Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0210(01)

    Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-26 ta’ Novembru 2019 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha

    ĠU C 45, 10.2.2020, p. 2–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    10.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 45/2


    DEĊIŻJONI TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UNJONI EWROPEA

    tas-26 ta’ Novembru 2019

    dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha

    (2020/C 45/02)

    IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA TAL-UNJONI EWROPEA,

    wara li rat l-Artikolu 15(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    wara li rat l-opinjoni tal-Kumitat Amministrattiv tal-11 ta’ Novembru 2019,

    filwaqt li tikkunsidra li għandhom jiġu adottati regoli dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha,

    filwaqt li tikkunsidra, wara riorganizzazzjoni amministrattiva, li hemm lok li d-dispożizzjonijiet dwar l-awtorità awtorizzata sabiex tiddeċiedi dwar ir-risposta li għandha tingħata għal talba inizjali ta’ aċċess għal dokument previsti fid-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha jiġu emendati (1),

    TADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-deċiżjoni tapplika għad-dokumenti kollha miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, jiġifieri redatti jew irċevuti minnha u li jinsabu fil-pussess tagħha, fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha.

    2.   Din id-deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għad-drittijiet ta’ aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li jistgħu jirriżultaw minn atti tad-dritt internazzjonali jew atti li jimplimentawhom.

    Artikolu 2

    Benefiċjarji

    1.   Kull ċittadin tal-Unjoni Ewropea u kull persuna fiżika jew ġuridika li hija residenti jew li għandha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandha dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea msemmija fl-Artikolu 1(1) taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-deċiżjoni.

    2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’, taħt l-istess kundizzjonijiet, tawtorizza l-aċċess għal dawn id-dokumenti lil kull persuna fiżika jew ġuridika li ma hijiex residenti jew li ma għandhiex l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru.

    Artikolu 3

    Eċċezzjonijiet

    1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tirrifjuta l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-protezzjoni:

    (a)

    tal-interess pubbliku, fir-rigward:

    tas-sigurtà pubblika,

    tad-difiża u tal-affarijiet militari,

    tar-relazzjonijiet internazzjonali,

    tal-politika finanzjarja, monetarja jew ekonomika tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru;

    (b)

    tal-ħajja privata u tal-integrità tal-individwu, b’mod partikolari konformement mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data personali.

    2.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tirrifjuta l-aċċess għal dokument meta l-iżvelar tiegħu jista’ jippreġudika l-protezzjoni:

    tal-interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika partikolari, inklużi dawk li jikkonċernaw il-proprjetà intellettwali,

    tal-proċeduri ġudizzjarji u tal-opinjonijiet legali,

    tal-għanijiet tal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika.

    3.   L-aċċess għal dokument redatt mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għall-użu intern tagħha jew irċevut minnha u li jirrigwarda kwistjoni li fuqha hija għadha ma ddeċidietx għandu jiġi rrifjutat meta l-iżvelar tiegħu jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    L-aċċess għal dokument li fih opinjonijiet għall-użu intern bħala parti minn deliberazzjonijiet u konsultazzjonijiet preliminari ġġestiti fi ħdan il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew lil hinn minnha meta din tal-aħħar tkun ipparteċipat fihom għandu jiġi rrifjutat anki wara li d-deċiżjoni tkun ittieħdet, fil-każ li l-iżvelar tad-dokument jippreġudika serjament il-proċess deċiżjonali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    4.   L-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ma għandhomx japplikaw fil-każ li jkun hemm interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar tad-dokument inkwistjoni.

    5.   Fil-każ li hija biss parti mid-dokument mitlub li tkun affettwata minn eċċezzjoni jew minn diversi eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3, il-partijiet l-oħra mid-dokument għandhom jiġu żvelati.

