EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32010R0113

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 113/2010 tad- 9 ta’ Frar 2010 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-kopertura kummerċjali, id-definizzjoni tad-dejta, il-kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-kummerċ skont il-karatteristiċi tan-negozju u skont il-munita tal-fatturat, u movimenti jew oġġetti speċifiċi (Test b’relevanza għaż-ŻEE)

ĠU L 37, 10.2.2010, p. 1–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2021; Imħassar b' 32020R1197

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2010/113/oj

10.2.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 37/1


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 113/2010

tad-9 ta’ Frar 2010

li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri, fir-rigward tal-kopertura kummerċjali, id-definizzjoni tad-dejta, il-kompilazzjoni tal-istatistika dwar il-kummerċ skont il-karatteristiċi tan-negozju u skont il-munita tal-fatturat, u movimenti jew oġġetti speċifiċi

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar statistika Komunitarja relatata mal-kummerċ estern ma’ pajjiżi li mhumiex membri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2), (3) u (4), l-Artikolu 4(5), l-Artikolu 5(2) u (4), l-Artikolu 6(2) u (3) u l-Artikolu 8(1) u (2) tiegħu,

Billi:

(1)

Ir-Regolament (KE) Nru 471/2009 jistabbilixxi qafas komuni għall-produzzjoni sistematika ta’ statistika Ewropea rigward il-kummerċ ta’ merkanzija ma’ pajjiżi li mhumiex membri.

(2)

Jeħtieġ li l-ambitu tal-istatistika dwar il-kummerċ estern jiġi allinjat ma’ proċeduri doganali speċifiċi biex jiġi evitat li jingħaddu b’mod doppju l-flussi kummerċjali, u biex jiġu speċifikati l-oġġetti u l-movimenti eżentati mill-istatistika dwar il-kummerċ estern għal raġunijiet metodoloġiċi.

(3)

Għall-għan ta’ ġbir armonizzat tal-istatistika dwar il-kummerċ estern, għandha tiġi speċifikata d-dejta mid-dokumentazzjoni dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, inklużi l-kodiċi li għandhom jintużaw.

(4)

Id-dispożizzjonijiet applikabbli għal oġġetti jew movimenti speċifiċi għandhom jiġu stabbiliti għal raġunijiet metodoloġiċi.

(5)

Biex jiġi żgurat il-ġbir armonizzat tal-istatistika dwar il-kummerċ skont karatteristiċi ta’ negozju u skont l-istatistika aggregata dwar il-kummerċ imqassma skont il-munita tal-fatturat, għandha tiġi definita l-metodoloġija għall-produzzjoni ta’ din l-istatistika.

(6)

Id-dispożizzjonijiet relatati mat-trażmissjoni tad-dejta mill-Istati Membri lejn il-Kummissjoni (Eurostat) u mar-reviżjoni tal-istatistika għandhom jiġu stabbiliti biex jiżguraw li jkun hemm ċifri paragunabbli u preċiżi.

(7)

Il-kodiċi tan-natura tat-tranżazzjoni għandhom jiġi emendati biex jidentifikaw l-oġġetti għall-ipproċessar b’kuntratt li jirritornaw lejn il-pajjiż inizjali tal-esportazzjoni.

(8)

Għandhom jiġi adottati miżuri li jiżguraw id-dispożizzjoni ta’ dejta statistika meta aktar simplifikazzjonijiet tal-formalitajiet u l-kontrolli doganali jkunu jwasslu għan-nuqqas ta’ disponibilità ta’ dejta doganali, f’simplifikazzjonijiet partikolari skont l-Artikolu 116 tar-Regolament (KE) Nru 450/2008 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju (Kodiċi Doganali Modernizzat) (2).

(9)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1917/2000 tas-7 ta’ Settembru 2000 li jippreskrivi ċerti dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1172/95 fejn għandu x’jaqsam ma’ kummerċ barrani (3) għandu għalhekk jiġi revokat.

(10)

Il-miżuri provvduti f’dan ir-Regolament huma fi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat tal-Istatistka li għandha x’taqsam mal-kummerċ ta’ oġġetti ma’ pajjiżi li mhumiex Membri,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Oġġetti u movimenti esklużi

L-oġġetti u l-movimenti elenkati fl-Anness I għandhom jiġu esklużi mill-istatistika dwar il-kummerċ estern.

KAPITOLU 2

ID-DEFINIZZJONI U L-ISPEĊIFIKAZZJONI TAD-DEJTA

Artikolu 2

Il-kodiċi tal-flussi kummerċjali

Dawn il-kodiċi li ġejjin għandhom jintużaw għal dejta li tkun ġejja minn dokumentazzjoni doganali dwar il-fluss kummerċjali:

1

meta oġġett importat ikun dokumentat,

2

meta oġġett esportat ikun dokumentat.

Artikolu 3

Il-perjodu ta’ referenza

1.   Il-perjodu ta’ referenza għandu jindika x-xahar u s-sena kalendarji li matulhom l-oġġetti jiġu importati jew esportati.

Meta d-dikjarazzjoni doganali tkun is-sors għad-dokumentazzjonijiet dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, il-perjodu ta’ referenza għandu jindika x-xahar u s-sena kalendarji meta d-dikjarazzjoni tiġi aċċettata mill-awtoritajiet doganali.

2.   Id-dejta dwar il-perjodu ta’ referenza għandha tikkonsisti f’kodiċi numerika ta’ sitt ċifri, fejn l-ewwel erba’ ċifri jindikaw is-sena u l-aħħar żewġ ċifri jindikaw ix-xahar.

Artikolu 4

Il-valur statistiku

1.   Il-valur statistiku għandu jissejjes fuq il-valur tal-oġġetti fiż-żmien u l-post fejn l-oġġetti jaqsmu l-fruntiera tal-Istat Membru tad-destinazzjoni tal-importazzjoni u tal-Istati Membru tal-esportazzjoni attwali f’każ ta’ oġġett esportat.

Il-valur statistiku għandu jinħadem abbażi tal-valur tal-oġġetti msemmija fil-paragrafu 2 u, fejn meħtieġ, ikun aġġustat għall-ispejjeż tat-trasport u l-assigurazzjoni skont il-paragrafu 4.

2.   Fir-rigward tal-prinċipji ta’ valutazzjoni stabbiliti fil-ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VII tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (il-ftehim ta’ valutazzjoni doganali tad-WTO), il-valur tal-oġġetti għall-importazzjoni jew l-esportazzjoni għandu jkun:

(a)

fil-każ ta bejgħ jew xiri, il-prezz attwalment imħallas jew pagabbli għall-oġġetti importati jew esportati, bl-esklużjoni ta’ valuri arbitrarji jew mistħajla;

(b)

f’każijiet oħrajn, il-prezz li kien kieku jitħallas fil-każ ta’ bejgħ jew xiri.

