Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0531

    Kawża C-531/16: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) fit-18 ta’ Ottubru 2016 – Šiaulių regiono atliekų tvarkymo centras u UAB “Specializuotas transportas”

    ĠU C 6, 9.1.2017, p. 27–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    9.1.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 6/27


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Lietuvos Aukščiausiasis Teismas (il-Litwanja) fit-18 ta’ Ottubru 2016 – Šiaulių regiono atliekų tvarkymo centras u UAB “Specializuotas transportas”

    (Kawża C-531/16)

    (2017/C 006/34)

    Lingwa tal-kawża: il-Litwan

    Qorti tar-rinviju

    Lietuvos Aukščiausiasis Teismas

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrenti: Šiaulių regiono atliekų tvarkymo centras u UAB “Specializuotas transportas”

    Konvenuti: UAB “VSA Vilnius”, UAB “Švarinta”, UAB “Specialus autotransportas” u UAB “Ecoservice”

    Domandi preliminari

    1)

    Il-libertajiet ta’ moviment tal-persuni u tas-servizzi, previsti fl-Artikoli 45 u 56 TFUE, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament tal-operaturi u ta’ trasparenza, previsti fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2004/18 (1) u l-prinċipju li jirriżulta minnhom ta’ kompetizzjoni libera u leali tal-operaturi (meqjusa konġuntament jew separatament, mingħajr madankollu ma ssir limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet) għandhom jinftehmu u jiġu interpretati fis-sens li

    jekk offerenti marbuta, li r-rabtiet ekonomiċi, ta’ ġestjoni, finanzjarji jew oħrajn tagħhom jippermettu oġġettivament li tiġi ddubitata l-indipendenza tagħhom, kif ukoll il-protezzjoni tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni fejn jistgħu, skont il-każ, jiksbulhom vantaġġ fuq l-offerenti l-oħra, ikunu ddeċidew li jippreżentaw offerti distinti (awtonomi) fil-kuntest tal-istess sejħa għal offerti, l-imsemmija offerenti marbuta għandhom għalhekk, f’kull ipoteżi u kemm jekk tali obbligu jkunx previst jew le mil-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi, jiddikjaraw ir-rabtiet tagħhom lill-awtorità kontraenti, anki jekk din ma tagħmlilhomx mistoqsijiet speċifikament fuq dan is-suġġett?

    2)

    Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda:

    a)

    hija affermattiva (jiġifieri li l-offerenti għandhom f’kull ipoteżi jiddikjaraw ir-rabtiet tagħhom lill-awtorità kontraenti), in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni jew is-sempliċi eżekuzzjoni żbaljata ta’ dan l-obbligu huma biżżejjed sabiex l-awtorità kontraenti tikkonstata jew biex il-korp ta’ stħarriġ (il-qorti) jiddeċiedi li l-offerenti marbuta li jkunu ppreżentaw offerti distinti fil-kuntest tal-istess sejħa għal offerti ma jidħlux realment f’kompetizzjoni (kompetizzjoni fittizja)?

    b)

    hija negattiva (jiġifieri li l-offerenti ma għandhomx obbligu ieħor li jiddikjaraw ir-rabtiet tagħhom ħlief dawk previsti mil-leġiżlazzjoni jew mill-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti), l-awtorità kontraenti tieħu r-riskju tal-parteċipazzjoni ta’ dawn l-operaturi marbuta u l-effetti li jirriżultaw minn dan, jekk ma tipprevedix hija stess dan l-obbligu fil-kundizzjonijiet tas-sejħa għal offerti?

    3)

    Indipendentement mir-risposta għall-ewwel domanda u fid-dawl tas-sentenza tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo (C-538/13, EU:C:2015:166), id-dispożizzjonijiet legali indikati fl-ewwel domanda u fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 1(1) kif ukoll fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 89/665/KE (2) (meqjusa konġuntament jew separatament, mingħajr madankollu ma ssir limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet) għandhom jinftehmu u jiġu interpretati fis-sens li:

    a)

    jekk, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-awtorità kontraenti ssir taf, bi kwalunkwe mezz, b’rabtiet rilevanti bejn diversi offerenti, hija għandha, indipendentement mill-evalwazzjoni tagħha ta’ dan il-fatt jew ta’ ċirkustanzi oħra (pereżempju d-differenza bejn l-offerti fil-forma u fis-sustanza, id-dikjarazzjoni ġuramentata magħmula minn offerent li jidħol lealment f’kompetizzjoni mal-oħrajn, eċċ), tistaqsi speċifikament lill-offerenti marbuta u titlobhom jippreċiżaw jekk u kif is-sitwazzjoni personali tagħhom hija kompatibbli mal-kompetizzjoni libera u leali tal-offerenti?

    b)

    jekk tali obbligu jaqa’ fuq l-awtorità kompetenti iżda ma teżegwixxihx, dan huwa biżżejjed sabiex il-qorti tikkonstata li hija aġixxiet illegalment, mingħajr ma ggarantixxiet it-trasparenza u lanqas l-oġġettività tal-proċedura, mingħajr ma għamlet mistoqsijiet lir-rikorrenti u lanqas ma ddeċidiet hija stess fuq l-influwenza eventwali tas-sitwazzjoni personali tal-operaturi marbuta fuq ir-riżultati tas-sejħa għal offerti?

