Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32004L0114

    Direttiva tal-Kunsill 2004/114/KE tat- 13 ta' Diċembru 2004 dwar il-kondizzjonijiet ta' ammissjoni ta' cittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju

    ĠU L 375, 23/12/2004, p. 12–18 (ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, NL, PL, PT, SK, SL, FI, SV)
    ĠU L 153M, 07/06/2006, p. 330–336 (MT)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (BG, RO, HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 23/05/2018; Revokat u sostitwit bi 32016L0801

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dir/2004/114/oj

    7.6.2006   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    330


    DIRETTIVA TAL-KUNSILL 2004/114/KE

    tat-13 ta' Diċembru 2004

    dwar il-kondizzjonijiet ta' ammissjoni ta' cittadini ta' pajjiżi terzi għal skopijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju

    IL-KUNSILL TA' L-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, u b'mod partikolari punti (3) (a) u (4) ta' l-ewwel subparagrafu ta' l-Artikolu 63 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Parlament Ewropew (1),

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

    Wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (3),

    Billi:

    (1)

    Għall-istabbiliment gradwali ta' żona ta' liberta', sigurtà u ġustizzja, it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea jipprovdi għall-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-oqsma ta' l-asil, l-immigrazzjoni u l-ħarsien tad-drittijiet taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi.

    (2)

    It-Trattat jipprovdi li l-Kunsill għandu jadotta miżuri dwar il-politika ta' l-immigrazzjoni li għandha x'taqsam mal-kondizzjonijiet tad-dħul u r-residenza, u l-istandards dwar proċeduri għall-ħruġ mill-Istati Membri ta' viżi u permessi ta' residenza għal żmien twil.

    (3)

    Fil-laqgħa speċjali ta' Tampere fil-15 u s-16 ta' Ottubru 1999, il-Kunsill Ewropew irrikonoxxa l-bżonn għall-approssimazzjoni tal-legiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kondizzjonijiet għall-ammissjoni u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u talab lil Kunsill biex jaddotta malajr deċiżjonijiet fuq il-bażi ta' proposti mill-Kummissjoni.

    (4)

    Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta' L-Unjoni Ewropea.

    (5)

    L-Istati Membri għandhom jagħtu effett lid-disposizzjonijiet ta' din id-Direttiva mingħajr diskriminazzjoni fuq il-bażi ta' sess, razza, kulur, oriġni etnika jew soċjali, karatteristiċi ġenetiċi, lingwa, reliġjon jew twemmin, opinjonijiet politiċi jew oħra, sħubija ma' minoritá nazzjonali, xorti, twelid, diżabbilitajiet, etá jew orjentazzjoni sesswali.

    (6)

    Wieħed mill-għanijiet ta' l-azzjoni Komunitarja fil-qasam ta' l-edukazzjoni hu li jippromwovi l-Ewropa fl-intier tagħha bħala ċentru dinji ta' eċċellenza għall-istudju u t-taħriġ vokazzjonali. Il-promozzjoni tal-mobilitá ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi lejn il-Komunita' għal skopijiet ta' studju huwa fattur ewlieni f'dik l-istrateġija. L-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istati Membri dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza hija parti minn dan.

    (7)

    Il-migrazzjoni għall-għanijiet stabbiliti f'din id-Direttiva, li minnha nfisha hija temporanja u ma tiddependix fuq is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol ta' l-Istat Membru ospitanti, tikkostitwixxi għamla ta' arrikkiment reċiproku għall-immigranti konċernati, il-pajjiż ta' l-oriġni tagħhom u l-Istat Membru ospitanti u tgħin biex tippromwovi familjaritá aħjar bejn il-kulturi.

    (8)

    It-terminu ammissjoni jkopri d-dħul u r-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-għanijiet stabbiliti minn din id-Direttiva.

    (9)

    Ir-regoli l-ġodda tal-Komunitá huma bbażati fuq definizzjonijiet ta' student, ta' min qiegħed jitħarreġ, stabbiliment edukazzjonali u voluntiera li diġá jintużaw fil-liġi Komunitarja, b'mod partikolari fil-programmi varji tal-Komunitá li jippromwovu l-mobilitá tal-persuni rilevanti (Socrates, is-Servizz Volontarju Ewropew etc.).