Il-valur doganali għandu jintuża jekk ikun iddeterminat skont il-Kodiċi Doganali għall-oġġetti rilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera.

3.   Il-valur tal-oġġetti involuti fl-operazzjonijiet ta’ pproċessar għandu jiġi ddeterminat fuq bażi gross kif ġej:

(a)

il-valur ta’ oġġetti mhux ipproċessati għandu jiġi stabbilit għal oġġetti maħsuba għall-ipproċessar;

(b)

il-valur tal-oġġetti mhux ipproċessati flimkien mal-valur addizzjonali tal-attività tal-ipproċessar għandhom jiġu stabbiliti għall-oġġetti wara l-ipproċessar.

4.   Il-valur imsemmi fil-paragrafi 2 u 3 għandu jiġi aġġustat, fejn meħtieġ, b’tali mod li l-valur statistiku jkun fih biss u interament l-ispejjeż tat-trasport u l-assigurazzjoni mwettqa biex l-oġġetti jitwasslu mill-post tat-tluq tagħhom:

(a)

sal-fruntiera tal-Istat Membru tad-destinazzjoni fil-każ ta’ oġġett importat (valur tip CIF);

(b)

sal-fruntiera tal-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali fil-każ ta’ oġġett esportat (valur tip FOB).

5.   Il-valur statistiku għandu jiġi espress fil-munita nazzjonali tal-Istat Membru fejn tiġi rreġistrata d-dikjarazzjoni doganali. Meta jkun meħtieġ l-konverżjoni ta’ munita biex jiġi espress il-valur statistiku fil-munita nazzjonali, ir-rata tal-iskambju li għandha tintuża għandha tkun:

(a)

ir-rata applikabbli skont id-dispożizzjonijiet dwar il-konverżjoni tal-munita stabbiliti fil-Kodiċi Doganali meta tiġi aċċettata d-dikjarazzjoni doganali; jew, fin-nuqqas ta’ dan,

(b)

ir-rata referenzjarja applikabbli meta l-oġġetti jiġu importati jew esportati ffissata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-Istati Membri fiż-żona ewro jew ir-rata uffiċjali ffissata mill-Istati Membri li ma jappartjenux għaż-żona ewro.

Artikolu 5

Il-kwantità

Id-dejta dwar il-kwantità għandha tiġi indikata kif ġej:

(a)

il-massa netta espressa f’kilogrammi, li hija l-massa tal-oġġetti eskluż kull ippakkjar; kif ukoll,

(b)

fejn tapplika, l-unità supplimentarja espressa fl-unità tal-kejl rispettiv, skont in-Nomenklatura Magħquda fis-seħħ.

Artikolu 6

L-Istati Membri li jimportaw u jesportaw

1.   Id-dejta dwar l-Istati Membri li jimportaw jew jesportaw għandha tiġi kkodifikata skont in-nomenklatura tal-pajjiżi u t-territorji għall-istatistika dwar il-kummerċ estern tal-Unjoni Ewropea u l-istatistika dwar il-kummerċ bejn l-Istati Membri kif stabbilita mill-Kummissjoni, li minn hawn ‘il quddiem se tissejjaħ “Ġeonomenklatura”.

2.   Id-dejta dwar l-Istat Membru fejn tiġi rreġistrata d-dikjarazzjoni doganali għandha tindika l-Istat Membru li mal-amministrazzjoni doganali tiegħu tkun ġiet irreġistrata d-dikjarazzjoni doganali, jew jekk tintuża proċedura simplifikata kif definita fil-Kodiċi Doganali, dak li mal-amministrazzjoni doganali tiegħu tkun tressqet id-dikjarazzjoni supplimentari, inkluża, jekk tkun permessa mill-awtoritajiet doganali, ir-reġistrazzjoni rispettiva fid-dokumentazzjoni tad-dikjarant.

3.   F’każ ta’ oġġett importat, id-dejta dwar l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandha tindika l-Istat Membru li lejh ikun magħruf, fil-mument tar-rilaxx fil-proċedura doganali, li l-oġġetti se jiġu mibgħuta bla ebda tranżazzjonijiet kummerċjali jew operazzjonijiet oħra li jibdlu l-istatus ġuridiku tal-oġġetti li jgħaddu minn kwalunkwe Stat Membru intermedjarju.

Fin-nuqqas ta’ dan, id-dejta għandha tindika l-Istat Mmebru fejn ikunu jinsabu l-oġġetti fil-mument tar-rilaxx fil-proċedura doganali.

Meta l-oġġetti jiġu importati bil-ħsieb li jiġu pproċessati taħt superviżjoni doganali, l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jkun l-Istat Membru fejn titwettaq l-ewwel attività ta’ pproċessar.

4.   F’każ ta’ oġġett esportat, id-dejta dwar l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali għandha tindika l-Istat Membru li minnu jkun magħruf, fil-mument tar-rilaxx fil-proċedura doganali, li l-oġġetti se jintbagħtu bla ebda tranżazzjoni kummerċjali jew operazzjonijiet oħra li jibdlu l-istatus ġuridiku tal-oġġetti li jgħaddu minn kwalunkwe Stat Membru intermedjarju qabel ir-rilaxx fil-proċedura doganali.

Meta l-oġġetti jiġu esportati wara li jiġu pproċessati taħt is-superviżjoni doganali, l-Istat Membru fejn tkun twettqet l-aħħar attività ta’ pproċessar għandu jkun l-Istat Membru tal-esportazzjoni attwali.

Artikolu 7

Il-pajjiżi msieħba

1.   Id-dejta dwar il-pajjiżi msieħba għandha tiġi kkodifikata skont il-Ġeonomenklatura fis-seħħ.

2.   F’każ ta’ importazzjoni, id-dejta dwar il-pajjiż tal-oriġini għandha tindika l-pajjiż li fih l-oġġetti jkunu ġew prodotti fit-totalità tagħhom jew l-aħħar trasformazzjoni sostanzjali li tkun seħħet skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi Doganali li tistabbilixxi r-regoli dwar oriġini mhux preferenzjali.

