This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 52013IE2788
Opinion of the European Economic and Social Committee on ‘Collaborative or participatory consumption, a sustainability model for the 21st century’ (own-initiative opinion)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv: mudell ta' sostenibbiltà għas-seklu XXI” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv: mudell ta' sostenibbiltà għas-seklu XXI” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
ĠU C 177, 11.6.2014, pp. 1–8
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
|
11.6.2014 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 177/1 |
Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv: mudell ta' sostenibbiltà għas-seklu XXI” (Opinjoni fuq inizjattiva proprja)
(2014/C 177/01)
Relatur: is-Sur HERNÁNDEZ BATALLER
Amministratur: is-Sinjura ZAPATKA
Nhar l-14 ta' Frar 2013, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar
Il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv: mudell ta' sostenibbiltà għas-seklu XXI.
Is-Sezzjoni Speċjalizzata għas-Suq Uniku, il-Produzzjoni u l-Konsum, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar is-16 ta' Diċembru 2013.
Matul l-495 sessjoni plenarja tiegħu li saret fil-21 u t-22 ta' Jannar 2014 (seduta tal-21 ta' Jannar 2014), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-Opinjoni b'121 vot favur, 2 voti kontra u 3 astensjonijiet.
1. Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet
|
1.1 |
Il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv qiegħed dejjem jinfirex għal aktar komunitajiet u bliet mad-dinja kollha li qegħdin jużaw in-netwerks teknoloġiċi sabiex jagħmlu iktar b'inqas, permezz ta' attivitajiet bħall-kiri, is-self, l-iskambju, it-tpartit, l-għoti jew il-qsim ta' prodotti fuq skala li qatt ma kien hemm bħala. |
|
1.2 |
L-impatt ekonomiku tiegħu (1) huwa akkumpanjat minn tibdil fil-kunċett ta' xogħol, li jqis il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv bħala sors importanti potenzjali ta' impjieg fis-snin li ġejjin. |
|
1.3 |
B'konsegwenza, il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv jikkomplementa, b'mod innovattiv u b'mod vantaġġuż mil-lat ekonomiku, soċjali u ekoloġiku, l-ekonomija produttiva permezz tal-ekonomija tal-użu. Barra minn hekk joffri soluzzjoni għall-kriżi ekonomika u finanzjarja hekk kif jippermetti li jsir skambju tal-affarijiet f'każijiet ta' bżonn. |
|
1.4 |
Minħabba l-kumplessità u l-importanza tal-ħolqien ta' konsum kollaborattiv jew parteċipattiv, hemm bżonn li l-istituzzjonijiet rilevanti, abbażi ta' studji preċiżi, jirregolaw u jorganizzaw il-prattiki mwettqa fi ħdan dawn il-forom ta' konsum, b'tali mod li jistgħu jiġu stabbiliti d-drittijiet u r-responsabbiltajiet tal-partijiet interessati kollha involuti. Minn naħa, il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv jista' jkopri l-bżonnijiet soċjali f'sitwazzjonijiet fejn m'hemmx interess kummerċjali u, min-naħa l-oħra, bħala attività għall-profitt, jista' jgħin jiġġenera l-impjieg filwaqt li jiġu rispettati r-regoli dwar it-tassazzjoni, is-sigurtà, ir-responsabbiltà, il-ħarsien tal-konsumatur u regoli essenzjali oħra. |
|
1.5 |
Il-Kummissjoni għandha tindirizza l-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv fil-programm ta' ħidma tagħha, f'fażijiet differenti:
|