    6.   L-eċċezzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw biss għall-perijodu li matulu l-protezzjoni tkun iġġustifikata fuq il-bażi tal-kontenut tad-dokument. L-eċċezzjonijiet jistgħu japplikaw għal perijodu massimu ta’ tletin sena. Fil-każ ta’ dokumenti li jaqgħu taħt l-eċċezzjonijiet li jirrigwardaw il-ħajja privata jew l-interessi kummerċjali, l-eċċezzjonijiet jistgħu, jekk meħtieġ, jibqgħu japplikaw wara dan il-perijodu.

    7.   Dan l-artikolu għandu japplika bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9.

    Artikolu 4

    Preżentazzjoni tat-talba inizjali

    1.   It-talba għal aċċess għal dokument tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tiġi redatta f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni fuq formola li hija disponibbli fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din għandha tintbagħat preferebbilment b’mod elettroniku skont l-istruzzjonijiet li jidhru fis-sit Internet hawn fuq imsemmi, jew, eċċezzjonalment, bil-posta jew bil-faks.

    2.   It-talba għandha ssir suffiċjentement fid-dettall u għandha b’mod partikolari tinkludi l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat id-dokument mitlub jew id-dokumenti mitluba, kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-persuna li tkun qed tagħmel it-talba.

    3.   Fil-każ li talba ma tkunx suffiċjentement iddettaljata, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tistieden lill-persuna li tkun qed tagħmel it-talba sabiex tiċċaraha u għandha tassistiha għal dan il-għan.

    4.   Fil-każ ta’ talba li tirrigwarda dokument twil ħafna jew numru kbir ta’ dokumenti, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’ tikkonsulta informalment mal-persuna li tkun qed tagħmel it-talba bil-għan li jinstab arranġament ekwu.

    5.   Il-persuna li tkun qed tagħmel it-talba ma hijiex obbligata tiġġustifika t-talba tagħha.

    Artikolu 5

    Trattament tat-talba inizjali

    1.   Konferma li t-talba waslet għandha tinbagħat bil-miktub (posta elettronika, ittra jew faks) lill-persuna li tkun qed tagħmel it-talba mar-reġistrazzjoni tal-formola li tinkludi t-talba.

    2.   Fi żmien massimu ta’ xahar minn din ir-reġistrazzjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tagħti l-aċċess għad-dokument billi tipprovdi dan id-dokument lill-persuna li tkun qed tagħmel it-talba.

    3.   Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma tkunx tista’ tagħti aċċess għad-dokument mitlub, hija għandha tikkomunika lill-persuna li tkun qed tagħmel it-talba, fit-terminu msemmi fil-paragrafu 2 u bil-miktub, ir-raġunijiet tar-rifjut, totali jew parzjali, filwaqt li tinformaha bid-dritt tagħha li tippreżenta talba konfermattiva fi żmien xahar minn meta tirċievi r-risposta.

    4.   F’ċirkustanzi eċċezzjonali, pereżempju fejn it-talba tirrigwarda dokument twil ħafna jew numru kbir ta’ dokumenti, it-terminu msemmi fil-paragrafu 2 jista’ jiġi pprorogat b’xahar, u dan billi l-persuna li tkun qed tagħmel it-talba tiġi informata minn qabel u tingħata raġunijiet iddettaljati fir-rigward.

    5.   Fil-każ imsemmi fl-Artikolu 4(3), it-terminu tar-risposta jibda jiddekorri biss mill-mument li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jkollha għad-dispożizzjoni tagħha informazzjoni addizzjonali mingħand il-persuna li tkun qed tagħmel it-talba li tiċċara suffiċjentement it-talba.

    6.   Għall-kalkolu tat-termini, ir-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1182/71 tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 1971 li jistabbilixxi r-regoli applikabbli għal perijodi, dati u limiti ta’ żmien (2) huwa applikat b’analoġija.

    Artikolu 6

    Preżentazzjoni tat-talba konfermattiva

    1.   Il-persuna li tkun qed tagħmel it-talba tista’ tippreżenta talba konfermattiva fil-każ ta’ risposta totalment jew parzjalment negattiva għat-talba inizjali tagħha.