Id-dejta dwar il-pajjiż tal-kunsinna/bgħit għandha tindika l-pajjiż mhux membru li minnu l-oġġetti jkunu ntbagħtu lejn l-Istat Membru tad-destinazzjoni bla ma jseħħu ebda tranżazzjonijiet kummerċjali jew operazzjonijiet oħra li jibdlu l-istatus ġuridiku tal-oġġetti f’xi pajjiż intermedjarju mhux membru.

3.   Fil-każ ta’ esportazzjoni, id-dejta dwar il-pajjiż tal-aħħar destinazzjoni magħrufa għandha tindika l-aħħar pajjiż mhux membru li fih ikunu se jitwasslu l-oġġetti kif ikun magħruf fil-mument tar-rilaxx fil-proċedura doganali jew tat-trattament approvat mid-dwana.

Artikolu 8

Il-kodiċi tal-oġġetti

Id-dejta dwar l-oġġetti għandha tkun ikkodifikata:

(a)

fir-rigward tal-importazzjoni, skont il-kodiċi tal-oġġetti tas-subintestatura Taric;

(b)

fir-rigward tal-esportazzjoni, skont il-kodiċi tal-oġġetti tas-sottointestatura tan-Nomenklatura Magħquda.

Artikolu 9

Proċedura statistika

1.   Il-proċedura statistika għandha tidentifika l-karatteristiċi differenti użati fit-tranżazzjonijiet kummerċjali distintivi, b’mod partikolari skont l-allokazzjoni tagħhom taħt proċedura doganali.

2.   Il-kodiċi tal-proċedura statistika għandha tkun kodiċi derivata, jekk applikabbli, mill-kodiċi b’erba’ ċifri li tindika l-proċedura ddikjarata skont il-Kodiċi Doganali. Il-kodiċi li ġejjin għandhom jintużaw:

1

importazzjonijiet jew esportazzjonijiet normali,

2

importazzjonijiet jew esportazzjonijiet koperti mill-proċedura tal-ipproċessar doganali ’l ġewwa,

3

importazzjonijiet jew esportazzjonijiet koperti mill-proċedura tal-ipproċessar doganali ’l barra,

9

importazzjonijiet jew esportazzjonijiet li mhumiex reġistrati minn dikjarazzjonijiet doganali.

Artikolu 10

In-natura tat-tranżazzjoni

1.   In-natura tat-tranżazzjoni għandha tidentifika l-karatteristiċi differenti li huma meħtieġa biex jiddeterminaw l-ambitu tal-kummerċ f’oġġetti msejjes fuq dikjarazzjonijiet doganali, biex tiġi rrikonċiljata l-istatistika kummerċjali għall-għanijiet ta’ Bilanċ tal-Pagamenti u Kontabilità Nazzjonali u għal karatteristiċi oħra ta’ relevanza statistika.

2.   Id-dejta dwar in-natura tat-tranżazzjonijiet għandha tiġi kodifikata kif speċifikat fl-Anness II. L-Istati Membri għandhom japplikaw il-kodiċi fil-kolonna A jew kombinazzjoni tal-kodiċi fil-kolonna A u s-subdiviżjonijiet tagħhom fil-kolonna B indikata f’dak l-Anness.

Artikolu 11

Trattament preferenzjali fuq l-importazzjonijiet

1.   Id-dejta dwar it-trattament preferenzjali għandha tkun it-trattament tariffarju indikat mill-kodiċi preferenzjarja skont il-klassifika stabbilita mill-Kodiċi Doganali.

2.   Id-dejta għandha tirreferi għat-trattament preferenzjali applikat jew mogħti mill-awtoritajiet doganali.

Artikolu 12

Il-mezz ta’ trasport

1.   Id-dejta dwar il-mezz ta’ trasport fil-fruntiera u l-mezz ta’ trasport intern għandha tiġi kkodifikata kif inhu ffissat fl-Anness III.

Il-mezz ta’ trasport fil-fruntiera għandu jindika l-mezz ta’ trasport attiv li permezz tiegħu, f’każ ta’ esportazzjoni, l-oġġetti huma preżunti li ħallew t-territorju statistiku tal-Unjoni Ewropea u, f’każ ta’ importazzjoni dak li permezz tiegħu l-oġġetti huma preżunti li daħlu fit-territorju statistiku tal-Unjoni Ewropea.

Il-mezz ta’ trasport intern għandu jindika, jekk applikabbli, l-mezz attiv ta’ trasport intern li permezz tiegħu l-oġġetti jitwasslu sal-post tad-destinazzjoni, f’każ ta’ importazzjoni, jew dak li permezz tiegħu huma preżunti li ħallew il-post tat-tluq, f’każ ta’ esportazzjoni.

2.   Il-kodiċi li ġejjin għandhom jintużaw għad-dejta fuq il-kontejner:

0

jekk l-oġġetti ma jiġux trasportati permezz ta’ kontejners meta jaqsmu l-fruntiera tat-territorju statistiku tal-Unjoni Ewropea,

1

jekk l-oġġetti ma jiġux trasportati permezz ta’ kontejners meta jaqsmu l-fruntiera tat-territorju statistiku tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 13

L-identifikazzjoni tal-kummerċjant

Id-dejta dwar il-kummerċjant għandha tkun numru ta’ identifikazzjoni xieraq assenjat lill-importatur/destinatarju, fil-każ ta’ importazzjoni, jew lill-esportatur/kunsinnier, fil-każ ta’ esportazzjoni.

Artikolu 14

Il-munita tal-fatturat

Id-dejta dwar il-munita tal-fatturata għandha tkun derivata, fejn applikabbli, mid-dikjarazzjoni doganali u tiġi kkodifikata kif ġej:

0

fejn il-munita hija indikata bil-munita nazzjonali ta’ Stati Membri li ma jappartjenux għaż-żona ewro,

1

fejn il-munita hija indikata bl-ewro,

2

fejn il-munita hija indikata bid-dollari Amerikani,

3

fejn il-munita hija indikata b’munita oħra li mhix munita nazzjonali ta’ Stati Membri li ma jappartjenux għaż-żona ewro, mhix ewro u lanqas dollari Amerikani.

KAPITOLU 3

IL-ĠBIR TA’ STATISTIKA DWAR IL-KUMMERĊ SKONT IL-KARATTERISTIĊI TAN-NEGOZJU U STATISTIKA DWAR IL-KUMMERĊ IMQASSMA SKONT IL-MUNITA TAL-FATTURAT

Artikolu 15

Il-ġbir ta’ statistika dwar il-kummerċ skont il-karatteristiċi tan-negozju

1.   L-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom jiġbru statistika annwali dwar il-kummerċ imqassma skont il-karatteristiċi tan-negozju.