    (10)

    It-tul u l-kondizzjonijiet oħra tal-korsijiet preparatorji għall-istudenti koperti mid-Direttiva preżenti għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom.

    (11)

    Iċ-ċittadini ta' pajjizi terzi li jaqgħu taħt il-kategoriji ta' dawk li qed jitħarrġu bla ħlas u voluntiera u li huma kkunsidrati, minħabba l-attivitajiet tagħhom jew l-għamla ta' kumpens jew remunerazzjoni li jirċievu, bħala ħaddiema taħt leġiżlazzjoni nazzjonali m' humiex koperti minn din id-Direttiva. L-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li bi ħsiebhom jagħmlu studji speċjalizzati fil-qasam tal-mediċina għandhom jiġu determinati mill-Istati Membri.

    (12)

    L-evidenza ta' approvazzjoni ta' student fi stabbiliment ta' edukazzjoni għolja jista' jinkludi, fost possibilitajiet oħra, ittra jew ċertifikat li tikkonferma ir-reġistrazzjoni tiegħu/tagħha.

    (13)

    Il-fellowships jistgħu jitqiesu fil-valutazzjoni tad-disponibbilitá ta' risorzi suffiċjenti.

    (14)

    L-ammissjoni għall-iskopijiet stabbiliti minn din id-Direttiva tista' tiġi miċħuda għal raġunijiet ġustifikati b'mod xieraq. Partikolarment, l-ammissjoni tista' tiġi rifjutata jekk Stat Membru jikkunsidra, skond valutazzjoni tal-fatti, li ċ-ċittadin tal-pajjiż terz ikkonċernat huwa theddida potenzjali għall-politika pubblika jew għas-sigurta' pubblika. Il-kunċett ta' politika pubblika jista' jkopri kundanna għat-twettiq ta' delitt serju. F'dan il-kuntest, għandu jiġi notat li l-kunċett ta' politika pubblika u sigurtá pubblika jkopri wkoll każijiet fejn ċittadin ta' pajjiz terz jagħmel parti jew kien jagħmel parti minn assoċjazzjoni li tagħti sostenn lit-terroriżmu, li tagħti sostenn jew kienet tagħti sostenn lill-assoċjazzjoni bħal din, jew għandha jew kellha aspirazzjonijiet estremisti.

    (15)

    F'każ ta' dubji li jikkonċernaw ir-raġunijiet ta' l-applikazzjoni għall-ammissjoni, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jitolbu l-evidenza kollha, li hija neċessarja biex issir valutazzjoni tal-koerenza tagħha, b'mod partikolari fuq il-bażi ta' l-istudji proposti mill-applikant, sabiex jiġġieldu kontra l-abbuż u l-użu ħażin tal-proċedura stabbilita f' din id-Direttiva.

    (16)

    Il-mobilitá ta' studenti li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi u li jistudjaw f'bosta Stati Membri għandha tiġi ffaċilitata, kif ukoll l-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li qed jieħdu sehem f'programmi tal-Komunitá sabiex tiġi promossa l-mobilitá lejn il-Komunita' u fiha għall-iskopijiet stabbiliti f'din id-Direttiva.

    (17)

    Sabiex jiġi permess id-dħul inizjali fit-territorju tagħhom, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu joħorġu f'manjiera opportuna permess ta' residenza jew, jekk joħorġu permessi ta' residenza esklussivament fit-territorju tagħhom, viża.

    (18)

    Sabiex l-istudenti li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi jitħallew ikopru parti mill-ispejjeż ta' l-istudji tagħhom għandhom jingħataw aċċess għas-suq tax-xogħol, taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f'din id-Direttiva. Il-prinċipju ta' aċċess għall-istudenti għas-suq tax-xogħol, taħt il-kondizzjonijiet ta' din id-Direttiva għandha tkun regola ġenerali; izda, f'ċirkustanzi eċċezzjonali l-Istati Membri għandhom jkollhom il-possibbilitá li jieħdu kont tas-sitwazzjoni tas-swieq tax-xogħol nazzjonali tagħhom.

    (19)

    Il-kunċett ta' awtorizzazzjoni minn qabel jinkludi wkoll l-għoti ta' permessi tax-xogħol lill-istudenti li jixtiequ jeżerċitaw attivitá ekonomika.