2. Introduzzjoni
|
2.1 |
It-tnaqqis gradwali tas-sistema attwali u l-inabbiltà tagħha li tissodisfa t-talbiet individwali u kollettivi taċ-ċittadini jissuġġerixxu li hemm bżonn ta' alternattivi li jirriflettu l-ħtiġiet u l-isfidi li jimponi futur ibbażat fuq in-netwerks diġitali. |
|
2.2 |
Din l-opinjoni fuq inizjattiva proprja hija konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020, li jipproponu konsum ta' oġġetti u servizzi li jmur id f'id ma' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv u barra minn hekk li għandu impatt ukoll fuq il-ħolqien tal-impjiegi, il-produttività u l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali. Minbarra dan, strateġiji oħra tal-UE jolqtu b'mod dirett jew indirett il-qasam tal-konsum kollaborattiv, bħall-Komunikazzjoni dwar il-Konsum u l-Produzzjoni Sostenibbli u l-Politika Industrijali Sostenibbli – Pjan ta' Azzjoni (2), l-inizjattiva “l-Ewropa għall-Innovazzjoni Soċjali” jew l-Aġenda Diġitali għall-Ewropa. |
|
2.3 |
Il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv jista' jkun reżistenti għas-sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja attwali u jista' joffri risposti għall-inċertezzi li qegħdin dejjem jiżdiedu kkawżati mill-kriżi ekonomika. Jista' jirrappreżenta opportunità sabiex nerġgħu lura fit-triq lejn l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u uman sostenibbli b'mod li jirrispetta l-ambjent tal-pjaneta tagħna. |
|
2.4 |
Barra minn hekk, l-eċċessi tal-konsum żejjed għenu biex jinħoloq distakk ta' inugwaljanza bejn ir-reġjuni produtturi u dawk li jikkonsmaw, fejn l-esklużjoni soċjali u l-obesità, jew ir-rimi u d-deprivazzjoni, jeżistu flimkien b'mod antagonistiku. Il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv jista' joffri għodda addizzjonali tas-suq li tista' tintuża biex jerġa' jinbeda u jiġi ġġenerat mill-ġdid is-suq intern, jiġi rristrutturat u jsir aktar bilanċjat u sostenibbli, dejjem sakemm għandu strutturi fissi. |
|
2.5 |
Jidher ċar li l-produzzjoni żejda u l-konsum żejjed mhumiex sostenibbli. Il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv jippromovi valuri kooperattivi u solidarjetà fil-prattika. Ir-revista Forbes reċentement stmat li l-flussi tad-dħul finanzjarju permezz tal-konsum kollaborattiv ser jiżbqu t-USD 3,5 biljun din is-sena, b'żieda ta' aktar minn 25 %. |
|
2.6 |
Għalhekk il-provvista u l-konsum ma jitqisux biss bħala l-pussess tal-oġġetti iżda l-aċċess kondiviż għat-tgawdija tagħhom, sabiex jilħqu l-bżonnijiet reali u jiżguraw is-sodisfazzjon personali, li huwa 'l bogħod mill-konsum simboliku u l-kisba ta' xewqat maħluqa b'mod artifiċjali. |
|
2.7 |
Filwaqt li l-prodotti fis-soċjetà ta' konsum konvenzjonali huma maħluqa għas-sjieda individwali, il-konsum rapidu u r-rimi bikri, il-ħolqien ta' prodotti dejjiema u maħluqin għal użu intensiv jew minn diversi persuni jew matul il-ħajja ta' konsumatur jew utent wieħed huwa l-karatteristika tal-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv, li jikkontribwixxi għal imġiba aktar ekoloġika fiċ-ċikli ta' ħajja tal-oġġetti użati mill-persuni. It-teknoloġiji l-ġodda (il-peer to peer u n-netwerks soċjali) juru l-importanza tal-komunità virtwali u dik reali. |
|
2.8 |
