This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62016CN0543
Case C-543/16: Action brought on 27 October 2016 — European Commission v Federal Republic of Germany
Kawża C-543/16: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ottubru 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Kawża C-543/16: Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ottubru 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
ĠU C 6, 9.1.2017, p. 31–32
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
9.1.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 6/31 |
Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ottubru 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
(Kawża C-543/16)
(2017/C 006/38)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes, E. Manhaeve, aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Talbiet
— |
tikkonstata li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 5(5) u (7), ikkunsidrat flimkien mal-Annessi II u III, tad-Direttiva tal-Kunsill 91/676/KEE, tat-12 ta’ Diċembru 1991, dwar il-protezzjoni tal-ilma kontra t-tniġġis ikkawżat min-nitrati minn sorsi agrikoli (1), sa fejn naqset milli tadotta miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa hekk kif deher biċ-ċar li l-miżuri tal-programm ta’ azzjoni ma kinux biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva, u sa fejn ma rrevedietx il-programm ta’ azzjoni sabiex tiżgura l-konformità tiegħu mar-rekwiżiti obbligatorji tal-Annessi II u III; |
— |
tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż tal-kawża. |
Motivi u argumenti prinċipali
Skont ir-rikorrenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 5(5) sa fejn naqset milli tadotta miżuri addizzjonali jew azzjonijiet imsaħħa minkejja li, sa mhux iktar tard mill-komunikazzjoni tal-ħames rapport mill-Ġermanja skont l-Artikolu 10 tad-Direttiva fir-rigward tal-perijodu 2008-2011, fl-4 ta’ Lulju 2012, kien deher biċ-ċar li l-miżuri tal-programm ta’ azzjoni Ġermaniż ma kinux ser ikunu biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja kisret l-Artikolu 5(7) tad-Direttiva sa fejn il-programm ta’ azzjoni Ġermaniż ma ġiex ikkoreġut minkejja li, fid-dawl tas-sitwazzjoni deskritta fir-rapport imsemmi iktar ’il fuq tal-4 ta’ Lulju 2012, din il-korrezzjoni kienet saret neċessarja. B’hekk, fi kwalunkwe każ, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja kien imissha adottat il-miżuri li kienu jiżguraw konformità sħiħa u regolari mar-rekwiżiti sostantivi tal-Artikolu 5(3) u (4), ikkunsidrat flimkien mal-Annessi II u III tad-Direttiva.
Dan ma huwiex il-każ fir-rigward tad-dispożizzjonijiet Ġermaniżi applikabbli peress li
— |
fir-rigward tal-prinċipju ta’ fertilizzazzjoni bbilanċjata, jinkludu evalwazzjoni tan-neċessità tal-fertilizzazzjoni li ma tikkorrispondix mal-ħtiġijiet reali f’termini ta’ nutrijenti tad-diversi wċuħ, mar-rekwiżiti tad-diversi reġjuni b’art u bi klima differenti u mat-teħid inkunsiderazzjoni tal-effetti tal-fertilizzanti fil-protezzjoni tal-ilma, u jippermettu li l-limitu ta’ nutrijenti f’azjenda jinqabeż b’60 kilogramm ta’ nitroġenu għal kull ettaru u fis-sena (ara l-punt 3 tal-Parti 1 tal-Anness III tad-Direttiva); |
— |
fir-rigward tal-perijodi li fihom hija pprojbita l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti, jipprevedu eċċezzjoni fir-rigward tad-“demel solidu mingħajr ħmieġ tat-tjur”, ma jagħmlu l-ebda distinzjoni fir-rigward tad-diversi reġjuni b’art u bi klima differenti, fir-rigward tat-tipi ta’ fertilizzanti, fir-rigward tal-prattiki ta’ fertilizzazzjoni u lanqas fir-rigward ta’ fatturi oħra ambjentali, u sempliċement jistabbilixxu perijodi ta’ projbizzjoni ta’ bejn xahrejn u nofs u tliet xhur (ara l-punt 1 tal-Parti 1 tal-Anness III u l-punt 1 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva); |
— |
fir-rigward tal-kapaċità tal-kontenituri tal-ħażna tad-demel, jistabbilixxu kapaċitajiet ta’ ħażna li huma bbażati fuq perijodi ta’ projbizzjoni fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti li huma qosra wisq, u, bl-eċċezzjoni tad-digrieti ta’ Berlin, ta’ Sachsen u ta’ Thüringen, jirreferu biss għall-ħażna ta’ demel likwidu (ara l-punt 5 tal-Parti A tal-Anness II tad-Direttiva); |
— |
jippermettu, f’artijiet tar-raba’ u f’mergħat temporanji, l-applikazzjoni, taħt kundizzjonijiet partikolari, ta’ kwantità massima ta’ fertilizzant ekwivalenti għal 230 kilogramm ta’ nitroġenu għal kull ettaru fis-sena (ara l-ewwel paragrafu tal-punt 2 tal-Anness III tad-Direttiva); |
— |
fir-rigward tal-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fuq artijiet b’xaqliba wieqfa, jistabbilixxu eċċezzjonijiet għad-demel solidu, ħlief għall-ħmieġ tat-tjur; barra minn hekk, l-imsemmija dispożizzjonijiet jipprevedu restrizzjonijiet għall-applikazzjoni ta’ fertilizzanti b’kontenut għoli ta’ nitroġenu fil-każ biss ta’ xaqliba ta’ iktar minn 10 % u jistabbilixxu projbizzjonijiet f’tali każ fir-rigward biss ta’ parti ta’ tliet metri mil-limitu superjuri tal-livell tal-korp tal-ilma, b’tali mod li jitbiegħdu, fir-rigward ta’ diversi aspetti, mill-istidju xjentifiċi rilevanti [ara l-punt 2 tal-Parti A tal-Anness II u l-punt 3(a) tal-Parti 1 tal-Anness III tad-Direttiva]; |
— |
jipprojbixxu l-applikazzjoni ta’ fertilizzanti fil-każ biss ta’ kisja ta’ borra ta’ iktar minn ħames ċentimetri u fil-każ ta’ “artijiet li ġeneralment ikunu ffriżati u li l-wiċċ tagħhom jibqa’ ffriżat matul il-ġurnata” [ara l-punt 3 tal-Parti A tal-Anness II u l-punti 3(a) u (b) tal-Parti 1 tal-Anness III tad-Direttiva]. |
Skont ir-rikorrenti, ir-riferimenti regolari magħmula mill-Gvern Ġermaniż għar-riforma ppjanata tad-Düngeverordnung (Digriet Ġermaniż dwar il-fertilizzanti) ma jibdlu xejn fir-rigward tal-ksur allegat tal-Artikolu 5(5) u (7) tad-Direttiva peress li d-dispożizzjonijiet korrispondenti ma kinux daħlu fis-seħħ meta skada t-terminu stabbilit fl-opinjoni motivata, jiġifieri fil-11 ta’ Settembru 2014, u lanqas ma daħlu fis-seħħ fil-frattemp.
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 68.