali fis-settur tal-inbid u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 555/2008 (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 1).