Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006R1784

    Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1784/2006 ta' l- 4 ta' Diċembru 2006 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta' aġenti ta' l-ipproċessar

    ĠU L 337, 5.12.2006, p. 3–4 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 314M, 1.12.2007, p. 375–376 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009; Impliċitament imħassar minn 32009R1005

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2006/1784/oj

    1.12.2007   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    375


    REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1784/2006

    ta' l-4 ta' Diċembru 2006

    li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu ta' aġenti ta' l-ipproċessar

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' Ġunju 2000 dwar sustanzi li jnaqqsu s-saff ta' l-ożonu (1), u b'mod partikolari t-tielet sentenza tas-sittax-il inċiż ta' l-Artikolu 2 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Is-sustanza li therri s-saff ta’ l-ożonu, il-carbon tetrachloride (CTC) (tetraklorur tal-karbonju) hija elenkata bħala sustanza kkontrollata fi Grupp IV ta’ l-Anness I għar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 u għalhekk skond dan ir-Regolament japplikaw ir-restrizzjonijiet fuq l-użu tagħha.

    (2)

    Wara li qiesu informazzjoni ġdida u żviluppi tekniċi rrappurtati mill-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Aġenti tal-Proċess tal-Protokoll ta’ Montreal dwar sustanzi li jherru s-saff ta’ l-ożonu fir-rapport ta’ progress tagħhom ta’ Ottubru 2004 (2), il-Partijiet għall-Protokoll ta’ Montreal adottaw id-Deċiżjoni XVII/7 (3) fis-Sbatax-il Laqgħa tagħhom f’Diċembru 2005. Aktar speċifikament, id-Deċiżjoni XVII/7 iżżid is-CTC mat-tabella riveduta A għad-Deċiżjoni X/14 bħala l-aġent ta' l-ipproċessar għall-produzzjoni għas-cyancobalamin radjuttikkettat, li huwa droga medika wżata għad-dijanjożi ta’ kważi probabbli ta’ defiċjenza ta’ vitamina B12.

    (3)

    Bħalissa, l-użu tal-CTC bħala aġent ta' l-ipproċessar għall-produzzjoni tas-cyancobalamin radjuttikkettat huwa pprojbit fil-Komunità skond ir-Regolament (KE) Nru 2037/2000. Sabiex ikun permess dan l-użu partikolari, skond id-Deċiżjoni msemmija fuq u maqbula dan l-aħħar skond il-Protokoll ta’ Montreal, l-Anness VI ta’ dan ir-Regolament għandu jiġi emendat.

    (4)

    [Il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament jaqblu mal-fehma tal-Kumitat stabbilit mill-Artikolu 18(1) tar-Regolament (KE) Nru 2037/2000,].

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness VI għar-Regolament (KE) Nru 2037/2000 huwa sostitwit mill-Anness għal dan ir-Regolament

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, 4 ta' Diċembru 2006.

    Għall-Kummissjoni

    Stavros DIMAS

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 244, 29.9.2000, p. 1. Regolament kif emendat l-aħħar mir-Regolament (KE) Nru 1366/2006 (ĠU L 264, 25.9.2006, p. 12).

    (2)  Rapport tal-Grupp ta’ Ħidma dwar l-Aġenti tal-Proċess, Ottubru 2004, p.17 (http://hq.unep.org/ozone/teap/Reports/PATF/PATF_Report2004.pdf).

    (3)  Is-Sbatax-il Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Montreal fl-2005, id-Deċiżjoni X/7 Lista ta’ użi ta’ sustanzi kkontrollati bħala ġenti tal-proċess (http://hq.unep.org/ozone/Meeting_Documents/mop/17mop/17mop-11.e.pdf).


    ANNESS

    “ANNESS VI

    Proċessi li fihom sustanzi kkontrollati jintużaw bħala aġenti ta' l-ipproċessar kif hemm referenza għalihom fis-sittax-il inċiż ta' l-Artikolu 2

    (a)

    l-użu tat-tetraklorur tal-karbonju għall-eliminazzjoni tat-triklorur tan-nitroġenu fil-produzzjoni tal-klorin u s-soda kawstika.

    (b)

    l-użu tat-tetraklorur tal-karbonju fl-irkupru tal-klorin fil-gassijiet (tail gas) li jiġu mill-produzzjoni tal-klorin;

    (c)

    l-użu tat-tetraklorur tal-karbonju fil-manifattura tal-gomma klorinata;

    (d)

    l-użu tat-tetraklorur tal-karbonju fil-manifattura ta' l-aċetofenun ta' l-isobutil (ibruprofen-analġeżiku);

    (e)

    l-użu tat-tetraklorur tal-karbonju fil-manifattura tal-poli-fenilin-tereftalamid;

    (f)

    l-użu tat-tetraklorur tal-karbonju fil-produzzjoni tas-cyanocobalamin radjuttikkettat;

    (g)

    l-użu tas-CFC-11 fil-manifattura tal-folja fina tal-fibra sintetika tal-polyolefin;

    (h)

    l-użu ta' CFC-12 fis-sinteżi fotokimika tal-perfluoropolyetherpolyperoxide, prekursuri taż-Z-perfluoropolyethers u derivati difunzjonali;

    (i)

    l-użu ta' CFC-113 fir-riduzzjoni ta' perfluoropolyetherpolyperoxide intermedju għall-produzzjoni ta' perfluoropolyether diesters;

    (j)

    l-użu ta' CFC-113 fit-tħejjija ta' perfluoropolyether diols b'funzjonalità għolja;

    (k)

    l-użu ta' tetraklorur tal-karbonju fil-produzzjoni tas-Cyclodime;

    (l)

    l-użu ta' HCFCs fil-proċessi mniżżla fil-punti (a) sa (j) meta jkunu użati biex jieħdu post is-CFC jew it-tetraklorur tal-karbonju.”


    Top