Il-kriżi ekonomika qed testendi t-tendenza li n-nies jippossjedu inqas, joqogħdu attenti x'jonfqu u jżommu għajn fuq il-valur għal flushom meta jqisu l-bżonnijiet tagħhom, abbażi tal-fehim li l-akkumulazzjoni tal-pussessi mhux ser tiggarantixxi l-benessri tagħhom. |
|
2.9 |
Il-kwistjoni prinċipali hija r-rabta bejn il-persuni li jeħtieġu aċċess għal riżorsa u dawk li għandhom din ir-riżorsa li mhix qed tintuża biżżejjed u li tista' tiġi misselfa, mogħtija, imparta, mikrija eċċ. Din ir-rabta hija bbażata fuq is-sens ta' komunità, kondiviżjoni u parteċipazzjoni fost l-utenti, fejn il-fiduċja hija r-rabta li tippermetti li jiġu stabbiliti konnessjonijiet, jiġi żviluppat il-konsum alternattiv u, fuq perjodu fit-tul, jinżammu r-relazzjonijiet li jinħolqu. Dan kollu jrid iseħħ f'kuntest ta' trasparenza, speċjalment fir-rigward tal-kwistjonijiet finanzjarji u f'termini tar-responsabbiltà tal-pjattaformi li jippromovu l-konsum kollaborattiv. |
|
2.10 |
F'dan ir-rigward, il-poter tal-kollaborazzjoni u l-kondiviżjoni permezz tat-teknoloġija konsegwentement ser ibiddlu l-mod kif naħsbu dwar is-sjieda u r-relazzjonijiet kummerċjali (3). Il-prodott ma jibqax jinbiegħ biss iżda jinkera, jiġi distribwit mill-ġdid jew kondiviż, bħalma jiġri għas-servizzi. |
|
2.11 |
Il-konsumaturi jixtiequ jippossjedu inqas iżda jibbenefikaw iktar. Il-benefiċċji razzjonali perċeputi jiċċentraw fuq it-tnaqqis u fuq l-aspetti prattiċi, iżda l-aspetti emozzjonali jagħtu sodisfazzjon personali u sens ta' appartenenza (4). Billi jiġu offruti alternattivi konvenjenti u ta' spiss irħas, l-inizjattivi tal-konsum kollaborattiv jagħmlu l-aħjar użu mir-riżorsi eżistenti u tiġi evitata l-manifattura ta' prodotti ġodda li mhumiex neċessarji. Fil-qosor, il-kondiviżjoni hija kemm ekonomika kif ukoll sostenibbli. |
|
2.12 |
Jekk biss titqies id-diġitizzazzjoni tal-kontenut (ritratti, mużika, vidjows, kotba, eċċ.) wieħed jista' jara li dan ġiegħel lin-nies jindunaw li ta' spiss dak li jridu mhux id-disk innifsu, iżda l-mużika li tinsab fih. Huma kuntenti li jistgħu jaċċessaw il-mużika meta jeħtieġuha, aktar u aktar jekk dan jieħu inqas mill-ħin u l-ispazju personali tagħhom. |
|
2.13 |
Il-kunċett ta' konsum kollaborattiv jew parteċipattiv jipprovdi wkoll opportunità lill-aktar gruppi vulnerabbli, speċjalment il-familji li għandhom sitwazzjoni ekonomika diffiċli jew li setgħu ġew esklużi mill-kanali konvenzjonali ta' aċċess għall-kreditu sabiex jixtru l-oġġetti li għandhom bżonn, meta jitqiesu ċ-ċirkostanzi soċjali attwali. Iżda dan huwa wkoll għażla, madankollu għal dawk li jistgħu jaċċessaw is-suq tal-oġġetti u s-servizzi b'mod normali, iżda li volontarjament jagħżlu li ma jagħmlux dan abbażi tal-impenn għall-valuri personali tagħhom. |
|
2.14 |
Il-konsum sostenibbli ġie rikonoxxut min-Nazzjonijiet Uniti mill-1999 'il quddiem bħala dritt bażiku tal-konsumatur. Minkejja li fl-Unjoni Ewropea, il-leġislazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur tmur iktar lura, din ma ssemmix dan bħala dritt, minkejja li għandu jiġi rikonoxxut, bħalma diġà appella b'mod ċar il-KESE (5), permezz ta' emenda għat-Trattati li tinkludi “il-prinċipju li tiġi żviluppata l-politika sostenibbli tal-konsum”. Barra minn hekk, il-KESE adotta wkoll opinjonijiet dwar l-ekonomija ekoloġika (6) u Opinjoni dwar l-obsolenza ppjanata (7). Reċentement fir-Riżoluzzjoni tiegħu dwar l-Aġenda tal-Konsumatur, il-Parlament Ewropew talab speċifikament lill-Kummissjoni sabiex tindirizza din it-tema. |
