Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0215

Kawża C-215/17: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja) fil-25 ta’ April 2017 – Nova Kreditna banka Maribor, d.d. vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

ĠU C 213, 3.7.2017, pp. 21–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

3.7.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 213/21


Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vrhovno sodišče Republike Slovenije (is-Slovenja) fil-25 ta’ April 2017 – Nova Kreditna banka Maribor, d.d. vs Ir-Repubblika tas-Slovenja

(Kawża C-215/17)

(2017/C 213/28)

Lingwa tal-kawża: is-Sloven

Qorti tar-rinviju

Vrhovno sodišče Republike Slovenije

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: Nova Kreditna banka Maribor, d.d.

Konvenuta: Ir-Repubblika tas-Slovenja

Domandi preliminari

1)

It-tielet inċiż tal-Artikolu 1(2)(c) tad-Direttiva 2003/98, kif emendat bid-Direttiva 2013/37 (verżjoni kkonsolidata), b’teħid inkunsiderazzjoni ta’ approċċ ta’ armonizzazzjoni minima, għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali tista’ tippermetti aċċess illimitat (assolut) għall-informazzjoni kollha li tirriżulta minn kuntratti li jikkonċernaw id-drittijiet tal-awtur u minn kuntratti ta’ konsulenza, anki jekk dawn jiġu ddefiniti bħala sigriet tan-negozju, u l-imsemmija leġiżlazzjoni tipprevedi dan biss f’rabta mal-persuni suġġetti għal influwenza dominanti tal-Istat, iżda mhux ukoll għall-persuni obbligati l-oħra, u, l-interpretazzjoni tiġi influwenzata wkoll mir-Regolament (UE) Nru 575/2013 b’rabta mar-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni, u b’mod partikolari fis-sens li l-aċċess għall-informazzjoni ta’ natura pubblika fis-sens tad-Direttiva 2003/98 ma jistax ikun iktar wiesa’ minn dak previst mir-regoli uniformi fil-qasam tal-iżvelar ta’ data previsti mill-imsemmi regolament?

2)

Ir-Regolament Nru 575/2013, meqjus taħt il-profil tar-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni fir-rigward tal-attività kummerċjali tal-banek, u b’mod iktar preċiż l-Artikoli 446 u 432(2), li jinsabu fil-Parti Tmienja ta’ tali regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li tali regoli jipprekludu leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, li timponi fuq bank li jinsab jew li kien jinsab taħt l-influwenza dominanti ta’ entità rregolata mid-dritt pubbliku jiżvela informazzjoni dwar il-kuntratti konklużi għall-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza, ta’ servizzi ta’ avukati, ta’ servizzi ta’ awturi ta’ xogħlijiet intellettwali u ta’ servizzi oħra ta’ natura intellettwali, u iktar preċiżament l-informazzjoni dwar it-tip ta’ negozju konkluż, il-partner kuntrattwali (għall-persuni ġuridiċi: l-isem kummerċjali, is-sede, l-indirizz kummerċjali), il-valur tal-kuntratt, l-ammont tal-pagamenti individwali, id-data ta’ konklużjoni tal-kuntratt, it-tul tar-relazzjoni tan-negozju u data analoga li tirriżulta mill-annessi tal-kuntratti – informazzjoni li hija kollha datata fil-perijodu tal-issuġġettar għall-influwenza dominanti –, mingħajr previżjoni ta’ kwalunkwe eċċezzjoni għal tali obbligu u mingħajr il-possibbiltà ta’ bbilanċjar bejn l-interess tal-pubbliku li jkollu aċċess għad-data u l-interess tal-bank għaż-żamma tas-sigriet tan-negozju, meta ma jkunx każ li jinvolvi elementi transkonfinali?


Top