Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0773

    Kawża T-773/19: Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Novembru 2019 – BAE Systems vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 45, 10.2.2020, p. 54–55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    10.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 45/54


    Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Novembru 2019 – BAE Systems vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-773/19)

    (2020/C 45/47)

    Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

    Partijiet

    Rikorrenti: BAE Systems plc (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: N. Gràcia Malfeito, avukat, W. Leslie, Solicitor, u I. Lunneryd, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

    tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2019) 2526 final tat-2 ta’ April 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit dwar l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ta’ CFC;

    fi kwalunkwe każ, tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti relatati ma’ din il-kawża.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li s-sistema rilevanti ta’ referenza hija s-sistema CFC u mhux is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit. B’mod partikolari, il-konklużjoni tal-Kummissjoni li s-sistema ta’ referenza hija s-sistema CFC tar-Renju Unit tapplika l-ġurisprudenza tal-qrati tal-Unjoni Ewropea b’mod żbaljat. Minflok, il-Kummissjoni kellha tikkonkludi li s-sistema ta’ referenza xierqa kienet is-sistema tat-taxxa fuq il-kumpanniji tar-Renju Unit, li minnha s-sistema CFC tagħmel parti intrinsika u inseparabbli.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-għanijiet tas-sistema ta’ referenza.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni u naqset milli timmotiva l-konklużjoni tagħha li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi tammonta għal deroga selettiva mis-sistema ta’ referenza u, b’mod partikolari, li impriżi li jirċievu tipi oħra ta’ profitti finanzjarji mhux kummerċjali huma f’pożizzjoni legali u fattwali li hija komparabbli għal dik ta’ impriżi li jirċievu profitti finanzjarji mhux kummerċjali minn self kwalifikanti. Fil-fatt, il-Kummissjoni żbaljat meta kkonkludiet li l-profitti finanzjarji mhux kummerċjali li joriġinaw minn self upstream u kaxex tal-flus ma joħolqux riskju materjalment ikbar ta’ devjazzjoni artifiċjali minn self kwalifikanti. Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljat billi ffokat fuq it-teknika leġiżlattiva, iktar milli l-effetti, tal-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi.

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni u naqset milli timmotiva l-konklużjoni tagħha li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ma kinitx iġġustifikata min-natura u mill-istruttura globali tar-regoli tat-taxxa fir-rigward tat-test tal-funzjonijiet tal-persuni sinjifikattivi. B’mod partikolari, il-Kummissjoni wettqet żball meta kkonkludiet li l-piż amministrattiv għall-applikazzjoni tat-test tal-funzjonijiet tal-persuni sinjifikattivi ma jiġġustifikax l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi, u li l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ma hijiex iġġustifikata min-neċessità li jiġu osservati l-libertajiet fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    5.

    Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u żball manifest ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-eżistenza ta’ vantaġġ, kif meħtieġ mill-Artikolu 107 TFUE. L-evalwazzjoni tal-Kummissjoni hija bbażata fuq affermazzjonijiet mhux issostanzjati u hija naqset milli effettivament turi li jeżisti vantaġġ, mhux sempliċement tistipula li seta’ kien hemm vantaġġ f’ċerti ċirkustanzi.


    Top