EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62018TN0062

Kawża T-62/18: Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2018 – Aeris Invest vs SRB

ĠU C 123, 9.4.2018, p. 25–26 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

9.4.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 123/25


Rikors ippreżentat fis-6 ta’ Frar 2018 – Aeris Invest vs SRB

(Kawża T-62/18)

(2018/C 123/33)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Aeris Invest Sàrl (Lussemburgu, il-Lussemburgu) (rappreżentanti: R. Vallina Hoset, A. Sellés Marco, C. Iglesias Megías u A. Lois Perreau de Pinninck, avukati)

Konvenut: Il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni dwar il-Kawża 43/2017, tat-28 ta’ Novembru 2017, kif ukoll id-Deċiżjoni Konfermattiva SRB/CM01/ARES(2017)4898090 tas-6 ta’ Settembru 2017; u

tikkundanna lill-Bord Uniku tar-Riżoluzzjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

1.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-fatt li d-Deċiżjoni SRB/ES/2017/01, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (Deċiżjoni għal Aċċess) tikser l-Artikoli 90 tar-Regolament 806/2014 u 4 tar-Regolament 1049/2001, sa fejn, minn naħa, tirregola ultra vires id-dritt ta’ aċċess għal dokumenti u, min-naħa l-oħra, toħloq eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti mhux previsti fir-Regolament 1049/2001. Għalhekk, peress li l-bażi legali tagħha ma hijiex applikabbli skont l-Artikolu 277 TFUE, id-deċiżjoni tal-Bord għandha tiġi annullata.

2.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord tikser l-Artikolu 296 TFUE sa fejn hija tindika sempliċement, b’mod vag u ġeneriku, li l-iżvelar tat-test sħiħ tal-Pjan 2016, id-Deċiżjoni ta’ Riżoluzzjoni u r-Rapport ta’ Evalwazzjoni jiksru l-Artikoli 4(1)(a) u 4(2) tar-Regolament 1049/2001.

3.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord tikser l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament 1049/2001, sa fejn: (i) il-politika ta’ riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu ma hijiex eċċezzjoni valida sabiex tillimita d-dritt fundamentali ta’ aċċess għal dokumenti; (ii) ir-rekwiżiti tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament 1049/2001 ma humiex issodisfatti; u (iii) l-evalwazzjoni tal-interessi kkonċernati tagħmilha neċessarja li jingħata aċċess għad-dokumenti mitluba.

4.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord tikser l-Artikolu 15 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 4(2) tar-Regolament 1049/2001, sa fejn il-fatt li tagħti aċċess sħiħ lid-Deċiżjoni ta’ Riżoluzzjoni, lir-Rapport ta’ Evalwazzjoni u lill-Pjan 2016: (i) ma jaffettwax l-interessi kummerċjali ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi; u (ii) fi kwalunkwe każ, il-piż tal-interessi involuti jagħmel possibbli li jingħata aċċess għad-dokumenti.

5.

Il-ħames motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord tikser l-Artikolu 15 TFUE u l-Artikolu 88 tar-Regolament 806/2014, billi tirrifjuta l-aċċess għal informazzjoni li ma hijiex koperta mis-sigriet professjonali, sa fejn: (i) ma hemm l-ebda preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità skont l-Artikoli 88 tar-Regolament 806/2014 u 339 TFUE; u (ii) anki jekk din il-preżunzjoni ta’ kunfidenzjalità teżisti, ma tkunx applikabbli ladarba d-dokumenti huma mitluba li jintużaw fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja.

6.

Is-sitt motiv ibbażat fuq il-fatt li d-deċiżjoni tal-Bord tikkostitwixxi abbuż ta’ poter, sa fejn din tiċħad lil din il-parti aċċess sħiħ għal Pjan 2016 peress li dan “huwa għal kollox kopert mill-eċċezzjonijiet stabbiliti fit-tielet inċiż tal-Artikolu 4(1)(a), fl-Artikolu 4(1)(c) u fl-Artikolu 4(2) [tad-Deċiżjoni ta’ Aċċess]”, meta, fil-fatt, hemm indikazzjonijiet li l-għan ta’ dan ir-rifjut huwa sabiex jinħbew l-iżbalji, il-lakuni u n-nuqqasijiet li hemm f’dan il-pjan.


Top