3. Konsum kollaborattiv jew parteċipattiv: approċċ kunċettwali
|
3.1 |
L-aktar definizzjoni komuni ta' konsum kollaborattiv jew parteċipattiv hija l-mod tradizzjonali ta' kondiviżjoni, skambju, self, kiri u għoti ta' rigali, definita mill-ġdid permezz tat-teknoloġija moderna u l-komunitajiet. Din ir-referenza tagħmilha ċara li l-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv mhu bl-ebda mod idea ġdida; fil-fatt huwa t-tqajjim ta' prattika li tibbenefika mit-teknoloġija tal-lum sabiex is-servizzi jsiru aktar effiċjenti u li jmorru 'l quddiem. Fl-istess ħin, il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv għandu jkun ibbażat dejjem fuq inizjattiva proprja u parteċipazzjoni volontarja. |
|
3.2 |
Il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv jirrappreżenta t-tielet mewġa tal-Internet, fejn in-nies jiltaqgħu fuq l-internet sabiex jikkondividu barra l-Internet. Ġie deskritt ukoll b'mod adatt skont il-funzjoni tiegħu li jitfa' f'ċirkolazzjoni dak kollu li jeżisti. |
|
3.3 |
Mingħajr dubju, fil-ġenesi tal-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv insibu tliet prekursuri: il-kriżi ekonomika u dik relatata mal-valur, l-estensjoni tan-netwerks soċjali u l-imġiba kollaborattiva jew parteċipattiva fl-Internet. Madankollu, sabiex dan it-tip ta' konsum jikber fl-ekonomiji żviluppati, il-fatturi li ġejjin huma essenzjali: il-fiduċja fil-ġid komuni, il-kapaċità inattiva u t-teknoloġija (8). |
|
3.4 |
Il-fiduċja bejn nies li ma jafux lil xulxin forsi hija l-iktar aspett kruċjali sabiex il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv ikollu suċċess. Min-naħa tagħha, it-teknoloġija tippermetti lin-nies jaċċessaw is-servizzi onlajn li min-naħa tagħhom jgħinu jinħolqu konnessjonijiet offlajn b'livell għoli ta' fiduċja. |
|
3.5 |
Il-kondiviżjoni tar-riżorsi teħtieġ fiduċja u reputazzjoni tajba, speċjalment meta jridu jiġu attratti aktar utenti. L-inizjattivi tal-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv għandhom jassiguraw li l-komunitajiet tagħhom huma siguri. |
|
3.6 |
Għalhekk jista' jiġi previst li l-kondiviżjoni onlajn sikwit twassal ukoll għall-kondiviżjoni offlajn. Fid-dinja offlajn, l-aktar mod sempliċi sabiex tinbena l-fiduċja fil-kondiviżjoni huwa li jiġi limitat id-daqs tal-komunità jew tintuża xi tip ta' komunità li teżisti diġà fejn hemm livell ta' fiduċja u affinità. Xi skemi ta' konsum kollaborattiv jew parteċipattiv jippermettu li jinħolqu gruppi magħluqa fejn jiġu koperti l-bżonnijiet tal-utenti u tinbeda l-fiduċja, peress li dawn huma aktar sempliċi biex jiġu ġestiti. |
|
3.7 |
Meta jinħoloq sentiment ta' komunità fost l-utenti tas-servizz, titjieb ukoll il-fiduċja fis-servizz innifsu u fost l-utenti tiegħu. L-utenti jieħdu ħsieb l-azzjonijiet u l-interazzjonijiet tagħhom sabiex ikunu jistgħu jibnu u jipproteġu r-reputazzjoni tajba tagħhom, peress li dan huwa l-element li ser jippermettilhom jinteraġixxu mal-komunità u jużaw is-sistema, bħalma jiġri fis-swieq kollha. |
|
3.8 |
Huwa impossibbli li jiġu eliminati r-riskji kollha. Fi kwalunkwe każ, il-pjattaformi li jiffaċilitaw l-iskambji għandhom jiżguraw li l-membri jkunu jafu b'dawn ir-riskji u li jkollhom biżżejjed informazzjoni sabiex jiġġestuhom b'mod effettiv. |
|
3.9 |