    (20)

    Din id-Direttiva ma taffetwax il-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tax-xogħol part-time.

    (21)

    Għandu jiġi provdut ukoll għall-proċeduri ta' ammissjoni aktar mgħaġġlin għall-iskop ta' studju jew skemi ta' skambju ta' studenti operati minn organizzazzjonijiet rikonoxxuti fl-Istati Membri.

    (22)

    Kull Stat Membru għandu jiżgura li sett mill-aktar komplet ta' tagħrif aġġornat regolarment huwa disponibbli għall-pubbliku ġenerali, speċjalment fuq l-internet, fejn għandhom x'jaqsmu l-istabbilimenti definiti f'din id-Direttiva, korsijiet ta' studju li għalihom ċittadini ta' pajjizi terzi jistgħu jiġu ammessi għalihom u l-kondizzjonijiet u l-proċeduri għad-dħul u r-residenza fit-territorju tiegħu għal dawk l-għanijiet.

    (23)

    Din id-Direttiva m' għandha fl-ebda ċirkustanza taffetwa l-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE)1030/2002 tat-13 ta' Ġunju 2002 li jistabbilixxi format uniformi għall-permessi ta' residenza għal ċittadini ta' pajjiżi terzi (4).

    (24)

    Billi l-għan ta' din id-Direttiva, iġifieri li tiddetermina l-kondizzjonijiet ta' l-ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għal għanijiet ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ bla ħlas jew servizz volontarju, ma jistax jintlaħaq f'mod suffiċjenti mill-Istati Membri u jista', minħabba l-iskala jew l-effetti tiegħu, jintlaħaq aħjar fil-livell Komunitarju, il-Komunita' tista tadotta miżuri, skond il-prinċipju ta' sussidjarjetá stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat. Skond il-prinċipju ta' proporzjonalitá stabbilit f' dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju biex jintlaħaq dak il-għan.

    (25)

    Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda, annessi mat-Trattat dwar L-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 tal-Protokoll imsemmi, dawn l-Istati Membri mhumiex qed jieħdu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva u m' humiex marbutin jew soġġetti għall-applikazzjoni tagħha.

    (26)

    Skond l-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll dwar il-posizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunitá Ewropea, id-Danimarka mhux qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta' din id-Direttiva, u mhix marbuta biha jew soġġetta għall-applikazzjoni tagħha,

    ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:

    KAPITOLU I

    DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Suġġett

    L-għan ta' din id-Direttiva hu li tiddetermina:

    (a)

    il-kondizzjonijiet ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju ta' l-Istati Membri għal perijodu ta' iktar minn tliet xhur għall-fini ta' studju, skambju ta' studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju;

    (b)

    ir-regoli dwar il-proċeduri għal ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi fit-territorju ta' l-Istati Membri għal dawk il-finijiet.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta' din id-Direttiva:

    (a)

    “ċittadin ta' pajjiż terz” ifisser kwalunkwe persuna li mhix ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea fis-sens tat-tifsira ta' l-Artikolu 17(1) tat-Trattat;

    (b)

    “student” ifisser ċittadin ta' pajjiż terz aċċettat minn stabbiliment ta' edukazzjoni għolja u ammess fit-territorju ta' Stat Membru biex isegwi bħala l-attività prinċipali tiegħu/tagħha kors ta' studju full-time li jwassal għal kwalifikazzjoni ta' edukazzjoni għolja rikonoxxuta mill-Istat Membru, inklużi diplomi, ċertifikati u lawrji dottorali fi stabbiliment ta' edukazzjoni għolja li jista' jkopri kors preparatorju qabel tali edukazzjoni skond il-leġislazzjoni nazzjonali tiegħu;

    (ċ)

    “student ta' l-iskola” ifisser ċittadin ta' pajjiż terz ammess fit-territorju ta' Stat Membru biex isegwi programm rikonoxxut ta' edukazzjoni sekondarja fil-kuntest ta' skema ta' skambju operata minn organizzazzjoni rikonoxxuta għal dan l-għan minn Stat Membru skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika amministrattiva tiegħu;

    (d)

