Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D0168

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/168 tal-31 ta' Jannar 2017 dwar l-identifikazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-“Internet Engineering Task Force” għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/0271

    ĠU L 27, 1.2.2017, p. 151–154 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/168/oj

    1.2.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 27/151


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/168

    tal-31 ta' Jannar 2017

    dwar l-identifikazzjoni tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-“Internet Engineering Task Force” għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 13(1) tiegħu,

    Wara li kkonsultat mal-pjattaforma Ewropea ta' bosta partijiet ikkonċernati dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT u l-esperti fis-settur

    Billi:

    (1)

    L-istandardizzazzjoni għandha rwol importanti fil-ħidma favur l-istrateġija Ewropa 2020, kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv” (2). Diversi inizjattivi ewlenin tal-istrateġija Ewropa 2020 jisħqu fuq l-importanza tal-istandardizzazzjoni volontarja fis-swieq tal-prodotti jew tas-servizzi sabiex tiġi żgurata l-kompatibbiltà u l-interoperabbiltà bejn il-prodotti u s-servizzi, sabiex jitrawwem l-iżvilupp teknoloġiku u sabiex jingħata appoġġ lill-innovazzjoni.

    (2)

    Ir-rilevanza tal-istandards hija rrikonoxxuta wkoll fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Naġġornaw is-Suq Uniku: aktar opportunitajiet għaċ-ċittadini u għan-negozji” (3) li tqis l-istandards bħala essenzjali għall-kompetittività Ewropea u kruċjali għall-innovazzjoni u l-progress fis-Suq Uniku għax iżidu s-sikurezza, l-interoperabbiltà u l-kompetizzjoni u jgħinu biex jitneħħew l-ostakli għall-kummerċ.

    (3)

    It-tlestija tas-Suq Uniku Diġitali hija prijorità ewlenija għall-Unjoni Ewropea, kif ġie enfasizzat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015 (4). Fil-Komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa (5), il-Kummissjoni saħqet fuq ir-rwol tal-istandardizzazzjoni u tal-interoperabbiltà fil-ħolqien ta' Ekonomija Diġitali Ewropea b'potenzjal ta' tkabbir fit-tul.

    (4)

    Fis-soċjetà diġitali, ir-riżultati tanġibbli tal-istandardizzazzjoni huma indispensabbli biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà bejn l-apparati, l-applikazzjonijiet, ir-repożitorji tad-dejta, is-servizzi u n-netwerks. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Viżjoni strateġika għal standards Ewropej: il-mixja 'l quddiem biex jittejjeb u jitħaffef it-tkabbir sostenibbli tal-ekonomija Ewropea sal-2020” (6) tirrikonoxxi l-ispeċifiċità tal-istandardizzazjoni fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (l-ICT), fejn is-soluzzjonijiet, l-applikazzjonijiet u s-servizzi ħafna drabi jiġu żviluppati minn Fora u Konsorzji globali tal-ICT, li saru organizzazzjonijiet ewlenin għall-iżvilupp tal-istandards tal-ICT.

    (5)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 għandu l-għan li jimmodernizza u jtejjeb il-qafas Ewropew tal-istandardizzazzjoni. Jistabbilixxi sistema li biha l-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tidentifika l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT li huma l-iktar rilevanti u aċċettati maħruġin minn organizzazzjonijiet li mhumiex organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni Ewropej, internazzjonali jew nazzjonali. Il-possibbiltà li tintuża l-medda sħiħa tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT fl-akkwist ta' ħardwer, softwer u servizzi tat-teknoloġija tal-informazzjoni se tippermetti l-interoperabbiltà bejn l-apparati, is-servizzi u l-applikazzjonijiet, se tgħin lill-amministrazzjonijiet pubbliċi jevitaw ir-restrizzjonijiet li jseħħu meta x-xerrej pubbliku ma jkunx jista' jibdel il-fornitur wara l-iskadenza tal-kuntratt tal-akkwist minħabba l-użu ta' soluzzjonijiet proprjetarji tal-ICT, u se tħeġġeġ il-kompetizzjoni fil-provvista ta' soluzzjonijiet interoperabbli tal-ICT.

    (6)

    Sabiex l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT ikunu eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku, iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012. Il-konformità ma' dawk ir-rekwiżiti tiggarantixxi lill-awtoritajiet pubbliċi li l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-ICT huma stabbiliti skont il-prinċipji tal-aċċess miftuħ, tal-imparzjalità, tal-oġġettività u tan-nondiskriminazzjoni li huma rrikonoxxuti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ fil-qasam tal-istandardizzazzjoni.