2.   L-unitajiet statistiċi għandhom ikunu intrapriżi kif inhu definit fl-Anness tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 696/93 (4).

3.   L-unitajiet statistiċi jissawru permezz ta’ rabta bejn in-numru tal-identifikazzjoni tal-kummerċjant skont l-Artikolu 13 u l-unità ġuridika tar-Reġistru tan-Negozji skont il-varjant 1.7a msemmi fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 177/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

4.   Biex tiġi żgurata l-identifikazzjoni tal-kummerċjant u tiġi amministrata r-rabta mar-Reġistru tan-Negozji, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandu jkollhom aċċess għad-dejta tar-reġistrazzjoni u tal-identifikazzjoni tal-operaturi ekonomiċi stipulata skont id-dispożizzjonijiet doganali tal-Unjoni Ewropea. L-awtoritajiet responsabbli mill-assenjar tan-numru ta’ Identifikazzjoni tar-Reġistrazzjoni tal-Operaturi Ekonomiċi għandhom, fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, jipprovdu aċċess għad-dejta elenkata fl-Anness 38d tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 (6).

5.   Għandhom jinġabru l-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

il-fluss tal-kummerċ;

(b)

il-valur statistiku;

(c)

il-pajjiż imsieħeb;

(d)

il-kodiċi tal-oġġetti, skont it-taqsima jew il-livell ta’ żewġ ċifri kif definit fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 451/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7);

(e)

in-numru ta’ intrapriżi;

(f)

l-attività mwettqa mill-intrapriża skont it-taqsima jew il-livell ta’ żewġ ċifri tal-klassifikazzjoni statistika tal-attività ekonomika (NACE) kif stabbilita fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill (8);

(g)

il-klassi tal-qies, imkejla f’termini ta’ għadd ta’ impjegati skont id-definizzjonijiet tal-karatteristiċi għall-istatistika strutturali tan-negozji kif stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 250/2009 (9).

6.   Għandhom jinġabru s-settijiet ta’ dejta li ġejjin:

(a)

ir-rati ta’ tqabbil bejn ir-reġistri tan-negozju u l-kummerċ;

(b)

il-kummerċ skont l-attività u l-klassi tal-qies tal-intrapriża;

(c)

sehem l-akbar intrapriżi f’dak li huwa valur tal-kummerċ skont l-attività;

(d)

il-kummerċ skont il-pajjiż imsieħeb u l-attività;

(e)

il-kummerċ skont in-numru ta’ pajjiżi msieħba u l-attività;

(f)

il-kummerċ skont l-oġġetti u l-attività.

7.   L-ewwel sena ta’ referenza li għaliha għandha tinġabar l-istatistika annwali se tkun l-2010. L-Istati Membri se jipprovdu informazzjoni għal kull sena kalendarja minn dik is-sena ‘l quddiem.

8.   L-istatistika għandha tiġi trażmessa fi żmien 18-il xahar mit-tmiem tas-sena ta’ referenza.

9.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-istatistika tiġi pprovduta b’tali mod li t-tixrid tagħha mill-Kummissjoni (Eurostat) ma jagħmilhiex possibbli li tiġi identifikata xi intrapriża jew xi kummerċjant. L-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom jispeċifikaw liema dejta hija milquta minn dispożizzjonijiet dwar il-kunfidenzjalità.

Artikolu 16

Il-ġbir ta’ statistika dwar il-kummerċ imqassma skont il-munita tal-fatturat

1.   L-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandhom jiġbru statistika annwali dwar il-kummerċ imqassma skont il-munita tal-fatturat.

2.   L-istatistika għandha tinkludi l-karatteristiċi li ġejjin:

(a)

il-fluss tal-kummerċ;

(b)

il-valur statistiku;

(c)

il-munita tal-fatturat skont il-kodifikazzjoni fl-Artikolu 14;

(d)

it-tqassim totali u tal-prodotti skont it-taqsimiet u d-diviżjonijiet tal-Klassifika Kummerċjali Standard Internazzjonali (SITC) fis-seħħ, li jindika l-kodiċi li ġejjin:

1

il-materja prima bla żejt skont it-taqsima tal-SITC 0-4 għajr id-diviżjoni 33,

2

iż-żejt skont id-diviżjoni tal-SITC 33,

3

il-prodotti mmanifatturati skont it-taqsimiet tal-SITC 5-8.

3.   L-ewwel sena ta’ referenza li għaliha għandha tinġabar statistika annwali hija l-2010. L-Istati Membri għandhom jiġbru d-dejta għal kull sena kalendarja iva u sena le minn dik is-sena ‘l quddiem.

4.   Din l-istatistika gћandha tintbagћat lill-Kummissjoni (Eurostat) fi żmien tliet xhur minn tmiem is-sena ta’ referenza.

5.   Is-sors tad-dejta għandu jkun l-informazzjoni rreġistrata permezz tad-dikjarazzjonijiet doganali skont l-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009. Madankollu, jekk il-munita tal-fatturat għall-esportazzjonijiet ma tkunx disponibbli fuq id-dikjarazzjoni doganali, l-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ għall-ġbir tal-esportazzjonijiet imqassma skont il-munita tal-fatturat li jipprovdi statistika b’riżultati preċiżi.

KAPITOLU 4

OĠĠETTI MOVIMENTI SPEĊIFIĊI

Artikolu 17

Impjanti industrijali

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a)

“impjant industrijali” tfisser kombinazzjoni ta’ magni, tagħmir, makkinarju, apparat, strumenti u materjali li flimkien isawru unitajiet stazzjonarji ta’ daqs kbir li jipproduċu oġġetti jew jipprovdu servizzi;

(b)

“parti komponenti” tfisser kunsinna għal impjant industrijali li tkun magħmula minn oġġetti li lkoll ikunu jappartjenu għall-istess kapitolu tan-NM;

(c)

il-kodiċi tal-oġġetti ta’ parti komponenti għandha tkun magħmula kif ġej:

(i)

l-ewwel erba’ numri għandhom ikunu 9880,

(ii)

il-ħames u s-sitt numru għandhom jaqblu mal-kapitolu tan-NM li jaqgħu taħtu l-oġġetti tal-parti komponenti,

(iii)

is-seba’ u t-tmien numru għandhom ikunu 0.

2.   L-Istati Membri jistgħu jiġbru statistika dwar l-esportazzjoni fil-livell ta’ partijiet komponenti bil-kundizzjoni li l-valur statistiku kumplessiv tal-impjant industrijali inkwistjoni jisboq it-EUR 3 miljun, sakemm dan ma jkunx impjant industrijali komplut għall-użu mill-ġdid. Il-ġbir tal-kwantità għandha tkun fakultattiva.