Min-naħa l-oħra, it-teknoloġija hija fattur ewlieni sabiex tiġi ottimizzata l-allokazzjoni tar-riżorsi, sabiex jinġabru gruppi ta' nies bl-istess interessi u sabiex jinbnew komunitajiet. It-teknoloġiji tal-mowbajl u tal-ħin reali jagħmluha aktar faċli u eħfef kemm biex tiżdied l-informazzjoni dwar il-lokalità kif ukoll sabiex tiġi ffaċilitata sistema ta' ħlas sempliċi meta meħtieġ. |
|
3.10 |
Madankollu, fir-rigward tat-tfassil tal-fluss tas-servizz, huwa importanti li jiġi żgurat li dan ikun aċċessibbli u faċli biex jintuża, jippromovi rabta stretta u ta' fiduċja fost l-utenti u mal-provveditur tas-serizz, jipprovdi miżuri ta' sigurtà adegwati u rassiguranti u joffri esperjenzi ffokati fuq l-utent sabiex jiġu stabbiliti banek ta' reputazzjoni tajba permezz ta' bażijiet ta' data ċentralizzati u adegwati. |
|
3.11 |
Dan l-aħħar aspett tar-reputazzjoni huwa partikolarment importanti bħala katalista għall-bidla ekonomika u soċjali. Fil-fatt, huwa stmat li l-“kapital ta' reputazzjoni” (9) jista' jaġixxi bħala t-tieni munita, li l-valur tagħha jinsab fl-għoti ta' fiduċja. Jista' jingħad li dan il-kapital tar-reputazzjoni qiegħed jidher bħala l-pedament tal-ekonomija tas-seklu XXI, għaliex dan ikun ifisser li l-poter antik ta' “bil-fomm” jiġi proġettat fil-kapaċità ta' soċjetà f'netwerk li xxerred l-informazzjoni malajr ħafna. |
|
3.12 |
Iċ-ċittadini diġà qed jesprimu l-bżonnijiet u l-interessi tagħhom billi jaġixxu u jikkonsmaw b'mod aktar rilevanti u trasparenti, waqt li jinkorporaw kunsiderazzjonijiet soċjali ċari fil-kriterji ta' xiri tagħhom u b'mod attiv iżidu l-kontenut emozzjonali għad-deċiżjonijiet tagħhom. |
|
3.13 |
Fl-aħħar, il-konsumatur impenjat jislef l-influwenza u l-appoġġ tiegħu lill-marka, waqt li jaqdi parti attiva fis-suċċess tal-inizjattiva kondiviża, li ssaħħaħ u titma' lill-proċess. |
|
3.14 |
Fil-qosor, l-għan huwa li l-ekwazzjoni: kreditu + pubbliċità + sjieda privata = konsum żejjed, li tirrifletti l-ispirtu tas-seklu XX, tiġi formulata mill-ġdid f'ekwazzjoni oħra li għandha l-għan li tirfina dan is-seklu: reputazzjoni + komunità + aċċess kondiviż = konsum kondiviż jew kollaborattiv.
|
|
3.15 |
Il-konsum kollaborattiv jaqsam ħafna mill-objettivi ta' politika tal-Unjoni, speċjalment tas-suq uniku, bħal pereżempju ż-żieda fl-effiċjenza tar-riżorsi u t-tisħiħ tal-innovazzjoni soċjali sabiex jinħolqu l-impjiegi u l-prosperità ekonomika. Ħafna intrapriżi ġodda tal-konsum kollaborattiv iwettqu l-attivitajiet tagħhom fit-territorju tal-Unjoni, u dan ifisser li l-Ewropa tista' ssir "inkubatur" għal mudelli ġodda ta' negozju u b'hekk jinħoloq żvilupp ekonomiku aktar sostenibbli. |
|
3.16 |
Peress li l-konsum kollaborattiv jirrappreżenta bidla ekonomika, soċjali u kulturali importanti, il-Kummissjoni għandha tneħħi l-ostakli li jista' jkun hemm fil-livell Ewropew għal dawn l-attivitajiet, waqt li jinħoloq qafas regolatorju li joffri ċertezza fit-tul lis-settur. |
4. L-aħjar prattiki tal-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv
|
4.1 |
Diġà teżisti firxa wiesgħa ta' proposti u esperjenzi ta' konsum kollaborattiv jew parteċipattiv fil-livell globali li juru b'mod ċert li mod ieħor ta' konsum mhux biss huwa possibbli iżda saħansitra jagħti kontribut sostanzjali sabiex titjieb id-dinja li ngħixu fiha, u b'mod aktar importanti, tiġi ppreservata għall-ġenerazzjonijiet futuri. |
