Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014TN0090

    Kawża T-90/14: Rikors ippreżentat fit- 3 ta’ Frar 2014 – Secolux vs Il-Kummissjoni u CdT

    ĠU C 135, 5.5.2014, p. 50–51 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    5.5.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 135/50


    Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Frar 2014 – Secolux vs Il-Kummissjoni u CdT

    (Kawża T-90/14)

    2014/C 135/64

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Rikorrenti: Secolux, Association pour le contrôle de la sécurité de la construction (Capellen, il-Lussemburgu) (rappreżentant: N. Prüm-Carré, avukat)

    Konvenuti: Iċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea (CdT) u Il-Kummissjoni Ewropea.

    Talbiet tar-rikorrenti

    tannulla d-deċiżjoni tat-3 ta’ Diċembru 2013 adottata mill-Kummissjoni Ewropea, f’isimha kif ukoll f’isem awtoritajiet kontraenti oħra, jiġifieri ċ-Ċentru tat-Traduzzjoni għall-Korpi tal-Unjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, li tiċħad l-offerta sottomessa mir-rikorrenti għal-lot 1, “Kontrolli leġiżlattivi ta’ sigurtà, benesseri u ambjentali” fil-kuntest tas-sejħa għal offerti nru 02/2013/OIL “Kontrolli ta’ sigurtà” u li tattribwixxi l-kuntratt kontenzjuż lil offerent ieħor;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 467 186,08 bħala ħlas ta’ kumpens għad-dannu subit, flimkien mal-interessi legali mid-data li fiha l-kuntratt ġie attribwit sal-likwidazzjoni tas-somom dovuti;

    tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

    1.

    L-ewwel motiv ibbażat fuq irregolaritajiet proċedurali, informazzjoni kontradittorja li biha ġiet mgħarrfa r-rikorrenti dwar l-ammont tal-offerta magħżula għal-lot nru 1. Ir-rikorrenti ssostni li:

    jew l-ammont tal-offerta tal-offerent magħżul, imsemmi fl-ittra tal-Kummissjoni, tal-11 ta’ Diċembru 2013, li tinforma lir-rikorrenti dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati mal-offerta magħżula, huwa ineżatt peress li huwa baxx wisq. F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma kellhiex aċċess għal informazzjoni attendibbli fir-rigward tal-prezz tal-offerta magħżula, liema fatt jippreġudika l-obbligu ta’ motivazzjoni;

    jew il-valur tal-kuntratt li ġie attribwit u li jinsab fl-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt ippubblikat fl-24 ta’ Diċembru 2013 (1) huwa żbaljat peress li huwa għoli wisq. F’dan il-każ, l-avviż ta’ għoti ta’ kuntratt ma jirriflettix il-valur tal-offerta magħżula, liema fatt jikkostitwixxi ksur tal-obbligu ta’ trasparenza;

    jew l-ammont tal-offerta magħżula kif indikata fl-ittra tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Diċembru 2013 u l-valur tal-kuntratt hekk kif indikat fl-avviż ta’ għoti tal-kuntratt huma eżatti. F’dan il-każ, il-kuntratt ġie attribwit għal ammont ogħla mill-offerta magħżula, liema fatt jikkostitwixxi ksur gravi tal-prinċipji ta’ trasparenza, ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni.

    2.

    It-tieni motiv ibbażat fuq irregolarità tal-offerta magħżula, inkwantu l-offerent magħżul ma jistax, bil-prezz offert, jissodisfa korrettament is-servizzi kollha mitluba, u dan, b’persunal li għandu l-kwalifiki meħtieġa.

    3.

    It-tielet motiv ibbażat fuq offerta anormalment baxxa. Ir-rikorrenti ssostni li fil-każ inkwistjoni jeżisti numru ta’ ħjiel li jindika li l-offerta magħżula ma hijiex konkordanti ma’ realtà ekonomika. Għalhekk il-Kummissjoni jmissha talbet preċiżazzjonijiet mingħand l-offerent magħżul dwar il-kompożizzjoni tal-offerta tiegħu, skont l-Artikolu 151 tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012 (2).

    4.

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni kemm waqt it-tfassil tal-offerti kif ukoll waqt l-evalwazzjoni tagħhom. Ir-rikorrenti ssostni:

    minn naħa li, inkwantu l-offerent magħżul huwa wkoll il-persuna li attribwiet kuntratti preċedenti, dan kien jibbenefika minn informazzjoni privileġġjata dwar il-postijiet, is-servizzi li għandhom jitwettqu u l-kwantitajiet realment mitluba mill-Kummissjoni, liema fatt imissu wassal lill-Kummissjoni titlob kjarifiki mir-rikorrenti abbażi tal-Artikolu 160(3) tar-Regolament ta’ Delega Nru 1268/2012;

    u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-kwalità tas-servizzi pprovduti preċedentement mill-persuna li attribwiet il-kuntratti preċedenti waqt l-evalwazzjoni tal-offerti sottomessi għall-kuntratt li kellu jiġi attribwit.


    (1)  ĠU 2013/S 249-433951

    (2)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012, tad-29 ta’ Ottubru 2012, dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni (ĠU L 362, p. 1).


    Top