Artikolu 18

Kunsinni maqsuma (“staggered”)

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu “kunsinni maqsuma (staggered)” tfisser kunsinna ta’ komponenti ta’ oġġett komplut fi stat mhux armat jew żarmat li tintbagħat matul iktar minn perjodu referenzjarju wieħed għal raġunijiet kummerċjali jew konnessi mat-trasport.

2.   Il-perjodu referenzjarju għall-importazzjonijiet jew l-esportazzjonijiet ta’ kunsinni maqsuma (staggered) jista’ jiġi aġġustat biex id-dejta tiġi rrappurtata darba biss, fix-xahar meta l-aħħar kunsinna tiġi importata jew esportata.

Artikolu 19

Bastimenti u mezzi tal-ajru

1.   Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a)

“bastiment” tfisser bastimenti li jitqiesu xierqa għat-tbaħħir skont il-Kapitolu 89 tan-NM, laneċ tal-irmonk, bastimenti tal-gwerra u strutturi li joqogħdu fuq wiċċ l-ilma;

(b)

“mezzi tal-ajru” tfisser ajruplani li jaqgħu taħt il-kodiċi tan-NM 8802 30 u 8802 40;

(c)

“pussess ekonomiku” tfisser il-jedd ta’ persuna fiżika jew ġuridika li tieħu l-benefiċċji assoċjati mal-użu ta’ bastiment jew mezz tal-ajru matul attività ekonomika bis-saħħa tal-aċċettazzjoni tar-riskji assoċjati.

2.   L-istatistika kummerċjali esterna għandha tkopri biss l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet li ġejjin ta’ bastimenti jew mezzi tal-ajru:

(a)

it-trasferiment tal-pussess ekonomiku ta’ bastiment jew mezz tal-ajru minn persuna fiżika jew ġuridika stabbilita f’pajjiż mhux membru lil persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fl-Istat Membru importatur; din it-tranżazzjoni għandha tiġi ttrattata bħala importazzjoni;

(b)

it-trasferiment tal-pussess ekonomiku ta’ bastiment jew mezz tal-ajru minn persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi Stat Membru esportatur lil persuna fiżika jew ġuridika stabbilita f’pajjiż mhux membru; din it-tranżazzjoni għandha tiġi ttrattata bħala esportazzjoni. Jekk il-bastiment jew il-mezz tal-ajru huwa ġdid, l-esportazzjoni tiġi rreġistrata fl-Istat Membru fejn ikunu nbnew;

(c)

l-importazzjoni jew esportazzjoni ta’ bastimenti jew mezzi tal-ajru qabel jew wara l-ipproċessar skont il-kuntratt kif definit fl-Anness II, nota 2.

3.   L-istatistika dwar il-kummerċ estern konnessa mal-kummerċ ta’ bastimenti jew mezzi tal-ajru għandha tinġabar kif ġej:

(a)

il-kwantità għandha tiġi espressa fin-numru ta’ oġġetti u kwalunkwe unitajiet supplimentari oħra stabbiliti fin-NM, għall-bastimenti, u f’massa netta u unitajiet supplimentari, għall-mezzi tal-ajru;

(b)

l-ispejjeż tat-trasport u l-assigurazzjoni għandhom jitħallew barra mill-valur statistiku;

(c)

il-pajjiż imsieħeb għandu jkun:

(i)

il-pajjiż mhux membru fejn tkun stabbilita l-persuna fiżika jew ġuridika li tittrasferixxi l-pussess ekonomiku tal-bastiment jew il-mezz tal-ajru, f’każ ta’ importazzjoni, jew il-persuna fiżika jew ġuridika li jingħadda lilha l-pussess ekonomiku tal-basiment jew mezz tal-ajru, fil-każ ta’ esportazzjoni, għall-movimenti msemmija fil-paragrafi 2(a) u (b),

(ii)

il-pajjiż mhux membru tal-kostruzzjoni, fil-każ ta’ importazzjoni, meta bastimenti jew mezzi tal-ajru ġodda jinbnew barra mill-Unjoni Ewropea,

(iii)

il-pajjiż mhux membru fejn il-persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita l-pussess ekonomiku tal-bastiment jew il-mezz tal-ajru tkun stabbilita, fil-każ ta’ importazzjoni, jew il-pajjiż mhux membru responsabbli mill-ipproċessar b’kuntratt, fil-każ ta’ esportazzjoni, għall-movimenti msemmija fil-paragrafu 2(c);

(d)

il-perjodi referenzjarji għall-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2(a) u (b) għandhom ikunu x-xahar meta jseħħ it-trasferiment tal-pussess ekonomiku.

4.   Fuq talba tal-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika, l-awtoritajiet responsabbli mill-amministrazzjoni tar-reġistri tal-vapuri u l-mezzi tal-ajru għandhom jipprovdu l-informazzjoni disponibbli kollha biex tiġi identifikata kull bidla fil-pussess ekonomiku ta’ bastiment jew mezz tal-ajru bejn persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi Stat Membru u persuna fiżika jew ġuridika stabbilita f’pajjiż mhux membru.

Artikolu 20

Oġġetti mwassla fuq bastimenti jew mezzi tal-ajru

1.   Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a)

“kunsinja ta” oġġetti fuq bastimenti u mezzi tal-ajru’ tfisser it-twassil ta’ prodotti għall-ekwipaġġ u l-passiġġieri, u għat-tħaddim tal-inġenji, il-makni u tagħmir ieħor tal-bastimenti jew il-mezzi tal-ajru;

(b)

Il-bastimenti jew mezzi tal-ajru għandhom jitqiesu li jappartjenu għall-pajjż fejn tkun stabbilita l-persuna fiżika jew ġurdika li teżerċita l-pussess ekonomiku tal-bastiment jew mezz tal-ajru kif definit fl-Artikolu 19(1).

2.   L-istatistika dwar il-kummerċ estern għandha tkopri l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti kkonsenjati mit-territorju tal-Istat Membru esportatur lejn bastimenti jew mezzi tal-ajru li jappartjenu għal pajjiż mhux membru.

3.   L-Istati Membri jistgħu jużaw il-kodiċi tal-oġġetti li ġejjin għal prodotti kkonsenjati lil bastimenti jew mezzi tal-ajru:

:

9930 24 00

:

oġġetti mill-Kapitoli NM 1 sa 24,

:

9930 27 00

:

oġġetti mill-Kapitolu NM 27,

:

9930 99 00

:

oġġetti kklassifikati xi mkien ieħor.