    “persuna li titħarreġ mingħajr ħlas” tfisser ċittadin ta' pajjiż terz li ġie ammess fit-territorju ta' Stat Membru għal perijodu ta' taħriġ mingħajr ħlas, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu;

    (e)

    “stabbiliment” ifisser stabbiliment pubbliku jew privat rikonoxxut minn Stat Membru li jospita u/jew li l-korsijiet ta' studju tiegħu huma rikonoxxuti skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattiki amministrattivi tiegħu għall-finijiet stabbiliti f'din id-Direttiva;

    (f)

    “skema ta' servizz volontarju” tfisser programm ta' attivitajiet ta' solidarjetà prattika, bbażat fuq skema ta' Stat jew ta' Komunità, li jsegwi għanijiet ta' interess ġenerali;

    (g)

    “permess ta' residenza” jfisser kwalunkwe awtorizzazzjoni maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru li jippermetti lil ċittadin ta' stat terz joqgħod legalment fit-territorju tiegħu, skond id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 1(2) (a) tar-Regolament (KE) Nru 1030/2002.

    Artikolu 3

    Kamp ta' Applikazzjoni

    1.   Din id-Direttiva għandha tapplika għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw biex jiġu ammessi fit-territorju ta' Stat Membru għall-finijiet ta' studji.

    Stati Membri jistgħu jiddeċiedu wkoll japplikaw din id-Direttiva għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li japplikaw biex jiġu ammessi għall-finijiet ta' skambju ta' studenti, taħriġ mingħajr ħlas jew servizz volontarju.

    2.   Din id-Direttiva m' għandiex tapplika għal:

    (a)

    ċittadini ta' pajjiżi terzi li jirresjedu f'Stat Membru bħala persuni li qed ifittxu l-asil, jew taħt forom sussidjarji ta' protezzjoni jew taħt skemi ta' protezzjoni temporanja;

    (b)

    ċittadini ta' pajjiżi terzi li t-tkeċċija tagħhom ġiet sospiża għal raġunijiet ta' fatt jew ta' liġi;

    (ċ)

    ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma membri tal-familja ta' ċittadini ta' l-Unjoni li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal moviment liberu fil-Komunità;

    (d)

    ċittadini ta' pajjiżi terzi li jgawdu status ta' residenza għal perijodu twil fi Stat Membru skond id-Direttiva tal-Kunsill 2003/109/KE tal-25 ta' Novembru 2003 dwar l-istatus ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma residenti għal perijodu twil (5) u jeżerċitaw d-dritt tagħhom li jirresjedu f'Stat Membru ieħor sabiex jistudjaw jew jirċievu taħriġ vokazzjonali;

    (e)

    ċittadini ta' pajjiżi terzi kkunsidrati bħala ħaddiema jew persuni li jaħdmu għal rashom taħt il-leġislazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru konċernat.

    Artikolu 4

    Disposizzjonijiet iktar favorevoli

    1.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għal disposizzjonijiet iktar favorevoli ta':

    (a)

    ftehim bilaterali jew multilaterali bejn il-Komunità jew il-Komunità u l-Istati Membri tagħha u wieħed jew iżjed pajjiżi terzi; jew

    (b)

    ftehim bilaterali jew multilaterali bejn wieħed jew iżjed Stati Membri u wieħed jew iżjed pajjiżi terzi.

    2.   Din id-Direttiva għandha tkun mingħajr preġudizzju għad-dritt ta' Stati Membri li jadottaw jew iżommu disposizzjonijiet li huma iktar favorevoli għall-persuni li għalihom tapplika.

    KAPITOLU II

    KONDIZZJONIJIET TA' AMMISSJONI

    Artikolu 5

    Prinċipju

    L-ammissjoni ta' ċittadin ta' pajjiż terz taħt din id-Direttiva għandha tkun soġġetta għall-verifika ta' prova dokumentata li turi li hu/hi jilħaq/tilħaq il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 6 u kwalunkwe kondizzjoni fl-Artikoli 7 sa 11 li tapplika għall-kategorija rilevanti.