|
4.2 |
B'riżultat tal-kriżi ekonomika ħarġu pjattaformi, pereżempju, sabiex jinbiegħu u jinxtraw il-ħwejjeġ tat-tieġ u l-aċċessorji użati, għall-akkomodazzjoni privata, il-kiri ta' karozzi jew ta' ħwejjeġ gala, inklużi l-ħwejjeġ ta' diżinjaturi jew aċċessorji ta' lussu. Jeżistu wkoll komunitajiet fejn l-utenti jippubblikaw kompitu, pereżempju sabiex titwaħħal l-għamara jew jinġabar pakkett, u l-prezz li jiġi offrut lill-persuna li tagħmel dan. |
|
4.3 |
Eżempju paradigmatiku tal-valur tal-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv huwa n-numru għoli ta' għodod u utensili li rarament jintużaw minkejja l-prezz imħallas għalihom jew, li jfisser l-istess ħaġa, in-nuqqas ta' użu tal-oġġetti jew in-nuqqas li jsir l-aħjar użu minnhom jew tal-possibbiltajiet tagħhom. Eżempji tipiċi ta' dan huwa x-xiri ta' driller sabiex jintuża biss għoxrin minuta tul il-ħajja kollha jew anke x-xiri ta' karozza li tqatta' aktar ħin ipparkjata milli misjuqa. |
|
4.4 |
Il-ħamsa u ħamsin fil-mija tal-Ewropej jixtiequ konsum sostenibbli, anke jekk dan ifisser li jħallsu aktar. Fis-sin li ġejjin, ix-xewqat tal-konsumaturi fir-rigward ta' modi alternattivi ta' konsum huma mistennija li jiffukaw fuq dan li ġej (10):
|
|
4.5 |
Minkejja li l-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv ikopri spettru wiesa' u miftuħ ta' inizjattivi, ħaġa waħda li għandhom komuni, bħalma diġà ntqal qabel, hija li jiffaċilitaw ir-rabta bejn dawk li għandhom riżorsi mhux użati biżżejjed u dawk li għandhom bżonn dawn l-istess riżorsi. Din il-karatteristika tintwera perfettament mill-fatt li għandna t-tendenza li nitkellmu dwar li niffabbrikaw prodotti aktar ekoloġiċi, iżda huwa aktar ekoloġiku li jsir użu aktar ottimu ta' dak kollu li diġà għandna. |
|
4.6 |
Il-konsum kollaborattiv għandu numru ta' effetti diretti (bħall-konsum baxx ta' riżorsi u emissjonijiet tas-CO2, domanda ogħla għal prodotti ta' kwalità tajba jekk il-prodotti huma għas-self, għall-kiri jew għat-tiswija, dan jippromovi l-ekodiżinn li minnu jibbenefikaw numru ta' utenti differenti, li prodott jibqa' tajjeb għal żmien twil u l-personalizzazzjoni ripetuta ta' prodotti kompatibbli; itejjeb l-interazzjoni soċjali, l-iżvilupp tal-komunità u l-fiduċja fost iċ-ċittadini; iħeġġeġ l-aċċess għal prodotti ta' kwalità għolja għall-konsumaturi li għandhom dħul baxx, eċċ.) u jista' jkollu wkoll effetti indiretti oħra. |
|
4.7 |
Fir-rigward tal-leġislazzjoni tal-UE, il-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv jixbah l-aktar il-provvista ta' servizzi fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 57 tat-TFUE iżda dan iqajjem numru ta' mistoqsijiet. Madankollu jeħtieġ li ssir differenza fi ħdan il-konsum kollaborattiv, bejn l-attivitajiet mhux għall-profitt u dawk li jsiru għall-profitt, peress li huma dawn tal-aħħar biss li għandu jkollhom l-attenzjoni tal-leġislatur Ewropew. |
|
4.8 |
Fi sforz sabiex tinġieb xi ftit ordni lid-diversità dejjem tikber ta' inizjattivi li jaqgħu taħt il-kunċett ta' konsum kollaborattiv jew parteċipattiv, l-ekonomija tal-kondiviżjoni tista' titqies f'li tikkonsisti f'erba' oqsma: mill-konsumatur għall-konsumatur (C2C), mill-konsumatur għall-konsumatur iżda permezz ta' negozju (C2B), min-negozju għall-konsumatur (B2C) u min-negozju għan-negozju (B2B). |
|
4.9 |
