EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32008F0675

Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2008/675/ĠAI ta’ l- 24 ta’ Lulju 2008 dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda

ĠU L 220, 15.8.2008, p. 32–34 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_framw/2008/675/oj

15.8.2008   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 220/32


DEĊIŻJONI KWADRU TAL-KUNSILL 2008/675/ĠAI

ta’ l-24 ta’ Lulju 2008

dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda

IL-KUNSILL TA’ L-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 31 u 34(2)(b) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

Billi:

(1)

L-Unjoni Ewropea stabbiliet għaliha nnifisha l-objettiv li żżomm u tiżviluppa żona ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja. Dan l-objettiv jeħtieġ li jkun possibbli li informazzjoni dwar kundanni mogħtija fl-Istati Membri tittieħed in konsiderazzjoni barra mill-Istat Membru li jkun qed jagħti l-kundanna, kemm għall-prevenzjoni ta’ reati ġodda kif ukoll waqt proċedimenti kriminali ġodda.

(2)

Fid-29 ta’ Novembru 2000 il-Kunsill, bi qbil mal-konkluzjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Tampere, adotta il-Programm ta’ miżuri biex jimplimenta l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet f’materji kriminali (2), li jipprovdi għall-“adozzjoni ta’ strument wieħed jew aktar li jistabbilixxu l-prinċipju li qorti fi Stat Membru wieħed għandha tkun tista’ tieħu konsiderazzjoni ta’ sentenzi kriminali finali mogħtija mill-qrati fi Stati Membri oħrajn għall-finijiet ta’ valutazzjoni tar-rekord kriminali tal-ħati u biex jiġi stabbilit jekk dan reġax ikkommetta reat, u sabiex jiġi determinat it-tip ta’ sentenza applikabbli u l-arranġamenti għall-infurzar tagħha”.

(3)

L-għan ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hu li jkun stabbilit obbligu minimu għall-Istati Membri biex jieħdu in konsiderazzjoni kundanni mogħtija fi Stati Membri oħrajn. Għalhekk din id-Deċiżjoni Kwadru ma timpedixxix lill-Istati Membri milli jieħdu in konsiderazzjoni, skond il-liġi tagħhom u meta jkollhom l-informazzjoni disponibbli, per eżempju, deċiżjonijiet finali ta’ awtoritajiet amministrattivi li d-deċiżjonijiet tagħhom jistgħu jiġu appellati fil-qrati kriminali li jistabbilixxu ħtija ta’ reat kriminali jew ta’ att punibbli skond id-dritt nazzjonali minħabba li huwa reat kontra l-liġi.

(4)

Xi Stati Membri jattribwixxu effetti għal kundanni mogħtija fi Stati Membri oħrajn, waqt li oħrajn jieħdu in konsiderazzjoni biss kundanni mogħtija mill-qrati tagħhom stess.

(5)

Il-prinċipju li l-Istati Membri għandhom jattribwixxu għal kundanna mogħtija fi Stati Membri oħrajn effetti ekwivalenti għal dawk attribwiti għal kundanna mogħtija mill-qrati tagħhom stess skond id-dritt nazzjonali għandu jiġi affermat, kemm jekk dawk l-effetti huma kkunsidrati mid-dritt nazzjonali bħala kwistjonijiet ta’ fatt kif ukoll jekk ta’ dritt proċedurali jew sostantiv. Madankollu din id-Deċiżjoni Kwadru ma tfittix li tarmonizza l-konsegwenzi attribwiti mil-leġislazzjoni nazzjonali differenti għall-eżistenza ta’ kundanni preċedenti u l-obbligu li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni preċedenti li ngħataw fi Stati Membri oħrajn jeżisti biss sal-punt li l-kundanni nazzjonali preċedenti jittieħdu in konsiderazzjoni taħt id-dritt nazzjonali.

(6)

B’kuntrast ma’ strumenti oħra, din id-Deċiżjoni Kwadru ma timmirax għall-eżekuzzjoni fi Stat Membru wieħed ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji meħuda fi Stati Membri oħrajn, iżda pjuttost timmira li tippermetti l-konsegwenzi jiġu marbuta ma’ kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru wieħed waqt proċedimenti kriminali ġodda fi Stat Membru ieħor sal-punt li tali konsegwenzi huma marbuta ma’ kundanni nazzjonali preċedenti skond id-dritt ta’ dak l-Istat Membru l-ieħor.