    2.   In-nuqqas ta’ risposta mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għat-talba inizjali fit-terminu stipulat għandu jintitola lill-persuna li tkun qed tagħmel it-talba li tippreżenta talba konfermattiva.

    3.   Talba konfermattiva għandha tintbagħat lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fi żmien xahar minn meta r-risposta ta’ rifjut totali jew parzjali tal-aċċess għad-dokument mitlub tkun ġiet irċevuta, jew, fin-nuqqas ta’ risposta għat-talba inizjali, mill-iskadenza tat-terminu tar-risposta.

    4.   It-talba konfermattiva għandha tiġi redatta skont ir-rekwiżiti formali msemmija fl-Artikolu 4.

    Artikolu 7

    Trattament tat-talba konfermattiva

    1.   It-talba konfermattiva tiġi ttrattata skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 5, minbarra l-informazzjoni dwar id-dritt ta’ preżentazzjoni ta’ talba konfermattiva.

    2.   Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirrifjuta, totalment jew parzjalment, talba konfermattiva, hija għandha tinforma lill-persuna li tkun qed tagħmel it-talba bil-proċeduri disponibbli għaliha sabiex tikkontesta dan ir-rifjut, jiġifieri l-preżentata ta’ rikors jew ilment quddiem l-Ombudsman Ewropew skont il-kundizzjonijiet previsti rispettivament fl-Artikoli 263 u 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

    3.   In-nuqqas ta’ risposta għal talba konfermattiva fit-terminu stipulat jitqies li huwa risposta negattiva u jippermetti lill-persuna li tkun qed tagħmel it-talba tirrikorri għall-proċeduri msemmija fil-paragrafu 2.

    Artikolu 8

    Awtoritajiet awtorizzati

    1.   L-awtorità awtorizzata sabiex tiddeċiedi dwar ir-risposta li għandha tingħata għal talba inizjali ta’ aċċess għal dokument hija d-direttur tal-bibljoteka.

    2.   Meta d-dokument mitlub ikun miżmum mir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, l-awtoritajiet awtorizzati jkunu, rispettivament, id-Deputat Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja u d-Deputat Reġistratur tal-Qorti Ġenerali.

    Id-Deputati Reġistraturi tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali jistgħu jiddelegaw lil amministratur fir-reġistru tagħhom is-setgħat tal-awtorità awtorizzata għat-talba inizjali.

    3.   L-awtorità awtorizzata sabiex tiddeċiedi dwar ir-risposta li għandha tingħata għat-talba konfermattiva hija r-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jew, fejn it-talba konfermattiva tikkonċerna dokument miżmum mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, ir-Reġistratur tal-Qorti Ġenerali.

    4.   Meta Stat Membru, li jkun irċieva talba ta’ aċċess għal dokument li huwa jkollu fil-pussess tiegħu u li joriġina mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-ambitu tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha, jirrikorri għand din tal-aħħar għall-finijiet ta’ konsultazzjoni, ir-risposta għal din it-talba ta’ konsultazzjoni għandha tingħata mill-awtorità li tkun awtorizzata taħt il-paragrafu 3 sabiex tirrispondi għal talba konfermattiva ta’ aċċess li tirrigwarda l-istess dokument u ppreżentata direttament lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    5.   B’deroga mill-paragrafu 1, ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jaħtar awtorità oħra awtorizzata sabiex tiddeċiedi dwar ir-risposta li għandha tingħata għal talba inizjali ta’ aċċess għal dokument.

    Artikolu 9

    Dokumenti ta’ terz

    1.   Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha tagħti aċċess għal dokument ta’ terz li jkollha fil-pussess tagħha biss wara li jkun ingħata l-kunsens mit-terz ikkonċernat.