    Artikolu 6

    Kondizzjonijiet Ġenerali

    1.   Ċittadin ta' pajjiż terz li japplika biex jiġi ammess għall-finijiet stabbiliti fl-Artikoli 7 sa 11 għandu:

    (a)

    jippreżenta dokument ta' vjaġġ validu, kif determinat mill-leġiżlazzjoni nazzjonali. Stati Membri jistgħu jeħtieġu li l-perijodu ta' validità tad-dokument ikopri mill-inqas it-tul tal-qagħda ppjanata;

    (b)

    jekk hu/hi minuri taħt il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' l-Istat Membru li jospita, jippreżenta/tippreżenta awtorizzazzjoni tal-ġenituri għall-qagħda ppjanata;

    (ċ)

    ikollu assigurazzjoni kontra l-mard fir-rispett tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini tiegħu fl-Istat Membru konċernat;

    (d)

    ma jitqiesx bħala theddida għall-politika pubblika, sigurtà pubblika jew saħħa pubblika;

    (e)

    jipprovdi prova, jekk l-Istat Membru hekk jitlob, li hu ħallas il-miżata għall-ipproċessar ta' l-applikazzjoni abbażi ta' l-Artikolu 20.

    2.   Stati Membri għandhom jiffaċilitaw il-proċedura ta' ammissjoni għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi koperti mill-Artikoli 7 sa 11 li jipparteċipaw f'programmi tal-Komunità li jsaħħu l-mobilità lejn jew fi ħdan il-Komunita' Ewropea.

    Artikolu 7

    Kondizzjonijiet speċifiċi għal studenti

    1.   Minbarra l-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 6, ċittadin ta' pajjiż terz li japplika biex jiġi ammess għall-finijiet ta' studju għandu:

    (a)

    jkun ġie aċċettat minn stabbiliment ta' edukazzjoni għolja biex isegwi kors ta' studju;

    (b)

    jipprovdi/tipprovdi l-provi mitluba minn Stat Membru li matul il-qagħda tiegħu/tagħha jkollu/jkollha riżorsi biżżejjed biex ikopri/tkopri s-sussistenza, l-istudju u l-ispejjeż tal-vjaġġ lura tiegħu/tagħha. Stati Membri għandhom jippubblikaw ir-riżorsi minimi ta' kull xahar meħtieġa għall-fini ta' din id-disposizzjoni, mingħajr preġudizzju għal eżami individwali ta' kull każ;

    (ċ)

    jipprovdi provi, jekk l-Istat Membru hekk jeħtieġ, ta' għerf suffiċenti tal-lingwa tal-kors li ser ikun segwit minnu/minnha;

    (d)

    jipprovdi/tipprovdi provi, jekk l-Istat Membru hekk jeħtieġ, li hu/hi ħallas/ħallset il-miżati mitluba mill-istabbiliment.

    2.   Studenti li awtomatikament jikkwalifikaw għal assigurazzjoni kontra l-mard fir-rispett tar-riskji kollha normalment koperti għaċ-ċittadini ta' l-Istat Membru konċernat bħala riżultat ta' reġistrazzjoni fi stabbiliment għandhom jitqiesu li jilħqu l-kondizzjoni ta' l-Artikolu 6(1)(ċ).

    Artikolu 8

    Mobilità ta' studenti

    1.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 12(2), 16 u 18(2), ċittadin ta' pajjiż terz li diġà ġie ammess bħala student u japplika biex isegwi parti mill-istudji li diġà beda fi Stat Membru ieħor, jew jikkumplimenthom b'kors ta' studju relatat fi Stat Membru ieħor, għandu jiġi ammess mill-Istat Membru ta' l-aħħar f'perijodu li ma jfixkilx it-tkomplija ta' l-istudji rilevanti, waqt li jħalli lill-awtoritajiet kompetenti żmien biżżejjed biex jipproċessaw l-applikazzjoni, jekk hu/hi:

    (a)

    jilħaq/tilħaq il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 7 fir-rigward ta' dak l-Istat Membru; u

    (b)

    bagħat/bagħtet, ma' l-applikazzjoni għall-ammissjoni tiegħu/tagħha, prova dokumentata sħiħa tar-rendikont akademiku tiegħu/tagħha u provi li l-kors li hu/hi jixtieq ikompli/tixtieq tkompli jikkumplimenta b'mod ġenwin dak li hu/hi spiċċa/t; u

    (ċ)

    jieħu sehem/tieħu sehem fi programm ta' skambju tal-Komunità jew bilaterali jew ġie ammess bħala student fi Stat Membru għal mhux inqas minn sentejn.