    4)

    Id-dispożizzjonijiet legali indikati fit-tielet domanda u fl-Artikolu 101(1) TFUE (meqjusa konġuntament jew separatament, mingħajr madankollu ma ssir limitazzjoni għal dawn id-dispożizzjonijiet) fir-rigward tas-sentenzi tat-12 ta’ Marzu 2015, eVigilo (C-538/13, EU:C:2015:166), tal-21 ta’ Jannar 2016, Eturas et (C-74/14, EU:C:2016:42) u tal-21 ta’ Lulju 2016, VM Remonts et (C-542/14, EU:C:2016:578), għandhom jinftehmu u jiġu interpretati fis-sens li:

    a)

    meta offerent (ir-rikorrenti) ikun sar jaf biċ-ċaħda tal-offerta l-inqas għolja ppreżentata minn wieħed mill-offerenti marbuta (l-offerent A) u bl-għoti tal-kuntratt lill-ieħor (l-offerent B), fir-rigward ukoll tal-elementi l-oħra relatati ma’ dawn l-offerenti u mal-parteċipazzjoni tagħhom għas-sejħa għal offerti [il-kompożizzjoni identika tal-korpi ta’ amministrazzjoni tal-offerenti A u B, il-kumpannija omm komuni tagħhom, li ma pparteċipatx għas-sejħa għal offerti, iċ-ċirkustanza li l-offerenti A u B ma ddikjarawx ir-rabtiet tagħhom mal-awtorità kontraenti u ma ppreżentawx spjegazzjonijiet supplimentari f’dan ir-rigward, b’mod partikolari peress li ma sarulhomx mistoqsijiet dwar dan is-suġġett, [iċ-ċirkustanza] li, fl-offerta tiegħu, l-offerent A ppreżenta informazzjoni kontradittorja relatata mal-konformità tal-vetturi proposti (it-trakkijiet għar-rimi ta’ skart) għall-istandard Euro 5, li dan l-offerent, wara li kien ippreżenta l-offerta l-inqas għolja, li ġiet miċħuda minħabba insuffiċjenzi li ġew ikkonstatati fiha, inizjalment, ma kkontestax din id-deċiżjoni tal-awtorità kontraenti u, sussegwentement, ippreżenta att ta’ appell kontra d-deċiżjoni tal-qorti tal-ewwel istanza li kien juri b’mod partikolari li ċ-ċaħda tal-offerta tiegħu kienet legali, eċċ.], fejn l-awtorità kontraenti ma kienet ħadet ebda azzjoni fid-dawl ta’ dawn l-elementi, il-korp ta’ stħarriġ jista’ jibbaża ruħu fuq dawn l-elementi biss sabiex jilqa’ t-talbiet intiżi sabiex jiġi ddikjarat bħala illegali l-aġir tal-awtorità kontraenti li ma tiggarantixxix it-trasparenza u l-oġġettività tal-proċedura, mingħajr ma minbarra dan timponi fuq ir-rikorrenti li tipproduċi l-prova konkreta tal-aġir żleali tal-offerenti A u B?

    b)

    il-fatti biss li l-offerent B kien ippreżenta spontanjament dikjarazzjoni li kienet tikkonferma li huwa għamel offerta b’mod leali, li regoli ta’ ġestjoni tal-kwalità fil-kuntest tal-parteċipazzjoni għas-sejħiet għal offerti kienu ġew stabbiliti minn dan l-offerent u li l-forma u l-kontenut tal-offerti tal-offerenti A u B ma kinux identiċi huma insuffiċjenti sabiex jitqies li dawn l-offerenti wrew lill-awtorità kontraenti li daħlu f’kompetizzjoni reali u leali fil-kuntest tas-sejħa għal offerti?

    5)

    L-Artikolu 101 TFUE, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jista’ bħala prinċipju jiġi applikat għall-evalwazzjoni tal-atti ta’ operaturi marbuta (li għandhom l-istess kumpannija omm) li jipparteċipaw separatament għall-istess sejħa għal offerti, li l-valur tagħhom jilħaq dak ta’ sejħa għal offerti internazzjonali, u fejn is-sede tal-awtorità kontraenti u l-post ta’ provvista tas-servizzi kienu jinsabu fi prossimità ta’ Stat Membru ieħor (ir-Repubblika tal-Latvja), b’kunsiderazzjoni b’mod partikolari tad-dikjarazzjoni ta’ kompetizzjoni leali ppreżentata spontanjament minn wieħed minn dawn l-offerenti?


    (1)  Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).

    (2)  Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE, tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246).


    Top