Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017R1370

    Regolament (UE) 2017/1370 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2017 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża

    ĠU L 198, 28.7.2017, p. 24–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2017/1370/oj

    28.7.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 198/24


    REGOLAMENT (UE) 2017/1370 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-4 ta' Lulju 2017

    li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 77(2)(a) tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 (2) stabbilixxa format uniformi għall-viżi.

    (2)

    Id-disinn komuni għall-istiker tal-viża, li ilu fiċ-ċirkolazzjoni għal 20 sena, jitqies bħala mhux iżjed sigur fid-dawl ta' inċidenti serji ta' falsifikazzjoni u frodi.

    (3)

    Għalhekk jenħtieġ li jiġi stabbilit disinn komuni ġdid b'karatteristiċi ta' sigurtà aktar moderni biex l-istiker tal-viża ssir aktar sigura u tiġi prevenuta l-falsifikazzjoni.

    (4)

    Fuq talba mill-Irlanda jew mir-Renju Unit, jenħtieġ li l-Kummissjoni tagħmel arranġamenti xierqa mal-Istat Membru li jagħmel it-talba biex tiskambja informazzjoni teknika ma' dak l-Istat Membru għall-finijiet tal-ħruġ ta' viżi nazzjonali minn dak l-Istat Membru.

    (5)

    Dan ir-Regolament jirrispetta d-drittijiet fundamentali u josserva l-prinċipji rikonoxxuti b'mod partikolari fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    (6)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom ir-Renju Unit ma jiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE (3); għalhekk ir-Renju Unit mhuwiex qed jieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhuwiex marbut bih jew suġġett għall-applikazzjoni tiegħu.

    (7)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen li fihom l-Irlanda ma tiħux sehem, f'konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (4); għalhekk l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew suġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (8)

    Dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq l-acquis ta' Schengen, jew li b'xi mod ieħor huwa relatat miegħu, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2003, tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2005 u tal-Artikolu 4(1) tal-Att tal-Adeżjoni tal-2011.

    (9)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (5), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (6).

    (10)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (7), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE (8).

    (11)

    Fir-rigward ta' Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen fis-sens tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipalità ta' Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipalità ta' Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (9), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, punt B, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE moqri flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE (10).

    (12)

    Ir-Regolament (KE) Nru 1683/95 għalhekk għandu jiġi emendat kif meħtieġ,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Ir-Regolament (KE) Nru 1683/95 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 7 jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

    “Fuq talba mill-Irlanda jew mir-Renju Unit, il-Kummissjoni għandha tagħmel arranġamenti xierqa mal-Istat Membru li jagħmel it-talba biex tiskambja l-informazzjoni teknika msemmija fl-Artikolu 2 għall-finijiet tal-ħruġ ta' viżi nazzjonali mill-Istat Membru li jagħmel it-talba.

    L-ispejjeż li għalihom l-Irlanda u r-Renju Unit ma jikkontribwixxux f'konformità mal-Artikolu 5 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandhom jitħallsu mill-Irlanda jew ir-Renju Unit rispettivament jekk jagħmlu tali talba.”;

    (2)

    l-Anness huwa ssostitwit bl-immaġni u bit-test li jinsabu fl-Anness għal dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    L-istikers tal-viża li jkunu konformi mal-ispeċifikazzjonijiet stabbiliti fl-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1683/95 u li huma applikabbli sad-data msemmija fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 3 ta' dan ir-Regolament jistgħu jintużaw għal viżi maħruġa matul perijodu ta' sitt xhur wara dik id-data.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    L-Istati Membri għandhom japplikaw dan ir-Regolament mhux aktar tard minn 15-il xahar wara l-adozzjoni tal-ispeċifikazzjonijiet tekniċi oħrajn imsemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament (KE) Nru 1683/95.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f'konformità mat-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, l-4 ta' Lulju 2017.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    A. TAJANI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. MAASIKAS


    (1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Ġunju 2017 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Ġunju 2017.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1683/95 tad-29 ta' Mejju 1995 li jistabbilixxi format uniformi għall-viża (ĠU L 164, 14.7.1995, p. 1).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/365/KE tad-29 ta' Mejju 2000 dwar it talba tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq biex jieħdu parti f'xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 131, 1.6.2000, p. 43).

    (4)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta' Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f'xi disposizzjonijiet tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (5)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (6)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta' Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta' dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (7)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (8)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/146/KE tat-28 ta' Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 1).

    (9)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (10)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/350/UE tas-7 ta' Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta' Schengen, relatat mal-abolizzjoni tal-verifiki mal-fruntieri interni u l-moviment tal-persuni (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 19).


    ANNESS

    L-Anness għar-Regolament (KE) Nru 1683/95 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    ANNESS

    Image

    Karatteristiċi tas-sigurtà

    1.

    Ritratt bil-kulur integrat tad-detentur għandu jkun magħmul bi standards għolja ta' sigurtà.

    2.

    Element ottikament varjabbli, diffrattiv ('Kinegram' jew ekwivalenti) għandu jidher f'dan l-ispazju. Skont l-angolu tal-vista, l-ittri 'EU', 'EUE' u l-linji tal-guilloche kinematiku għandhom isiru viżibbli f'diversi daqsijiet u lwien.

