Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R1746

    Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1746 tat-30 ta' Settembru 2015 li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 750/2014 billi jtawwal il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tad-dijarea epidemika porċina (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    ĠU L 256, 1.10.2015, p. 5–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/10/2016

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2015/1746/oj

    1.10.2015   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 256/5


    REGOLAMENT TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/1746

    tat-30 ta' Settembru 2015

    li jemenda r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 750/2014 billi jtawwal il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tad-dijarea epidemika porċina

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 91/496/KEE tal-15 ta' Lulju 1991 li tistabbilixxi l-prinċipji li jirregolaw l-organizzazzjoni tal-kontrolli veterinarji fuq annimali li jidħlu fil-Komunità minn pajjiżi terzi u li temenda d-Direttivi 89/662/KEE, 90/425/KEE u 90/675/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 18(1) u (7) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Ġie adottat ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 750/2014 (2) wara rapporti ta' marda ġdida tal-koronavajrus enterika tal-ħnieżer ikkawżata mill-alfakoronavajrusis porċini emerġenti inkluż il-vajrus tad-dijarea epidemika porċina u d-deltakoronavajrus porċin ġdid li feġġet fl-Amerika ta' Fuq. Dan ir-Regolament ta' Implimentazzjoni jistabbilixxi miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tal-introduzzjoni fl-Unjoni ta' kunsinni ta' ħnieżer ħajjin għat-tgħammir u l-produzzjoni minn dawk iż-żoni fejn il-mard ikkawżat minn dawk il-vajrusis huwa preżenti sabiex jipprevedi t-twettiq tal-garanziji meħtieġa fl-istabbiliment tal-oriġini u biex jipprevjeni l-introduzzjoni tad-dijarea epidemika porċina kkawżata minn dawk il-vajrusis fl-Unjoni. Dawn il-miżuri ta' protezzjoni huma applikabbli sat-12 ta' Jannar 2015.

    (2)

    Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 750/2014 ġie emendat bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1306/2014 (3) sabiex jestendi d-data ta' applikazzjoni sal-31 ta' Ottubru 2015 peress li l-qagħda epidemjoloġika f'pajjiżi terzi milquta mill-marda ġdida tal-koronavajrus enterika tal-ħnieżer ikkawżata mill-alfakoronavajrusis porċini emerġenti inkluż il-vajrus tad-dijarea epidemika porċina u d-deltakoronavajrus porċin, ma kinetx inbidlet f'termini ta' riskju ta' tixrid ta' dawk il-koronavajrusis enteriċi porċini mid-data tal-adozzjoni tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 750/2014.

    (3)

    Fid-dawl ta' kif żviluppat il-qagħda tal-marda fil-pajjiżi terzi kkonċernati u fin-nuqqas ta' informazzjoni xjentifika ġdida, il-miżuri ta' protezzjoni stabbiliti mir-Regolament (UE) Nru 750/2014 għandhom jiġi estiżi sa tmiem Ottubru 2016. Il-perjodu ta' applikazzjoni ta' dak ir-Regolament ta' Implimentazzjoni għandu għalhekk jiġi emendat skont dan.

    (4)

    Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 750/2014, id-data “31 ta' Ottubru 2015” tinbidel bid-data “31 ta' Ottubru 2016”.

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta' Settembru 2015.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 268, 24.9.1991, p. 56.

    (2)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 750/2014 tal-10 ta' Lulju 2014 dwar il-miżuri ta' protezzjoni f'rabta mad-dijarea porċina epidemika fir-rigward tar-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali għall-introduzzjoni tal-annimali porċini fl-Unjoni (ĠU L 203, 11.7.2014, p. 91).

    (3)  Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1306/2014 tat-8 ta' Diċembru 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 750/2014 billi jtawwal il-perjodu tal-applikazzjoni tal-miżuri ta' protezzjoni fir-rigward tad-dijarea epidemika porċina (ĠU L 351, 9.12.2014, p. 1).


    Top