    (7)

    Id-deċiżjoni li tiġi identifikata l-ispeċifikazzjoni tal-ICT għandha tiġi adottata wara konsultazzjoni tal-Pjattaforma Ewropea ta' bosta partijiet ikkonċernati dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT, stabbilita permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (7) ikkumplimentata minn forom oħra ta' konsultazzjoni ta' esperti fis-settur.

    (8)

    Fil-11 ta' Ġunju 2015, il-pjattaforma Ewropea ta' bosta partijiet ikkonċernati dwar l-istandardizzazzjoni tal-ICT evalwat 27 speċifikazzjoni teknika tal-“Internet Engineering Task Force” billi qabblithom mar-rekwiżiti stabbiliti fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 1025/2012 u tat parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni tagħhom għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku. Sussegwentement, l-evalwazzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-IETF ġiet ippreżentata għall-konsultazzjoni ta' esperti fis-settur li tennew il-parir pożittiv dwar l-identifikazzjoni.

    (9)

    Is-27 speċifikazzjoni teknika huma żviluppati u ġestiti mill-Internet Engineering Task Force (IETF), il-korp prinċipali involut fl-iżvilupp ta' speċifikazzjonijiet standard ġodda tal-Internet ta' kwalità għolja għat-tfassil, l-użu u l-ġestjoni tal-Internet. L-IETF hija organizzazzjoni globali bbażata fuq il-“proċess standard tal-Internet”, proċess miftuħ, trasparenti u bbażat fuq il-kunsens użat mill-komunità tal-Internet għall-istandardizzazzjoni ta' protokolli u proċeduri għall-benefiċċju tal-utenti kollha madwar id-dinja.

    (10)

    Is-27 speċifikazzjoni teknika tal-IETF jintużaw b'mod estensiv għall-finijiet tal-Internet. Dawn jikkonsistu fi standards u protokolli għall-istabbiliment ta' netwerk tal-Internet (il-Protokoll tal-Kontroll tat-Trażmissjoni/il-Protokoll tal-Internet (TCP/IP — Transmission Control Protocol/Internet protocol), il-Protokoll tad-Datagramma tal-Utent (UDP — User Datagram Protocol), is-Sistema tal-Isem ta' Dominju (DNS — Domain Name System), il-Protokoll ta' Konfigurazzjoni Dinamika tal-Host (DHCP — Dynamic Host Configuration Protocol), il-Protokoll Sempliċi għall-Ġestjoni tan-Netwerk (SNMP — Simple Network Management Protocol), l-Arkitettura ta' Sigurtà għall-Protokoll tal-Internet (Ipsec — Security Architecture for the Internet Protocol) u l-Protokoll għas-Sinkronizzazzjoni tan-Netwerk (NTP — Network Time Protocol)); l-istandards u l-protokolli għall-konnessjonijiet siguri (il-Protokoll Secure Shell-2 (SSH-2), il-Protokoll tat-Transport Layer Security (TLS) u l-Profil tal-Internet X.509 taċ-Ċertifikat għall-Infrastruttura taċ-Ċavetta Pubblika u tal-Lista ta' Revoka taċ-Ċertifikat (CRL — Certificate Revocation List) (PKIX — Public Key Infrastructure Certificate)); l-istandards u l-protokolli sabiex jiġi stabbilit sit web (il-Protokoll tat-Trasferiment tal-Hypertext (HTTP — Hypertext Transfer Protocol), l-Aġġornament għal TLS fl-HTTP/1.1 (HTTPS — Upgrading to TLS Within HTTP/1.1), l-Identifikaturi Uniformi tar-Riżorsi (URI — Uniform Resource Identifiers), il-Lokalizzatur Uniformi tar-Riżorsi (URL — Uniform Resource Locator), l-Ismijiet Uniformi tat-Riżorsi (URN — Uniform Resource Names), il-Protokoll tat-Trasferiment tal-Fajls (FTP — File Transfer Protocol), il-Format tat-Trasformazzjoni Unicode ta' 8 bits (UTF-8 — 8-bit Unicode Transformation Format), in-Notazzjoni tal-Oġġetti JavaScript (JSON — JavaScript Object Notation)); l-istandards u l-protokolli għall-applikazzjonijiet tal-posta elettronika, tal-kalendarju u tal-aħbarijiet (il-Protokoll Sempliċi għat-Trasferiment tal-Posta Elettronika (SMTP — Simple Mail Transfer Protocol), il-Protokoll ta' Aċċess tal-Messaġġi tal-Internet (IMAP — Internet Message Access Protocol), il-Post Office Protocol — verżjoni 3 (POP3), il-Multipurpose Internet Mail Extensions (MIME), il-Protokoll għat-Trasferiment tal-Aħbarijiet fuq in-Netwerk (NNTP — Network News Transfer Protocol), u l-Ispeċifikazzjoni tal-Oġġetti Bażiċi tal-Kalendarju u tal-Iskedar fuq l-Internet (iCalendar — Internet Calendaring and Scheduling Core Object Specification), il-vCard (VCF), il-Format Komuni u t-Tip MIME għall-Valuri Mifrudin b'Virgola (CSV — Common Format and MIME Type for Comma-Separated Values)) u l-istandards u l-protokolli għall-applikazzjonijiet tal-istreaming tal-multimedia (il-Protokoll tat-Trasport fil-Ħin Reali (RTP — Real-time Transport Protocol) u l-Protokoll tal-Inizjazzjoni tas-Sessjoni (SIP — Session Initiation Protocol).