    3.

    Din il-kaxxa għandu jkollha l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż, kif stabbilit fid-Dokument 9303 tal-ICAO dwar id-dokumenti tal-ivvjaġġar li jistgħu jinqraw minn magna tal-Istat Membru emittenti, jew l-akronimu 'BNL' jekk maħruġ mill-Belġju, mil-Lussemburgu jew min-Netherlands, b'kuluri li jvarjaw ottikament. Skont l-angolu tal-vista, dan għandu jidher f'diversi lwien.

    4.

    Dawn li ġejjin għandhom jidhru b'ittri kbar f'dan l-ispazju:

    (a)

    il-kelma 'VISA'. L-Istat Membru emittenti jista' jinkludi t-terminu ekwivalenti f'lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

    (b)

    l-isem tal-Istat Membru emittenti, bl-Ingliż, bil-Franċiż u b'lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni;

    (c)

    il-kodiċi ta' tliet ittri tal-pajjiż, tal-Istat Membru emittenti, kif stabbilit fid-Dokument 9303 tal-ICAO.

    5.

    Din il-kaxxa għandu jkollha n-numru nazzjonali b'disa' ċifri tal-istiker tal-viża f'orjentazzjoni orizzontali, li għandu jkun stampat minn qabel bl-iswed. Għandu jintuża tip ta' font speċjali.

    6.

    Din il-kaxxa għandha tinkludi n-numru nazzjonali b'disa' ċifri tal-istiker tal-viża f'orjentazzjoni vertikali, li għandu jkun stampat minn qabel bl-aħmar. Għandu jintuża tip ta' font speċjali, differenti minn dak użat fil-kaxxa 5. In-'numru tal-istiker tal-viża' huwa l-kodiċi bi tliet ittri tal-pajjiż kif stabbilit fid-Dokument 9303 tal-ICAO u n-numru nazzjonali kif imsemmi fil-kaxex 5 u 6.

    7.

    Din il-kaxxa għandu jkun fiha l-ittri 'EU' b'effett ta' immaġni latenti. Dawk l-ittri għandhom jidhru skuri meta jitmejlu lil hinn mill-osservatur u ċari meta sussegwentement jiddawru b'90o.

    8.

    Din il-kaxxa għandu jkun fiha l-kodiċi kif imsemmi fil-kaxxa 3 b'effett ta' immaġni latenti. Dak il-kodiċi għandu jidher skur meta jitmejjel lil hinn mill-osservatur u ċar meta sussegwentement jiddawwar b'90o.

    It-taqsimiet li jridu jimtlew

    L-intestaturi għall-kaxex għandhom jidhru bl-Ingliż u bil-Franċiż. L-Istat Membru emittenti jista' jżid traduzzjoni f'lingwa uffiċjali oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

    9.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem 'valida għal'. L-awtorità emittenti għandha tindika t-territorju li fih id-detentur tal-viża huwa intitolat li jivvjaġġa.

    10.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma 'minn', u l-kelma 'sa' għandha tidher aktar 'l hinn matul il-linja. L-awtorità emittenti għandha tindika l-perjodu tas-soġġorn tad-detentur tal-viża kif awtorizzat mill-viża. Aktar 'l hinn matul il-linja għandhom jidhru l-kliem 'perjodu tas-soġġorn' (jiġifieri, it-tul intenzjonat tas-soġġorn tal-applikant) u għandha tidher għal darba oħra l-kelma 'jum/jiem'.

    11.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem 'tip ta' viża'. L-awtorità emittenti għandha tindika l-kategorija ta' viża. Aktar 'l hinn matul il-linja għandhom jidhru l-kliem 'Nru tal-Passaport' u 'għadd ta' daħliet'.

    12.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem 'maħruġa f'/fi/fil-' u għandha tintuża biex tindika l-post fejn tinsab l-awtorità emittenti. Aktar 'l hinn matul il-linja għandha tidher il-kelma 'nhar' (li warajha għandha timtela d-data tal-ħruġ mill-awtorità emittenti).

    13.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kliem 'Kunjom, Isem'.

    14.

    Din il-kaxxa għandha tibda bil-kelma 'rimarki'. Il-parti taħt il-kliem 'rimarki' għandha tintuża mill-awtorità emittenti sabiex tindika kwalunkwe informazzjoni ulterjuri.

    15.

    Din il-kaxxa għandu jkun fiha l-informazzjoni relevanti li tista' tinqara minn magna biex tiffaċilita l-kontrolli fuq il-fruntiera esterna. Il-parti li tista' tinqara minn magna għandu jkun fiha test stampat fl-istampar tal-isfond viżibbli bil-kliem 'Unjoni Ewropea' fil-lingwi uffiċjali kollha tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Dan it-test m'għandux jaffettwa l-karatteristiċi tekniċi tal-parti li tista' tinqara minn magna jew il-fakultà li din tinqara.

    16.

    Din il-kaxxa għandha tkun riżervata għaż-żieda possibbli ta' barcode 2D komuni.


    Top