Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2190

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/2190 tad-29 ta’ Ottubru 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/2124 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti jitilqu mill-Unjoni u ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tranżitu u t-trasbord (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/7418

ĠU L 434, 23.12.2020, pp. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/2190/oj

23.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 434/3


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2190

tad-29 ta’ Ottubru 2020

li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2019/2124 fir-rigward tal-kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti jitilqu mill-Unjoni u ċerti dispożizzjonijiet dwar it-tranżitu u t-trasbord

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Marzu 2017 dwar il-kontrolli uffiċjali u attivitajiet uffiċjali oħra mwettqa biex jiżguraw l-applikazzjoni tal-liġi tal-ikel u tal-għalf, ta’ regoli dwar is-saħħa u t-trattament xieraq tal-annimali, dwar is-saħħa tal-pjanti u dwar prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 999/2001, (KE) Nru 396/2005, (KE) Nru 1069/2009, (KE) Nru 1107/2009, (UE) Nru 1151/2012, (UE) Nru 652/2014, (UE) 2016/429 u (UE) 2016/2031 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1/2005 u (KE) Nru 1099/2009 u d-Direttivi tal-Kunsill 98/58/KE, 1999/74/KE, 2007/43/KE, 2008/119/KE u 2008/120/KE, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 854/2004 u (KE) Nru 882/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, id-Direttivi tal-Kunsill 89/608/KEE, 89/662/KEE, 90/425/KEE, 91/496/KEE, 96/23/KE, 96/93/KE u 97/78/KE u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 92/438/KEE (Regolament dwar il-Kontrolli Uffiċjali) (1), u b’mod partikolari l-punti (b) u (d) tal-Artikolu 51(1),

Billi:

(1)

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 (2) jistabbilixxi regoli għat-twettiq ta’ kontrolli uffiċjali mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri (3) fuq kunsinni ta’ annimali u oġġetti fit-tranżitu, fit-trasbord u fit-tkomplija tat-trasport fl-Unjoni.

(2)

Peress li diversi operaturi huma involuti matul it-tranżitu u t-trasbord, inkluż l-importaturi, it-trasportaturi, l-aġenti doganali u n-negozjanti, jeħtieġ li jiġi indikat li l-operaturi responsabbli mill-kunsinni jenħtieġ li jikkonformaw mar-regoli fir-Regolament Delegat (UE) 2019/2124.

(3)

Sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-kunsinni sakemm jitilqu mit-territorju tal-Unjoni, iċ-ċertifikat uffiċjali maħruġ f’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2128 (4) irid jakkumpanja l-kunsinni mill-imħażen approvati sal-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti jitilqu mit-territorju tal-Unjoni.

(4)

F’konformità mar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2128, iċ-ċertifikati uffiċjali jistgħu jinħarġu f’għamla stampata. B’konsegwenza ta’ dan, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-kontrolli uffiċjali fil-bażijiet militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti, l-awtoritajiet kompetenti fil-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti jitilqu mill-Unjoni u r-rappreżentant tal-kaptan ta’ bastiment jew l-operatur responsabbli mit-twassil ta’ kunsinni lejn bastiment li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni jenħtieġ ukoll li jingħataw il-possibbiltà li jikkontrofirmaw ċertifikati uffiċjali li jinħarġu f’għamla stampata u li jirritornaw dawn iċ-ċertifikati uffiċjali fi żmien 15-il jum mid-data ta’ meta t-tranżitu jkun ġie awtorizzat.

(5)

Bil-ħsieb li tiġi protetta s-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali, il-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali, prodotti derivati, ħuxlief u tiben u l-prodotti kompożiti tagħhom fi tranżitu minn pajjiż terz għal pajjiż terz ieħor jistgħu jiġu awtorizzati li jgħaddu mit-territorju tal-Unjoni diment li jissodisfaw ċerti kundizzjonijiet. Dawn il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jinkludu l-monitoraġġ xieraq tal-kunsinni matul it-tranżitu u l-preżentazzjoni dovuta tagħhom għall-kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn dawn jitilqu mit-territorju tal-Unjoni.

(6)

Biex tiġi żgurata l-protezzjoni tas-saħħa tal-bnedmin u tal-annimali, il-prodotti li joriġinaw mill-annimali jenħtieġ li jiżdiedu mal-komoditajiet li għandhom jiġu kkontrollati fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti jitilqu mill-Unjoni.

(7)

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2124 jistabbilixxi r-rekwiżiti speċifiċi tat-tranżitu ta’ annimali, prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali, prodotti derivati, ħuxlief u tiben u l-prodotti kompożiti tagħhom minn parti mit-territorju tal-Unjoni lejn parti oħra tat-territorju tal-Unjoni, li jgħaddu mit-territorju ta’ pajjiż terz.