    (11)

    Għalhekk, is-27 speċifikazzjoni teknika tal-IETF għandhom jiġu identifikati bħala speċifikazzjoni teknika tal-ICT eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-ispeċifikazzjonijiet tekniċi tal-“Internet Engineering Task Force” elenkati fl-Anness huma eliġibbli għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-31 ta' Jannar 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.

    (2)  COM(2010) 2020 final tat-3 ta' Marzu 2010.

    (3)  COM(2015) 550 final tat-28 ta' Ottubru 2015.

    (4)  COM(2014) 902 final tat-28 ta' Novembru 2014.

    (5)  COM(2015) 192 final tas-6 ta' Mejju 2015.

    (6)  COM(2011) 311 finali tal-1 ta' Ġunju 2011.

    (7)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2011 li twaqqaf Pjattaforma Ewropea ta' bosta Partijiet Interessati dwar l-Istandardizzazzjoni tal-ICT (ĠU C 349, 30.11.2011, p. 4).


    ANNESS

    Il-lista tal-Ispeċifikazzjonijiet Tekniċi tal-“Internet Engineering Task Force” (IETF) għar-referenzjar fl-akkwist pubbliku  (1)

    1.

    Il-Protokoll tal-Kontroll tat-Trażmissjoni/il-Protokoll tal-Internet (TCP/IP)

    2.

    Il-Protokoll tad-Datagramma tal-Utent (UDP)

    3.

    Is-Sistema tal-Isem ta' Dominju (DNS)

    4.

    Il-Protokoll ta' Konfigurazzjoni Dinamika tal-Host (DHCP)

    5.

    Il-Protokoll Sempliċi għall-Ġestjoni tan-Netwerk (SNMP)

    6.

    L-Arkitettura ta' Sigurtà għall-Protokoll tal-Internet (IPsec)

    7.

    Il-Protokoll għas-Sinkronizzazzjoni tan-Netwerk (NTP)

    8.

    Il-Protokoll Secure Shell-2 (SSH-2)

    9.

    Il-Protokoll tat-Transport Layer Security (TLS)

    10.

    Il-Profil tal-Internet X.509 taċ-Ċertifikat għall-Infrastruttura taċ-Ċavetta Pubblika u tal-Lista ta' Revoka taċ-Ċertifikat (CRL) (PKIX)

    11.

    Il-Protokoll tat-Trasferiment tal-Hypertext (HTTP)

    12.

    L-Aġġornament għal TLS fl-HTTP/1.1 (HTTPS)

    13.

    L-Identifikaturi Uniformi tar-Riżorsi (URI)

    14.

    Il-Lokalizzatur Uniformi tar-Riżorsi (URL)

    15.

    L-Ismijiet Uniformi tat-Riżorsi (URN)

    16.

    Il-Protokoll tat-Trasferiment tal-Fajls (FTP)

    17.

    Il-Format tat-Trasformazzjoni Unicode ta' 8 bits (UTF-8)

    18.

    il-Protokoll Sempliċi għat-Trasferiment tal-Posta Elettronika (SMTP)

    19.

    Il-Protokoll ta' Aċċess tal-Messaġġi tal-Internet (IMAP)

    20.

    Il-Post Office Protocol — verżjoni 3 (POP3)

    21.

    Il-Multipurpose Internet Mail Extensions (MIME)

    22.

    Il-Protokoll għat-Trasferiment tal-Aħbarijiet fuq in-Netwerk (NNTP)

    23.

    L-Ispeċifikazzjoni tal-Oġġetti Bażiċi tal-Kalendarju u tal-Iskedar fuq l-Internet (iCalendar)

    24.

    Il-format ta' fajl standard għall-business cards elettroniċi (vCard)

    25.

    Il-Format Komuni u t-Tip MIME għall-Valuri Mifrudin b'Virgola (CSV)

    26.

    Il-Protokoll tat-Trasport fil-Ħin Reali (RTP)

    27.

    Il-Protokoll tal-Inizjazzjoni tas-Sessjoni (SIP).


    (1)  L-ispeċifikazzjonijiet tal-IETF jistgħu jitniżżlu mingħajr ħlas minn http://www.rfc-editor.org/


    Top