It-trażmissjoni tad-dejta dwar il-kwantità hija fakultattiva, ħlief għal oġġetti li jaqgħu taħt il-Kapitolu NM 27.

Barra minn hekk, tista’ tintuża l-kodiċi simplifikata ‘QS’ tal-pajjiż imsieħeb.

Artikolu 21

Oġġetti kkunsinjati lejn u minn stallazzjonijiet fuq il-baħar

1.   Għall-għanijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a)

“stallazzjoni fuq il-baħar” tfisser tagħmir u apparat stallat u stazzjonarju fuq il-baħar lil hinn mit-territorju statistiku ta’ kwalunkwe pajjiż;

(b)

“kunsinja ta” oġġetti lejn stallazzjonijiet fuq il-baħar’ tfisser it-twassil ta’ prodotti għall-ekwipaġġ u għat-tħaddim tal-inġenji, il-makni u tagħmir ieħor tal-istallazzjoni fuq il-baħar;

(c)

“oġġetti miksuba minn stallazzjonijiet fuq il-baħar jew prodotti minnhom” tfisser prodotti estratti minn qiegħ il-baħar jew minn terren taħt is-saff tal-wiċċ, jew immanifatturati mill-istallazzjoni fuq il-baħar.

2.   L-istatistika dwar il-kummerċ estern għandha tirreġistra:

(a)

importazzjoni, fejn l-oġġetti jitwasslu minn:

(i)

pajjiż mhux membru lejn stallazzjoni fuq il-baħar stabbilita f’żona fejn l-Istat Membru importatur għandu jeddijiet esklużivi sabiex jisfrutta dak il-qiegħ tal-baħar jew it-terren taħt is-saff tal-wiċċ,

(ii)

stallazzjoni fuq il-baħar stabbilita f’żona fejn pajjiż mhux membru għandu jeddijiet esklużivi sabiex jisfrutta dak il-qiegħ tal-baħar jew it-terren taħt is-saff tal-wiċċ lejn l-Istat Membru importatur,

(iii)

stallazzjoni fuq il-baħar stabbilita f’żona fejn pajjiż mhux membru għandu jeddijiet esklużivi biex jisfrutta dak il-qiegħ tal-baħar jew it-terren ta’ taħt is-saff tal-wiċċ lejn stallazzjoni fuq il-baħar f’żona fejn l-Istat Membru importatur għandu jeddijiet esklużivi li jisfrutta dak il-qiegħ tal-baħar jew terren ta’ taħt is-saff tal-wiċċ;

(b)

esportazzjoni, fejn l-oġġeti jitwasslu lejn:

(i)

pajjiż mhux membru minn stallazzjoni fuq il-baħar stabbilita f’żona fejn l-Istat Membru esportatur għandu jeddijiet esklużivi sabiex jisfrutta dak il-qiegħ tal-baħar jew it-terren taħt is-saff tal-wiċċ,

(ii)

stallazzjoni fuq il-baħar stabbilita f’żona fejn pajjiż mhux membru għandu jeddijiet esklużivi sabiex jisfrutta dak il-qiegħ tal-baħar jew it-terren taħt is-saff tal-wiċċ mill-Istat Membru esportatur,

(iii)

stallazzjoni fuq il-baħar stabbilita f’żona fejn pajjiż mhux membru għandu jeddijiet esklużivi biex jisfrutta dak il-qiegħ tal-baħar jew it-terren ta’ taħt is-saff tal-wiċċ minn stallazzjoni fuq il-baħar stabbilita f’żona fejn l-Istat Membru esportatur għandu jeddijiet esklużivi li jisfrutta dak il-qiegħ tal-baħar jew terren ta’ taħt is-saff tal-wiċċ.

3.   L-Istati Membri jistgħu jużaw il-kodiċi tal-oġġetti li ġejjin għal prodotti kkonsenjati lil stallazzjonijiet fuq il-baħar:

:

9931 24 00

:

oġġetti mill-Kapitoli NM 1 sa 24,

:

9931 27 00

:

oġġetti mill-Kapitolu NM 27,

:

9931 99 00

:

oġġetti kklassifikati xi mkien ieħor.

It-trażmissjoni tad-dejta dwar il-kwantità hija fakultattiva, ħlief għal oġġetti li jaqgħu taħt il-Kapitolu NM 27.

Barra minn hekk, tista’ tintuża l-kodiċi simplifikata ‘QW’ tal-pajjiż imsieħeb.

Artikolu 22

Prodotti tal-baħar

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a)

“prodotti tal-baħar” tfisser prodotti tas-sajd, minerali, oġġetti rkuprati u l-prodotti l-oħra kollha li jkunu għadhom ma tniżżlux l-art minn bastimenti tat-tbaħħir;

(b)

il-bastimenti għandhom jitqiesu li jappartjenu għall-pajjż fejn tkun stabbilita l-persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita l-pussess ekonomiku tal-bastiment kif definit fl-Artikolu 19(1).

2.   L-istatistika dwar il-kummerċ estern għandha tkopri biss l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ prodotti tal-baħar:

(a)

it-tniżżil fuq l-art ta’ prodotti tal-baħar fil-portijiet tal-Istat Membru importatur, jew il-kisba tagħhom minn bastimenti li jappartjenu għall-Istat Membru importatur minn bastimenti li jappartjenu għal pajjiż mhux membru; it-trattament ta’ dawn it-tranżazzjonijiet bħala oġġetti importati;

(b)

it-tniżżil fuq l-art ta’ prodotti tal-baħar fil-portijiet ta’ pajjiż mhux membru minn bastiment li jappartjeni għall-Istat Membru esportatur, jew il-kisba tagħhom minn bastimenti li jappertjenu għall-pajjiż mhux membru minn bastimenti li jappartjenu għall-Istat Membru esportatur; it-trattament ta’ dawn it-tranżazzjonijiet bħala oġġetti esportati.

3.   Il-pajjiż imsieħeb għandu jkun, f’każ ta’ importazzjoni, il-pajjiż mhux membru fejn tkun stabbilita l-persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita l-pussess ekonomiku tal-bastiment li jwettaq il-qbid u, f’każ ta’ esportazzjoni, il-pajjiż mhux membru fejn il-prodotti tal-baħar jitniżżlu l-art jew fejn tkun stabbilita l-persuna fiżika jew ġuridika li teżerċita l-pussess ekonomiku tal-bastiment li jikseb il-prodotti tal-baħar.