Għalhekk din id-Deċiżjoni Kwadru ma fiha l-ebda obbligu li jittieħdu in konsiderazzjoni tali kundanni preċedenti per eżempju f’każijiet fejn l-informazzjoni miksuba taħt strumenti applikabbli mhix suffiċjenti, fejn kundanna nazzjonali ma kinitx tkun possibbli rigward l-att li għalih il-kundanna preċedenti kienet ġiet imposta jew is-sanzjoni imposta preċedentement mhix magħrufa mis-sistema legali nazzjonali.

(7)

L-effetti ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor għandhom ikunu ekwivalenti għall-effetti ta’ deċiżjoni nazzjonali fl-istadju ta’ qabel il-kawża ta’ proċedimenti kriminali, fl-istadju tal-kawża u fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tas-sentenza.

(8)

Meta, waqt proċedimenti kriminali fi Stat Membru, tkun disponibbli informazzjoni dwar kundanna preċedenti fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi evitat kemm jista’ jkun li l-persuna kkonċernata tiġi ttrattata b’mod anqas favorevoli milli kieku l-kundanna preċedenti kienet kundanna nazzjonali.

(9)

L-Artikolu 3(5) għandu jiġi interpretat, fost l-oħrajn bi qbil mal-premessa 8, b’mod li jekk il-qorti nazzjonali fil-proċedimenti kriminali l-ġodda, meta tikkunsidra sentenza imposta preċedentement mogħtija fi Stat Membru ieħor, hija ta’ l-opinjoni li l-għoti ta’ ċertu livell ta’ sentenza fil-limiti tad-dritt nazzjonali jkun sproporzjonatament aħrax mal-ħati, meta tikkonsidra ċ-ċirkostanzi tiegħu jew tagħha, u jekk l-iskop tal-punizzjoni jista’ jinkiseb b’sentenza aktar baxxa, hija tista’ tnaqqas il-livell tas-sentenza għaldaqstant, jekk l-għemil ta’ dan seta’ kien possibbli f’każijiet purament interni.

(10)

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tissostitwixxi d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 56 tal-Konvenzjoni Ewropea tat-28 ta’ Mejju 1970 dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Sentenzi Kriminali, dwar it-teħid in konsiderazzjoni ta’ sentenzi kriminali, bejn Stati Membri partijiet għal dik il-Konvenzjoni.

(11)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta l-prinċipju ta’ sussidjarjetà previst mill-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea safejn dan jimmira għal approssimazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti ta’ l-Istati Membri, li ma tistax issir b’mod adegwat mill-Istati Membri li jaġixxu b’mod unilaterali u teħtieġ azzjoni konċertata fl-Unjoni Ewropea. Skond il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif inhu previst mill-Artikolu 5 tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità, din id-Deċiżjoni Kwadru ma teċċedix dak li hu meħtieġ sabiex jintlaħaq dak l-objettiv.

(12)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Artikolu 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u riflessi fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea.

(13)

Din id-Deċiżjoni Kwadru tirrispetta l-varjetà ta’ soluzzjonijiet u proċeduri interni meħtieġa biex tittieħed in konsiderazzjoni kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor. L-esklużjoni ta’ possibbiltà li tiġi riveduta kundanna preċedenti ma għandhiex timpedixxi lil Stat Membru milli jieħu deċiżjoni, jekk meħtieġ, sabiex jiġu attribwiti l-effetti legali ekwivalenti għal tali kundanna preċedenti. Madankollu, il-proċeduri involuti fil-ħruġ ta’ tali deċiżjoni m’għandhomx, bil-ħsieb tal-ħin u tal-proċeduri jew tal-formalitajiet meħtieġa, jirrenduha impossibbli li jiġu attribwiti effetti ekwivalenti ma’ sentenza preċedenti mogħtija minn Stat Membru ieħor.

(14)

Indħil f’sentenza jew l-eżekuzzjoni tagħha jkopri inter alia sitwazzjonijiet fejn, skond id-dritt nazzjonali tat-tieni Stat Membru, is-sanzjoni imposta f’sentenza preċedenti għandha tiġi assorbita minn jew inkluża f’sanzjoni oħra, li mbagħad għandha tiġi effettivament eżegwita, sal-punt li l-ewwel sentenza ma tkunx diġà ġiet eżegwita jew l-eżekeżekuzzjoni tagħha ma tkunx ġiet trasferita lit-tieni Stat Membru,

ADOTTA DAN ID-DEĊIŻJONI KWADRU:

Artikolu 1

Suġġett

1.   Il-fini ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru hi li tiddetermina l-kondizzjonijiet li taħthom, matul proċedimenti kriminali fi Stat Membru kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, jittieħdu in konsiderazzjoni.

2.   Din id-Deċiżjoni Kwadru m’għandhiex ikollha l-effett li temenda l-obbligu tar-rispett għad-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif minquxin fl-Artikolu 6 tat-Trattat.