Hija proposta wkoll skema ta' klassifikazzjoni fuq tliet sistemi (11): sistema bbażata fuq il-prodott, dik ibbażata fuq is-swieq tad-distribuzzjoni mill-ġdid u dik ibbażata fuq l-istili ta' ħajja kollaborattivi. |
|
4.10 |
Bħalma jidher, il-prattika ta' konsum kollaborattiv jew parteċipattiv tista' tiġi applikata għal kwalunkwe aspett tal-ħajja ta' kuljum, bħal (12):
|
|
4.11 |
B'mod ġenerali, jeħtieġ biss li jiġu identifikati liema oġġetti, għarfien jew servizzi għandhom kapaċità li mhux tintuża u li jistgħu jiġu kondiviżi f'xenarju li jwassal għall-iżvilupp tal-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv. Xenarju bħal dan jikkombina sitwazzjoni ekonomika dgħajfa b'mod permanenti, talba dejjem tikber għall-iżvilupp etiku u sostenibbli u ħajja ta' kuljum fejn in-nies qegħdin dejjem aktar ikunu konnessi. Dawn il-kundizzjonijiet kollha jinsabu fir-realtà. |
5. Inizjattivi proposti u strateġija ta' azzjoni
|
5.1 |
Għalhekk il-KESE jappella lill-Kummissjoni sabiex tadotta l-miżuri rilevanti għall-protezzjoni tal-konsumatur sabiex, abbażi tal-istudji adegwati, ikunu jistgħu jiġu implimentati l-inizjattivi proposti hawnhekk. |
|
5.2 |
Iktar 'il quddiem hawn sommarju qasir tal-linji ta' azzjoni li nqisu li għandhom jagħmlu parti minn strateġija għall-iżvilupp sistematiku tal-konsum kollaborattiv jew parteċipattiv, b'miżuri li jappoġġjaw, jikkomplementaw u jissorveljaw il-politika ta' ħarsien tal-konsumaturi implimentata mill-Istati Membri:
|
Brussell, 21 ta' Jannar 2014
Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
Henri MALOSSE
(1) http://www.web-strategist.com/blog/2013/07/27/collaborative-economy-industry-stats.
(2) COM(2008) 397 final.
(3) Botsman, Rachel. “Dak li hu tiegħi hu tiegħek: it-twelid tal-konsum kollaborattiv”.
(4) Studju mwettaq minn Carbonview Research għal Campbell Mithun, 2012.
(5) ĠU C 185, 8.8.2006, p. 71.
(6) ĠU C 271, 19.9.2013, p. 18.
(7) CESE 1904/2013 “It-tul tal-ħajja tal-prodotti u l-informazzjoni tal-konsumaturi” (għadha mhux ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(8) Albert Cañigueral www.consumocolaborativo.com.
(9) Rachel Botsman tirreferi għall-“kapital tar-reputazzjoni” bħala l-valur tar-reputazzjoni fil-komunitajiet u s-swieq, u f'termini ta' intenzjonijiet, kapaċitajiet u valuri.
(10) Studju intitolat "Il-konsumaturi Ewropej f'dinja alternattiva". Osservatorju Cetelem, 2013.
(11) Rachel Botsman.
(12) Xi direttorji ta' proġetti ta' konsum kollaborattiv jew parteċipattiv:
|
http://www.collaborativeconsumption.com/directory/ |
|
http://www.consumocolaborativo.com/directorio-de-proyectos/ |
|
http://consocollaborative.com/1704-100-sites-de-consommation-collaborative.html |
|
http://collaboriamo.org/ |
|
http://www.kokonsum.org/plattformen |
|
http://www.gsara.tv/~ouishare/ |
(13) L-ipprogrammar ta' tmiem il-ħajja ta' prodott jew servizz, b'tali mod li d-disinn tiegħu jqassar il-funzjonalità jew l-utilità attwali tiegħu.
(14) Salcedo Aznal, Alejandro – “Cooperativismo 3.0” – 100 años de cooperativismo de consumidores y usuarios: historia y futuro (“Kooperattivi 3.0 – mitt sena ta' kooperattivi ta' konsumaturi u utenti: storja u futur”) (pp 65-68). UNCCUE, 2013.
(15) Il-kooperattivi ta' prodotti jew attivitajiet relatati mal-ekonomija lokali li jimminimizzaw l-impatt ikkawżat mid-distribuzzjoni u t-trasport fuq distanzi twal.