4.   Sakemm ma jkunx hemm kunflitt ma’ atti oħra tal-liġi tal-Unjoni, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandu jkollhom aċċess għas-sorsi tad-dejta flimkien mad-dikjarazzjonijiet doganali, bħal informazzjoni fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ bastimenti nazzjonali rreġistrati dwar prodotti tal-baħar imniżżla fuq l-art f’pajjiżi mhux membri.

Artikolu 23

Vetturi spazjali

1.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu:

(a)

“vettura spazjali” tfisser vetturi li kapaċi jivvjaġġaw ‘il barra mill-atmosfera dinjija;

(b)

“pussess ekonomiku” tfisser il-jedd ta’ persuna fiżika jew ġuridika li tieħu l-benefiċċji assoċjati mal-użu ta’ vettura spazjali matul attività ekonomika bis-saħħa tal-aċċettazzjoni tar-riskji assoċjati.

2.   It-tfigħ fl-ispazju ta’ vettura spazjali li kienet soġġetta għal trasferiment ta’ pussess ekonomiku minn persuna fiżika jew ġuridika stabbilita f’pajjiż mhux membru lil persuna fiżika jew ġuridika stabbilita fi Stat Membru għandu jiġi rreġistrat:

(a)

bħala importazzjoni fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit is-sid il-ġdid;

(b)

bħala esportazzjoni fl-Istat Membru fejn tinbena u titlesta l-vettura spazjali.

3.   Id-dispożizzjonijiet speċifiċi li ġejjin għandhom japplikaw għall-istatistika msemmija fil-paragrafu 2:

(a)

id-dejta dwar il-valur statistiku għandha tiġi definita bħala l-valur tal-vettura spazjali, għajr għall-ispejjeż tat-trasport u l-assigurazzjoni;

(b)

id-dejta dwar il-pajjiż imsieħeb għandha tkun dwar il-pajjiż mhux membru fejn tinbena jew titlesta l-vettura spazjali, fil-każ ta’ importazzjoni, u l-pajjiż mhux membru fejn ikun stabbilit is-sid il-ġdid, fil-każ ta’ esportazzjoni.

4.   Sakemm ma jkun hemm l-ebda kunflitt ma’ leġiżlazzjoni Komunitarja oħra, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika għandu jkollhom aċċess għas-sorsi kollha disponibbli tad-dejta, meħtieġa għall-konformità ma’ dan l-Artikolu, flimkien mad-dikjarazzjonijiet doganali.

Artikolu 24

Elettriku u gass

1.   Minbarra d-dikjarazzjonijiet doganali, l-awtoritajiet nazzjonali tal-istatistika jistgħu jkunu jeħtieġu li l-informazzjoni relevanti għar-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet tal-elettriku u l-gass bejn it-territorju statistiku tal-Istati Membru u l-pajjiżi mhux membri tiġi fornuta direttament mill-operaturi sew jekk dawn huma s-sidien jew inkella joperaw netwerk ta’ trażmissjoni tal-elettriku jew il-gass.

2.   Il-valur statistiku mgħoddi lill-Kummissjoni (Eurostat) jista’ jissejjes fuq stimi. L-Istati Membri għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni (Eurostat) dwar il-metodoloġija użata għall-istimi qabel l-applikazzjoni.

Artikolu 25

Oġġetti militari

1.   L-istatistika tal-kummerċ estern għandha tkopri l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti maħsuba għal użu militari.

2.   L-Istati Membri jistgħu jittrażmettu informazzjoni inqas dettaljata minn kif indikat fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009 fejn l-informazzjoni taqa’ taħt is-segretezza militari b’konformità mad-definizzjonijiet fis-seħħ fl-Istati Membri. Madankollu, bħala minimu, id-dejta dwar il-valur statistiku totali ta’ kull xahar tal-importazzjonijiet u tal-esportazzjonijiet għandha tiġi trażmessa lill-Kummissjoni (Eurostat).

KAPITOLU 5

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 26

It-trażmissjoni ta’ statistika Ewropea dwar l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti

1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li d-dejta mgħoddija lill-Kummissjoni (Eurostat) tkun eżawrjenti u konformi mal-kriterji ta’ kwalità kif jispeċifikahom l-Artikolu 9(1) tar-Regolament (KE) Nru 471/2009.

2.   L-istatistika mgħoddija lill-Kummissjoni (Eurostat) għandha tkun espressa bil-munita nazzjonali tal-Istat Membru li jkun qed jiġborha.

3.   Meta r-riżultati ta’ kull xahar li diġà jkunu ngħaddew lill-Kummissjoni (Eurostat) ikunu suġġetti għal reviżjonijiet, l-Istati Membri għandhom jgħaddu r-riżultati reveduti sa mhux aktar tard mix-xahar ta’ wara dak meta d-dejta riveduta tkun saret disponibbli.

Artikolu 27

Revoka

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1917/2000 huwa b’dan irrevokat b’effett mill-1 ta’ Jannar 2010.

Dan għandu jkompli japplika għad-dejta li tappartjeni għall-perjodi ta’ referenza qabel l-1 ta’ Jannar 2010.

Artikolu 28

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-20 jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Frar 2010.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 152, 16.6.2009, p. 23.

(2)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 1.

(3)  ĠU L 229, 9.9.2000, p. 14.

(4)  ĠU L 76, 30.3.1993, p. 1.

(5)  ĠU L 61, 5.3.2008, p. 6.

(6)  ĠU L 253, 11.10.1993, p. 1.

(7)  ĠU L 145, 4.6.2008, p. 65.

(8)  ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.

(9)  ĠU L 86, 31.3.2009, p. 1.


ANNESS I

LISTA TA’ OĠĠETTI U MOVIMENTI ESKLUŻI MILL-ISTATISTIKA DWAR IL-KUMMERĊ ESTERN

(a)

deheb monetarju;

(b)

mezzi ta’ ħlas li huma valuta legali u titoli, inklużi mezzi li huma ħlasijiet għal servizzi bħal posta, taxxi, onorarji għall-utent;

(c)

oġġetti għal użu temporanju jew warajh (eż. kiri, self, kiri operattiv), sakemm il-kundizzjonijiet kollha li ġejjin ikunu ssodisfati:

l-ebda proċessar ma huwa jew ma kien ġie ippjanat jew imwettaq,

it-tul mistenni tal-użu temporanju ma kienx jew mhux maħsub li jkun itwal minn 24 xahar,

ma seħħet u m’hi maħsuba li sseħħ l-ebda bidla fil-pussess;

(d)

oġġetti spustati bejn:

l-Istat Membru u l-enklavi territorjali tiegħu f’pajjiżi mhux membri,

l-Istat Membru ospitanti u l-enklavi territorjali ta’ pajjiżi mhux membri jew organizzazzjonijiet internazzjonali.