Artikolu 2

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru “kundanna” tfisser kwalunkwe deċiżjoni finali ta’ qorti kriminali li tistabbilixxi ħtija ta’ reat kriminali.

Artikolu 3

Teħid in konsiderazzjoni, matul proċedimenti kriminali ġodda, ta’ kundanna mogħtija fi Stat Membru ieħor

1.   Kull Stat Membru għandu jiżgura li matul proċedimenti kriminali kontra persuna, kundanni preċedenti li ngħataw kontra l-istess persuna għal fatti differenti fi Stati Membri oħrajn, li fir-rigward tagħhom inkisbet informazzjoni taħt strumenti applikabbli għal għajnuna legali reċiproka jew għall-iskambju ta’ informazzjoni estratta minn rekords kriminali, jittieħdu in konsiderazzjoni sal-livell li jittieħdu in konsiderazzjoni kundanni nazzjonali preċedenti, u li jiġu attribwiti lilhom effetti legali ekwivalenti bħal kundanni nazzjonali preċedenti, bi qbil mad-dritt nazzjonali.

2.   Il-Paragrafu 1 għandu japplika fl-istadju ta’ qabel il-kawża, fl-istadju tal-kawża innifisha u fil-ħin ta’ l-eżekuzzjoni tal-kundanna, partikolarment fir-rigward tar-regoli ta’ proċedura applikabbli, inklużi dawk relatati mad-detenzjoni proviżorja, id-definizzjoni tar-reat, it-tip u l-livell tas-sentenza, u r-regoli dwar l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni.

3.   It-teħid in konsiderazzjoni ta’ kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn, kif previst fil-paragrafu 1, m’għandux ikollu l-effett li jfixkel, jirrevoka jew jirrevedi kundanni preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ l-eżekuzzjoni tagħhom mill-Istat Membru li jkun qed imexxi l-proċedimenti l-ġodda.

4.   Skond il-paragrafu 3, il-paragrafu 1 m’għandux japplika sal-punt li, li kieku l-kundanna preċedenti kienet kundanna nazzjonali ta’ l-Istat Membru li jkun qed imexxi l-proċedimenti l-ġodda, it-teħid in konsiderazzjoni tal-kundanna preċedenti kien, skond id-dritt nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru, ikollu l-effett li jfixkel, jirrevoka jew jirrevedi l-kundanna preċedenti jew kwalunkwe deċiżjoni relatata ma’ l-eżekuzzjoni tagħha.

5.   Jekk ir-reat li għalih il-proċedimenti ġodda jitwettqu ġie kommess qabel mal-kundanna preċedenti tkun ingħatat jew tkun ġiet eżegwita kompletament, il-paragrafi 1 u 2 m’għandhomx ikollhom l-effett li jobbligaw lill-Istati Membri biex japplikaw ir-regoli nazzjonali tagħhom dwar kif jiġu imposti s-sentenzi, fejn l-applikazzjoni ta’ dawk ir-regoli għal kundanni barranin tillimita lill-imħallef fl-impożizzjoni ta’ sentenza fil-proċedimenti ġodda.

Madankollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’tali każijiet il-qrati tagħhom jistgħu b’xi mod ieħor jieħdu in konsiderazzjoni kundanni preċedenti mogħtija fi Stati Membri oħrajn.

Artikolu 4

Relazzjoni ma’ strumenti legali oħrajn

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tissostitwixxi l-Artikolu 56 tal-Konvenzjoni Ewropea ta’ l-Aja tat-28 ta’ Mejju 1970 dwar il-Validità Internazzjonali ta’ Sentenzi Kriminali bejn l-Istati Membri partijiet għal dik il-Konvenzjoni, bla ħsara għall-applikazzjoni tagħha f’relazzjonijiet bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi.

Artikolu 5

Implimentazzjoni

1.   L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri meħtieġa sabiex jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru sal-15 ta’ Awwissu 2010.

2.   L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill u lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu fil-dritt nazzjonali tagħhom l-obbligi imposti fuqhom minn din id-Deċiżjoni Kwadru.

3.   Abbażi ta’ dik l-informazzjoni l-Kummissjoni għandha, sal-15 ta’ Awwissu 2011, tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni Kwadru, flimkien ma’ proposti leġislattivi jekk ikun meħtieġ.

Artikolu 6

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni Kwadru għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Magħmula fi Brussell, 24 ta’ Lulju 2008.

Għall-Kunsill

Il-President

B. HORTEFEUX


(1)  Opinjoni tas-27 ta’ Settembru 2006 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

(2)  ĠU C 12, 15.1.2001, p. 10.


Top