(8)

Wara l-perjodu ta’ tranżizzjoni, li kien miftiehem bħala parti mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u tal-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Ftehim dwar il-Ħruġ), il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji mill-annimali, il-ħuxlief u t-tiben u l-prodotti kompożiti li jiġu mċaqilqa minn parti tal-Unjoni għal parti oħra tat-territorju tal-Unjoni, li jgħaddu mir-Renju Unit, minbarra l-Irlanda ta’ Fuq, iridu jiġu ppreżentati għall-kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll tal-fruntiera tal-introduzzjoni mill-ġdid fl-Unjoni. Il-kunċett ta’ “territorju tal-Unjoni” jinkludi l-Irlanda ta’ Fuq għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

(9)

Abbażi tan-notifika minn qabel tal-wasla tal-kunsinna u tal-verifiki tad-dokumenti, l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni mill-ġdid fl-Unjoni jenħtieġ li jkunu jistgħu jivvalutaw jekk il-kunsinna fi tranżitu tkunx tista’ tiġi riammessa fl-Unjoni jew ikollhiex tiġi ppreżentata għal aktar kontrolli. Din in-notifika minn qabel jenħtieġ li ssir mill-operatur responsabbli mill-kunsinna. Il-kontrolli uffiċjali jenħtieġ li jitwettqu permezz tas-sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni għall-kontrolli uffiċjali (IMSOC).

(10)

Madankollu, diversi Stati Membri enfasizzaw problemi prattiċi u l-piż amministrattiv konsiderevoli tal-użu tal-IMSOC għal notifika minn qabel u għal kontrolli dokumentarji fil-każ speċifiku ta’ tranżitu mir-Renju Unit, eskluż l-Irlanda ta’ Fuq.

(11)

Sabiex jiġi evitat xi dewmien li jirriżulta mill-piż amministrattiv tal-konformità mal-formalitajiet dokumentarji għall-introduzzjoni mill-ġdid ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji mill-annimali, prodotti derivati, tiben u ħuxlief u l-prodotti kompożiti fl-Unjoni, jenħtieġ li tingħata l-possibbiltà lill-Istati Membri li jużaw sistema ta’ informazzjoni alternattiva li tikseb l-istess objettivi bħall-IMSOC għal notifika minn qabel u għal reġistrazzjoni tar-riżultati tal-kontrolli tad-dokumenti fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni mill-ġdid fl-Unjoni wara tranżitu mir-Renju Unit, eskluż l-Irlanda ta’ Fuq.

(12)

Għalhekk, ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2124 jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

(13)

Sabiex jiġi żgurat li l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament ikunu effettivi wara li jintemm il-perjodu ta’ tranżizzjoni fil-Ftehim dwar il-Ħruġ, dan ir-Regolament jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2021,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament Delegat (UE) 2019/2124 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 2, il-punt (7) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(7)

post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni” tfisser il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fejn l-annimali u l-oġġetti jiġu ppreżentati għall-kontrolli uffiċjali u li minnu jidħlu fl-Unjoni għat-tqegħid sussegwenti fis-suq jew għat-tranżitu mit-territorju tal-Unjoni (*) u li jista’ jkun post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-ewwel wasla fl-Unjoni;

(*)  Il-kunċett “territorju tal-Unjoni” jinkludi l-Irlanda ta’ Fuq għall-iskopijiet tal-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.”;"

(2)

l-Artikolu 14 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 14

Il-ħżin ta’ kunsinni ttrasbordati ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali, prodotti derivati, ħuxlief u tiben u l-prodotti kompożiti tagħhom

L-operaturi responsabbli mill-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali, prodotti derivati, ħuxlief u tiben u l-prodotti kompożiti tagħhom, għandhom jiżguraw li dawk il-kunsinni jinħażnu biss matul il-perjodu tat-trasbord:

(i)

fiż-żona doganali jew fiż-żona ħielsa tal-istess port jew ajruport f’kontejners issiġillati; jew

(ii)

f’faċilitajiet tal-ħżin kummerċjali taħt il-kontroll tal-istess post ta’ kontroll fuq il-fruntiera, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(11) u (12) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1014 (**).