    2.   Għall-finijiet ta’ dan l-artikolu, il-kelma “terz”tfisser kull persuna fiżika jew ġuridika jew entità li tkun esterna għall-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, inklużi l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet, l-organi u l-korpi l-oħra tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-pajjiżi terzi.

    3.   Meta l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirċievi talba għal aċċess għal dokument ta’ terz, l-awtorità awtorizzata għandha tikkonsulta mat-terz ikkonċernat sabiex tistabbilixxi jekk huwa jopponix l-iżvelar ta’ dan id-dokument, sakemm hija ma tiddeċidix ex officio li tirrifjuta dan l-iżvelar fuq il-bażi ta’ waħda mill-eċċezzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 3.

    Artikolu 10

    Modalitajiet ta’ aċċess

    1.   Id-dokumenti għandhom jiġu pprovduti fil-verżjoni u fil-forma eżistenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea ma hijiex marbuta, taħt din id-deċiżjoni, li toħloq dokument ġdid jew li tiġbor informazzjoni fuq talba tal-persuna li tkun qed tagħmel it-talba.

    Il-kopja tista’ tingħata fuq karta jew b’mod elettroniku. F’dan ir-rigward, għandu jittieħed kont sħiħ tal-preferenza tal-persuna li tkun qed tagħmel it-talba.

    Fil-każ ta’ dokumenti ta’ volum kbir jew li jkunu diffiċli sabiex jiġu ttrattati, il-persuna li tkun qed tagħmel it-talba tista’ tiġi mistiedna tikkonsultahom fuq il-post.

    2.   Jekk dokument ikun diġà ġie żvelat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jew minn istituzzjoni oħra u jekk dan ikun faċilment aċċessibbli, il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tista’ sempliċement tinforma lill-persuna li tkun qed tagħmel it-talba bil-modi kif hija tkun tista’ tikseb id-dokument.

    Artikolu 11

    Spejjeż ta’ aċċess

    1.   Sabiex isiru kopji tad-dokumenti mitluba u sabiex dawn jintbagħtu, il-persuna li tkun qed tagħmel it-talba tista’ tintalab tħallas dritt.

    2.   Bħala regola ġenerali, ebda ħlas ma għandu jintalab għal konsultazzjoni fuq il-post jew meta n-numru ta’ kopji ma jeċċedix għoxrin paġna A4.

    3.   Il-ħlas ta’ dritt sabiex isiru u jintbagħtu kopji għandu jiġi kkalkolat fuq il-bażi ta’ tariffa stabbilita b’deċiżjoni tar-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din ma tistax teċċedi l-ispiża reali tal-operazzjoni.

    4.   Id-dokumenti ppubblikati jibqgħu suġġetti għas-sistema tagħhom ta’ prezzijiet.

    Artikolu 12

    Riproduzzjoni ta’ dokumenti

    1.   Din id-deċiżjoni għandha tapplika bla ħsara għal kwalunkwe leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-qasam tad-drittijiet tal-awtur li tista’ tillimita d-dritt tad-destinatarju li jirriproduċi jew li juża d-dokumenti żvelati.

    2.   Id-dokumenti koperti minn drittijiet tal-awtur li jappartjenu lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li jiġu żvelati taħt din id-deċiżjoni ma jistgħux jiġu rriprodotti jew użati għal finijiet kummerċjali mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel bil-miktub tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 13

    Miżuri ta’ implimentazzjoni

    Ir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja għandu jadotta l-miżuri neċessarji għall-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. Dawn il-miżuri għandhom jiġu kkomunikati fis-sit Internet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 14

    Dħul fis-seħħ

    Din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Hija tħassar u tissostitwixxi d-Deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tal-11 ta’ Ottubru 2016 dwar l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet amministrattivi tagħha.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-3 ta’ Diċembru 2019.

    Reġistratur

    Alfredo CALOT ESCOBAR

    President

    Koen LENAERTS


    (1)  ĠU C 445, 30.11.2016, p. 3.

    (2)  ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 51.


    Top