EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62019TN0766

Kawża T-766/19: Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Novembru 2019 – Just Eat Holding vs Il-Kummissjoni

ĠU C 45, 10.2.2020, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

10.2.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 45/43


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Novembru 2019 – Just Eat Holding vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-766/19)

(2020/C 45/40)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Just Eat Holding Ltd (Londra, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: M. Whitehouse u P. Halford, Solicitors)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1352 tat-2 ta’ April 2019 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.44896 implimentata mir-Renju Unit dwar l-Eżenzjoni mill-Finanzjament tal-Gruppi ta’ CFC (1);

alternattivament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikser il-libertà ta’ stabbiliment tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 49 TFUE jew il-moviment liberu tal-kapital tagħha taħt l-Artikolu 63 TFUE; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħdax-il motiv.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u/jew żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-iskema ta’ eżenzjoni mill-finanzjament tal-gruppi (il-“miżura kkontestata”) ħolqot vantaġġ ekonomiku skont it-tifsira u l-portata tal-Artikolu 107(1) TFUE.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi u/jew żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-identifikazzjoni tas-sistema ta’ referenza għall-finijiet tal-analiżi tas-“selettività”.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta identifikat, b’mod żbaljat jew b’mod mhux komplut, u meta naqset milli tifhem b’mod korrett, l-għanijiet rilevanti tas-sistema ta’ referenza magħżula tagħha.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u/jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta identifikat il-miżura kkontestata bħala waħda li tikkostitwixxi deroga mis-sistema ta’ referenza magħżula tagħha.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta’ liġi u/jew żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta kklassifikat il-miżura kkontestata b’mod żbaljat bħala prima facie selettiva, billi ddeċidiet b’mod żbaljat li din kienet tikkostitwixxi trattament differenti ta’ impriżi f’sitwazzjoni legalment u fattwalment komparabbli.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ħadet id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2016/1164 tat-12 ta’ Lulju 2016 li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta’ evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (2) inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tagħha tas-selettività tal-miżura kkontestata, filwaqt li dan l-istrument kien daħal fis-seħħ biss wara t-tmiem tal-perijodu li fih il-Kummissjoni ddeċidiet li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.

7.

Is-seba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni kkontestata tirrappreżenta użu ħażin ta’ poter mill-Kummissjoni li huwa kuntrarju għas-sovranità fiskali tar-Renju Unit.

8.

It-tmien motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta ddeċidiet li d-deroga allegata ma hijiex iġġustifikata fir-rigward tal-intaxxar ta’ profitt finanzjarju (jew profitti finanzjarji) mhux kummerċjali minn relazzjonijiet ta’ self kwalifikanti li jaqgħu prima facie taħt it-Taqsima 371EB (“attivitajiet tar-Renju Unit”) tal-Att dwar it-Tassazzjoni (Internazzjonali u Dispożizzjonijiet Oħra) 2010. Fir-rigward tar-“riżorsi kwalifikanti” u l-eżenzjonijiet ta’ “profitti b’interessi mqabbla”, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija wkoll ivvizzjata min-nuqqas ta’ kull motivazzjoni fir-rigward tal-ġustifikazzjoni tagħhom jew tan-nuqqas ta’ ġustifikazzjoni tagħhom.

9.

Id-disa’ motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni aġixxiet bi ksur tal-Artikolu 108(2) TFUE u tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2015/1589 tat-13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 108 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (3) u bi ksur tad-dmir ta’ amministrazzjoni tajba taħt l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Speċifikament, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ tagħha, hija naqqset milli tindika li hija kellha tħassib dwar il-ġustifikazzjoni tal-“eżenzjoni ta’ 75 %” taħt it-Taqsima 371ID tal-Att dwar it-Tassazzjoni (Internazzjonali u Dispożizzjonijiet Oħra) 2010 sabiex tevita d-diffikultà prattika li twettaq analiżi tal-funzjonijiet tal-persuni sinjifikattivi fir-rigward ta’ attività ta’ self intragrupp, b’tali mod li tagħti opportunità adegwata lill-partijiet ikkonċernati li jikkummentaw fuqha; hija naqset, matul l-investigazzjoni tagħha, milli tistieden kwalunkwe kumment f’dan ir-rigward minn partijiet ikkonċernati; u fid-deċiżjoni kkontestata hija għażlet li tinjora tali kummenti li fil-fatt kienu ġew ipprovduti minn partijiet ikkonċernati f’dan ir-rigward. Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata hija nulla.

10.

L-għaxar motiv ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-intaxxar ta’ kumpannija tar-Renju Unit fuq profitti ta’ sussidjarji barranin “sa fejn ikun attribwibbli għall-assi u l-attivitajiet domestiċi” ma jimponix restrizzjoni għal-libertà ta’ stabbiliment u li l-miżura kkontestata ma hijiex meħtieġa sabiex tiġi żgurata konformità mal-libertajiet tat-Trattati.

Insostenn tar-rikors tagħha (fl-alternattiv) għall-annullament tal-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka l-motiv li ġej:

11.

Il-ħdax-il motiv ibbażat fuq il-fatt li anki fil-possibbiltà (miċħuda) li l-miżura kkontestata kienet tikkostitwixxi skema ta’ għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-irkupru tal-għajnuna ma kienx jikser il-prinċipji fundametali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, u meta ordnat l-irkupru irrispettivament minn jekk l-istabbiliment ta’ CFCs u l-għoti tagħhom ta’ self lil kumpanniji tal-grupp mhux residenti fil-fatt kienx jikkostitwixxi eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbilment jew tal-moviment liberu tal-kapital. B’mod speċifiku, f’dan il-każ, l-irkupru kien jikser il-libertà ta’ stabbiliment tar-rikorrenti taħt l-Artikolu 49 TFUE u l-moviment liberu tal-kapital tagħha taħt l-Artikolu 63 TFUE. Sa fejn hemm tali ksur, l-ordni għall-irkupru fl-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.


(1)  ĠU 2019, L 216, p. 1.

(2)  ĠU 2016, L 193, p. 1.

(3)  ĠU 2015, L 248, p. 9.


Top