(**)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1014 tat-12 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi regoli ddettaljati dwar rekwiżiti minimi għall-postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera, inklużi ċ-ċentri ta’ spezzjoni, u għall-format, il-kategoriji u l-abbrevjazzjonijiet li għandhom jintużaw għall-elenkar ta’ postijiet ta’ kontroll fuq il-fruntiera u ta’ punti ta’ kontroll (ĠU L 165, 21.6.2019, p. 10).”;"

(3)

fl-Artikolu 29, il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(c)

l-operatur responsabbli mill-kunsinna jiżgura li ċertifikat uffiċjali f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2128 jakkumpanja l-kunsinna sal-post tad-destinazzjoni tagħha jew sal-post tal-kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti jitilqu mit-territorju tal-Unjoni;”;

(4)

l-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-operatur responsabbli mill-kunsinni ta’ oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 jista’ jħott dawk il-kunsinni fil-port tad-destinazzjoni qabel ma jitwasslu fil-bastiment li jkun se jitlaq mit-territorju tal-Unjoni, diment li l-operazzjoni tkun awtorizzata u ssorveljata mill-awtorità doganali, u li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet tat-twassil indikati fin-notifika msemmija fil-paragrafu 1.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Ir-rappreżentant imsemmi fil-paragrafu 3 jew l-operatur responsabbli mit-twassil tal-kunsinni lill-bastiment li jitlaq mit-territorju tal-Unjoni għandu jirritorna lejn l-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tad-dħul fl-Unjoni jew tal-maħżen, fi żmien 15-il jum mid-data li fiha t-tranżitu jkun ġie awtorizzat fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jew fil-maħżen, iċ-ċertifikat uffiċjali b’kontrofirma msemmi fil-punt (a) tal-paragrafu 3.”;

(5)

l-Artikolu 32 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 32

L-obbligi tal-operatur li jippreżenta l-oġġetti li jkunu se joħorġu mit-territorju tal-Unjoni għall-kontrolli uffiċjali

1.   L-operaturi responsabbli mill-kunsinni ta’ prodotti li joriġinaw mill-annimali, prodotti ġerminali, prodotti sekondarji tal-annimali, prodotti derivati, ħuxlief u tiben u l-prodotti kompożiti tagħhom li jitilqu mit-territorju tal-Unjoni biex jiġu ttrasportati lejn pajjiż terz għandhom jippreżentaw dawk il-kunsinni għall-kontrolli uffiċjali lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera indikat fil-CHED, f’post indikat minn dawk l-awtoritajiet kompetenti.

2.   L-operaturi responsabbli mill-kunsinni tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu se joħorġu mit-territorju tal-Unjoni biex jintbagħtu lejn bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti li tinsab f’pajjiż terz għandhom jippreżentaw dawk il-kunsinni għall-kontrolli uffiċjali lill-awtorità kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera indikat fiċ-ċertifikat uffiċjali maħruġ f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2128.”;

(6)

l-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 33

Kontrolli uffiċjali fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn jitilqu l-oġġetti mit-territorju tal-Unjoni

1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera fejn il-prodotti li joriġinaw mill-annimali, il-prodotti ġerminali, il-prodotti sekondarji tal-annimali, il-prodotti derivati, il-ħuxlief u t-tiben u l-prodotti kompożiti tagħhom jitilqu mit-territorju tal-Unjoni għandhom jagħmlu verifika tal-identità biex jiżguraw li l-kunsinna ppreżentata tikkorrispondi mal-kunsinna msemmija fil-CHED jew fiċ-ċertifikat uffiċjali maħruġ f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2128 li jakkumpanja l-kunsinna. B’mod partikolari, għandhom jivverifikaw li s-siġilli mwaħħla fuq il-vetturi jew fuq il-kontejners tat-trasport, f’konformità mal-punt (d) tal-Artikolu 19, mal-punt (d) tal-Artikolu 28, jew mal-punt (e) tal-Artikolu 29, ikunu għadhom intatti.

2.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera minn fejn l-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 joħorġu mit-territorju tal-Unjoni għandhom jirreġistraw l-eżitu tal-kontrolli uffiċjali fil-parti III tal-CHED jew fil-parti III taċ-ċertifikat uffiċjali maħruġ f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2128.

3.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera responsabbli mill-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jikkonfermaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jew tal-maħżen, fi żmien perjodu ta’ 15-il jum mid-data li fiha, it-tranżitu kien awtorizzat fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jew tal-maħżen, bil-wasla u l-konformità tal-kunsinna ma’ dan ir-Regolament, billi:

(a)

idaħħlu l-informazzjoni rilevanti fl-IMSOC; jew

(b)

jikkontrofirmaw iċ-ċertifikat uffiċjali maħruġ f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2128 u jirritornaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-maħżen iċ-ċertifikat oriġinali jew jittrażmettu kopja tiegħu.”;

(7)

l-Artikolu 35 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-kontrolli fil-bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti fid-destinazzjoni għandhom jagħmlu verifika tal-identità biex jikkonfermaw li l-kunsinna tikkorrispondi ma’ dik koperta mill-CHED jew miċ-ċertifikat uffiċjali ta’ akkumpanjament maħruġ f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2128. B’mod partikolari, għandhom jivverifikaw li s-siġilli mwaħħla fuq il-vetturi jew fuq il-kontejners tat-trasport, f’konformità mal-Artikoli 19(d) u 29(e) ikunu għadhom intatti.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu 3 li ġej:

