Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1541

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1541/2007 ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2007 dwar il-prova ta’ l-ikkompletar ta’ formalitajiet doganali għall-importazzjoni taz-zokkor f’pajjiżi terzi kif provdut bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999

    ĠU L 337, 21.12.2007, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2008

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1541/oj

    21.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 337/54


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1541/2007

    ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

    dwar il-prova ta’ l-ikkompletar ta’ formalitajiet doganali għall-importazzjoni taz-zokkor f’pajjiżi terzi kif provdut bl-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 318/2006 ta’ l-20 ta’ Frar 2006 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor [titlu mhux uffiċjali] (1), u b’mod partikolari Artikolu 40(1)(g) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 33(2) tar-Regolament (KE) Nru 318/2006 jipprovdi li rifużjonijiet għall-esportazzjoni fis-settur taz-zokkor jistgħu jvarjaw skond id-destinazzjoni, meta dan ikun meħtieġ minħabba s-sitwazzjoni tas-suq dinji jew il-ħtiġijiet speċifiċi ta’ ċerti swieq.

    (2)

    L-Artikolu 1 Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 900/2007 tas-27 ta’ Lulju 2007 dwar sejħa permanenti għall-offerti biex ikunu deċiżi r-rifużjonijiet fuq esportazzjonijiet ta’ zokkor abjad sa tmiem is-sena kummerċjali 2007/2008 (2) tipprovdi għal differenzjazzjoni bħal din billi teskludi ċerti destinazzjonijiet.

    (3)

    L-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 tal-15 ta’ April 1999 li jistabbilixxi regoli komuni dettaljati għall-applikazzjoni tas-sistema ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni ta’ prodotti agrikoli (3) jipprovdi li fejn ir-rata tar-rifużjoni tvarja skond id-destinazzjoni, ir-rifużjonijiet iridu jitħallsu skond il-kundizzjonijiet addizzjonali stipulati fl-Artikoli 15 u 16 ta’ dak ir-Regolament.

    (4)

    L-Artikolu 15(1) tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 jipprovdi li l-prodotti għandhom ikunu importati fl-istat naturali tagħhom fil-pajjiż terz jew wieħed mill-pajjiżi terzi li għalih tapplika r-rifużjoni.

    (5)

    L-Artikolu 16 tar-Regolament (KE) Nru 800/1999 jelenka d-dokumenti varji li jistgħu jikkostitwixxu prova ta’ l-ikkompletar tal-formalitajiet doganali f’pajjiż terz fejn ir-rata ta’ rifużjoni hija differenzjata skond id-destinazzjoni. Skond il-paragrafu 4 ta’ dak l-Artikolu, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, f’ċerti każijiet speċifiċi li jridu jiġu determinati, li l-prova msemmija f’dak l-Artikolu tista’ titqies li tiġi pprovduta permezz ta’ dokument speċifiku jew b’xi mod ieħor.

    (6)

    Fis-settur taz-zokkor l-operazzjonijiet ta’ esportazzjoni huma normalment regolati b’kuntratti li jkunu definiti bħala fob fis-suq tal-“futures” ta’ Londra. Konsegwentement, f’dak l-istadju ta’ fob, ix-xerrejja jaċċettaw l-obbligi kontrattwali kollha, inkluża l-prova ta’ l-ikkompletar tal-formalitajiet tad-dwana, mingħajr ma jkunu l-benefiċjarji diretti tar-rifużjoni li dik il-prova tagħti dritt għalih. Il-ksib ta’ dik il-prova għall-kwantitajiet esportati kollha jista’ jikkawża diffikultajiet amministrattivi konsiderevoli f’ċerti pajjiżi, u dawn jistgħu sostanzjalment jdewmu jew jipprevjenu l-ħlas tar-rifużjoni għall-kwantitajiet kollha li effettivament ikunu ġew esportati.

    (7)

    Biex tillimita l-impatt fuq l-ekwilibrju tas-suq taz-zokkor, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 436/2007 ta’ l-20 ta’ April mal-prova ta’ l-ikkompletar tal-formalitajiet tad-dwana għall-importazzjoni ta’ zokkor f’pajjiżi terzi hekk kif provdut fl-Artikolu 16 tar-Regolament(KE) Nru 800/1999 (4) jipprovdi għall-illaxkar tar-regoli fuq prova ta’ l-ikkompletar tal-formalitajiet doganali sal-31 ta’ Diċembru 2007.

    (8)

    Minħabba li d-diffikultajiet amministrattivi li taw lok għal din d-deroga u l-impatti tagħhom fuq is-suq għadhom jippersistu, il-provi alternattivi ta’ destinazzjoni għandhom japplikaw sa l-2008.

    (9)

    Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma f’konformità ma’ l-opinjoni tal-Kumitat tal-Ġestjoni taz-Zokkor,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fil-każ ta’ esportazzjonijiet imwettqa skond l-Artikolu 32 tar-Regolament (KE) Nru 318/2006, prodotti għandhom jitqiesu li ġew impurtati f’pajjiż terz mal-preżentazzjoni tat-tliet dokumenti li ġejjin:

    (a)

    kopja tad-dokument tat-trasport;

    (b)

    dikjarazzjoni li l-prodott inħatt, magħmula minn awtorita’ uffiċjali tal-pajjiż terz ikkonċernat, mill-awtoritajiet uffiċjali ta’ wieħed mill-Istati Membri stabbiliti fil-pajjiż tad-destinazzjoni, jew minn aġenzija ta’ sorveljanza internazzjonali approvata skond l-Artikoli 16a sa 16f tar-Regolament (KE) Nru 800/1999, li tiċċertifika li l-prodott ħalla l-post tal-ħatt jew talanqas li, sa fejn tkun taf l-awtorita’ jew aġenzija li toħroġ id-dikjarazzjoni, il-prodott ma jkunx sussegwentement tgħabba mill-ġdid bl-għan li jerga’ jkun esportat;

    (ċ)

    dokument bankarju maħruġ minn intermedjarji approvati stabbiliti fil-Komunità’ li jiċċertifika li l-pagament li jikkorrispondi għall-esportazzjoni kkonċernata ġie kkreditat fil-kont ta’ l-esportatur li jkun infetah magħhom, jew prova tal-pagament.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008 sal-31 ta’ Diċembru 2008.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

    Għall-Kummissjoni

    Mariann FISCHER BOEL

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 58, 28.2.2006, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1260/2007 (ĠU L 283, 27.10.2007, p. 1).

    (2)  ĠU L 196, 28.7.2007, p. 26. Ir-Regolament kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 1298/2007 (ĠU L 289, 7.11.2007, p. 3)

    (3)  ĠU L 102, 17.4.1999, p. 11. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 1001/2007 ĠU L 226, 30.8.2007, p. 9).

    (4)  ĠU L 104, 21.4.2007, p. 14.


    Top