L-enklavi territorjali jinkludu l-ambaxxati u l-forzi armati nazzjonali stazzjonati barra mit-territorju tal-pajjiż ta’ oriġini;

(e)

oġġetti użati biex tinġarr informazzjoni personalizzata, inkluż softwer;

(f)

softwer imniżżel mill-Internet;

(g)

oġġetti fornuti bla ħlas li minnhom infushom mhumiex is-suġġett ta’ tranżazzjoni kummerċjali, sakemm il-moviment tagħhom ikollu l-intenzjoni waħdanija ta’ preparazzjoni jew ta’ sostenn ta’ tranżazzjoni kummerċjali maħsuba sussegwenti billi jintwerew il-karatteristiċi ta’ prodotti jew servizzi bħal:

materjal ta’ reklamar,

kampjuni kummerċjali;

(h)

oġġetti għat-tiswija jew wara t-tiswija u l-partijiet tal-bdil li huma inkorporati fil-qafas tat-tiswija u partijiet difettużi sostitwiti;

(i)

mezzi tat-trasport li jkunu qed jivvjaġġaw waqt ħidmiethom, inkluż apparat tat-tfigħ ta’ vetturi spazjali fil-mument tat-tfigħ;

(j)

oġġetti ddikjarati bil-fomm lill-awtoritajiet Doganali li jew huma ta’ natura kummerċjali, sakemm il-valur tagħhom ma jaqbiżx il-limitu statistiku ta’ EUR 1 000 jew 1 000 kilogramm, jew huma ta’ natura mhux kummerċjali;

(k)

oġġetti rilaxxati f’ċirkolazzjoni ħielsa wara li jgħaddu mill-proċeduri doganali ta’ proċessar ‘il ġewwa jew proċessar taħt il-kontroll tad-dwana.


ANNESS II

LISTA TA’ TIPI TA’ KODIĊI TAT-TRANŻAZZJONIJIET

A

B

1.

Tranżazzjonijiet li jinvolvu trasferiment ta’ pussess, attwali jew maħsub, minn residenti għal għand persuni mhux residenti bi ħlas finanzjarju jew kumpens ta’ xort’oħra (ħlief it-tranżazzjonijiet mniżżla f’2, 7, 8)

1.

Xiri/bejgħ komplet

2.

Provvista għall-bejgħ wara approvazzjoni jew wara proċess ġuridiku, għall-kunsinja jew bl-intermedjazzjoni ta’ aġent ta’ kummissjoni

3.

Kummerċ bit-tpartit (kumpens in natura)

4.

Kiri finanzjarju fit-tul (“hire-purchase”) (1)

9.

Oħrajn

2.

It-treġġigħ lura jew is-sostituzzjoni ta’ oġġetti bla ħlas wara r-reġistrazzjoni tat-tranżazzjoni oriġinali

1.

It-treġġigħ lura ta’ oġġetti

2.

Is-sostituzzjoni ta’ oġġetti mreġġa’ lura

3.

Is-sostituzzjoni (eż. fi żmien il-garanzija) ta’ oġġetti li mhux se jitreġġgħu lura

9.

Oħrajn

3.

Tranżazzjonijiet li jinvolvu t-trasferiment tal-pussess bla kumpens finanzjarju jew in natura (eż. kunsinni ta’ għajnuna umanitarja)

 

4.

Operazzjonijiet bil-ħsieb ta’ pproċessar (2) b’kuntratt (l-ebda trasferiment tal-pussess lill-proċessur)

1.

Oġġetti li mistennija jitreġġgħu lura lejn il-pajjiż inizjali tal-esportazzjoni

2.

Oġġetti li mhux mistennija jitreġġgħu lura lejn il-pajjiż inizjali tal-esportazzjoni

5.

Operazzjonijiet wara l-ipproċessar b’kuntratt (l-ebda trasferiment tal-pussess lill-proċessur)

1.

Oġġetti li jitreġġgħu lura lejn il-pajjiż inizjali tal-esportazzjoni

2.

Oġġetti li ma jitreġġgħux lura lejn il-pajjiż inizjali tal-esportazzjoni

6.

Tranżazzjonijiet partikolari rreġistrati għal skopijiet nazzjonali

 

7.

Operazzjonijiet taħt il-proġetti konġunti ta’ difiża jew taħt il-programmi konġunti l-oħra intergovernattivi ta’ produzzjoni

 

8.

Tranżazzjonijiet li jinvolvu l-forniment ta’ tagħmir tekniku u materjali tal-bini skont kuntratt ta’ kostruzzjoni ġenerali jew inġinerija ċivili li għalihom ma jkun meħtieġ l-ebda fatturat separat għall-oġġetti u tinħareġ fattura għall-kuntratt totali

 

9.

Tranżazzjonijiet oħra li ma jistgħux jiġu kklassifikati skont kodiċi oħra

1.

Kiri, self jew kiri fit-tul operattiv ta’ aktar minn 24 xahar

9.

Oħrajn


(1)  Il-kiri finanzjarju jkopri operazzjonijiet fejn l-istallazzjonijiet tal-kiri huma kkalkulati b’tali mod li jkopru l-valur kollu jew virtwalment kollu tal-oġġetti. Ir-riskji u l-benefiċċji tal-pussess huma ttrasferiti lil min qed jikri. Fl-aħħar tal-kuntratt, min qed jikri jsir is-sid legali tal-oġġetti.

(2)  L-ipproċessar ikopri operazzjonijiet (trasformazzjoni, kostruzzjoni, assemblaġġ, titjib, rinnivazzjoni …) bil-għan li jiġi prodott oġġett ġdid jew wieħed tassew irranġat. Dan mhux neċessarjament jinvolvi bidla fil-klassifikazzjoni tal-prodott. Attivitajiet ta’ pproċessar bl-inizjattiva ta’ proċessur stess mhumiex koperti b’dan il-punt u għandhom ikunu rreġistrati taħt il-punt 1 ta’ kolonna A.


ANNESS III

IL-KODIĊI TAL-MEZZ TAT-TRASPORT

Kodici

Titolu

1

It-trasport marittimu

2

Trasport bil-Ferrovija

3

It-trasport b’vetturi tat-triq

4

Trasport bl-ajru

5

Kunsinji bil-posta

7

Stallazzjonijiet fissi ta’ trasport

8

It-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni

9

Propulsjoni proprja


Top