“3.   L-awtoritajiet kompetenti responsabbli mill-kontrolli fil-bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti fil-post tad-destinazzjoni għandhom jikkonfermaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-post tal-kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jew tal-maħżen, fi ħdan perjodu ta’ 15-il jum mid-data li fiha t-tranżitu kien awtorizzat fil-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni fl-Unjoni jew tal-maħżen, bil-wasla u l-konformità tal-kunsinna ma’ dan ir-Regolament, billi:

(a)

idaħħlu l-informazzjoni rilevanti fl-IMSOC; jew

(b)

jikkontrofirmaw iċ-ċertifikat uffiċjali maħruġ f’konformità mal-mudell stabbilit fl-Anness tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/2128 u jroddu lura lill-awtoritajiet kompetenti tal-maħżen iċ-ċertifikat oriġinali jew jittrażmettu kopja tiegħu.”;

(8)

fl-Artikolu 36, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-operatur responsabbli mill-kunsinna tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 għandu jittrasporta l-kunsinna direttament lejn waħda mid-destinazzjonijiet li ġejjin:

(a)

il-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera li awtorizza t-tranżitu mill-Unjoni; jew

(b)

il-maħżen fejn tkun inħażnet qabel ir-rifjut minn pajjiż terz.”;

(9)

l-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu 4a li ġej:

“4a.   Għall-kunsinni tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu li mhumiex soġġetti għar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għad-dħul fl-Unjoni f’konformità mar-regoli msemmija fil-punti (d) u (e) tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) 2017/625 u li jiġu mċaqilqa minn parti mit-territorju tal-Unjoni lejn parti oħra tat-territorju tal-Unjoni, li tgħaddi mir-Renju Unit, eskluż l-Irlanda ta’ Fuq, l-operaturi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu jistgħu jagħtu notifika minn qabel tal-wasla ta’ dawk il-kunsinni lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera tal-introduzzjoni mill-ġdid fl-Unjoni permezz ta’ sistema ta’ informazzjoni jew taħlita ta’ sistemi ta’ informazzjoni minbarra l-IMSOC, diment li tali sistema jew taħlita ta’ sistemi:

(a)

ikunu ġew deżinjati mill-awtoritajiet kompetenti;

(b)

jippermettu lill-operaturi jipprovdu l-informazzjoni li ġejja:

(i)

id-deskrizzjoni tal-oġġetti fi tranżitu;

(ii)

l-identifikazzjoni tal-mezzi tat-trasport;

(iii)

il-ħin stmat tal-wasla;

(iv)

l-oriġini u d-destinazzjoni tal-kunsinni; u

(c)

jippermettu lill-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ kontroll fuq il-fruntiera ta’ introduzzjoni mill-ġdid fl-Unjoni:

(i)

jivvalutaw l-informazzjoni pprovduta mill-operaturi;

(ii)

jinfurmaw lill-operaturi jekk il-kunsinni jkollhomx jiġu ppreżentati għall-verifiki addizzjonali previsti fil-paragrafu 4.”;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-operaturi responsabbli mill-kunsinni ta’ annimali li jiġu ttrasportati minn parti mit-territorju tal-Unjoni lejn parti oħra tat-territorju tal-Unjoni u li jgħaddu mit-territorju ta’ pajjiż terz, għandhom jippreżentaw dawk il-kunsinni għall-verifiki uffiċjali fil-punt tal-ħruġ mit-territorju tal-Unjoni.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 95, 7.4.2017, p. 1.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/2124 tal-10 ta’ Ottubru 2019 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2017/625 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward ir-regoli għall-kontrolli uffiċjali ta’ kunsinni ta’ annimali u ta’ oġġetti fit-tranżitu, fit-trasbord u fit-tkomplija tat-trasport fl-Unjoni, u li jemenda r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 798/2008, (KE) Nru 1251/2008, (KE) Nru 119/2009, (UE) Nru 206/2010, (UE) Nru 605/2010, (UE) Nru 142/2011, (UE) Nru 28/2012, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/759 u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 73).

(3)  F’konformità mal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq flimkien mal-Anness 2 ta’ dak il-Protokoll, dan ir-Regolament japplika għar-Renju Unit u fih, fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2128 tat-12 ta’ Novembru 2019 li jistabbilixxi l-mudell taċ-ċertifikat uffiċjali u r-regoli għall-ħruġ ta’ ċertifikati uffiċjali għal oġġetti li jiġu kkonsenjati lill-bastimenti li jkunu se jitilqu mill-Unjoni u li huma maħsuba għall-provvista tal-vapuri jew għall-konsum mill-ekwipaġġ u mill-passiġġieri, jew għal bażi militari tan-NATO jew tal-Istati Uniti (ĠU L 321, 12.12.2019, p. 114).


Top