    2.   Il-ħtiġijiet imsemmija fil-paragrafu 1(ċ) ma għandhomx japplikaw fil-każ fejn l-istudent, fil-qafas tal-programm ta' studju tiegħu/tagħha ikollu jsegwi b'mod obbligatorju bħala parti mill-korsijiet tiegħu/tagħha korsijiet fi stabbiliment ta' Stat Membru ieħor.

    3.   L-awtoritajiet kompetenti ta' l-ewwel Stat Membru għandhom, fuq talba ta' l-awtoritajiet kompetenti tat-tieni Stat Membru jipprovdu l-informazzjoni xierqa fir-rigward tal-qagħda ta' l-istudent fit-territorju ta' l-ewwel Stat Membru.

    Artikolu 9

    Kondizzjonijiet speċifiċi għal studenti ta' l-iskola

    1.   Bla ħsara għall-Artikolu 3, ċittadin ta' pajjiż terz li japplika biex jiġi ammess fi skema ta' skambju ta' studenti għandu, minbarra l-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 6:

    (a)

    ma jkunx taħt l-età minima jew 'il fuq mill-età massima stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat;

    (b)

    jipprovdi provi li ġie aċċettat fi stabbiliment ta' edukazzjoni sekondarja;

    (ċ)

    jipprovdi provi ta' parteċipazzjoni fi programm rikonoxxut ta' skema ta' skambju ta' studenti operat minn organizzazzjoni rikonoxxuta għal dak l-għan mill-Istat Membru kkonċernat skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika amministrattiva tiegħu;

    (d)

    jipprovdi provi li l-organizzazzjoni ta' l-iskambju ta' studenti taċċetta responsabbiltà għalih/għaliha matul il-perijodu ta' presenza tiegħu/tagħha fit-territorju ta' l-Istat Membru kkonċernat, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu s-sussistenza, l-istudju, il-ħarsien tas-saħħa u l-ispejjeż għall-vjaġġ lura;

    (e)

    jirrisjedi/tirrisjedi tul il-qagħda tiegħu/tagħha ma' familja li tilħaq il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru konċernat u magħżul skond ir-regoli ta' l-iskema ta' skambju ta' studenti li fiha qed jipparteċipa/tipparteċipa.

    2.   Stati Membri jistgħu jillimitaw l-ammissjoni ta' studenti ta' l-iskola li qed jipparteċipaw fi skema ta' skambju għal ċittadini ta' pajjiżi terzi li joffru l-istess possibiltà liċ-ċittadini tagħhom stess.

    Artikolu 10

    Kondizzjonijiet speċifiċi għal persuni li jitħarrġu mingħajr ħlas

    Bla ħsara għall-Artikolu 3, ċittadin ta' pajjiż terz li japplika biex jiġi ammess biex jitħarreġ mingħajr ħlas, għandu, minbarra l-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 6:

    (a)

    ikun iffirma ftehim ta' taħriġ, approvat jekk hemm bżonn mill-awtorità rilevanti fl-Istat Membru konċernat skond ir-regolamenti jew prattika amministrattiva tiegħu, għall-impieg mingħajr ħlas ma' impriża tas-settur pubbliku jew privat jew stabbiliment ta' taħriġ vokazzjonali rikonoxxut mill-Istat Membru skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali jew prattika amministrattiva tiegħu;

    (b)

    jipprovdi/tipprovdi l-provi mitluba minn Stat Membru li matul il-waqfa tiegħu/tagħha jkollu/jkollha riżorsi biżżejjed biex ikopri/tkopri s-sussistenza, l-istudju u l-ispejjeż tal-vjaġġ lura tiegħu/tagħha. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ir-riżorsi minimi ta' kull xahar meħtieġa għall-fini ta' din id-disposizzjoni, mingħajr preġudizzju għal eżami ndividwali ta' kull każ;

    (ċ)

    jirċievi, jekk l-Istat Membru hekk jeħtieġ, taħriġ basiku tal-lingwa sabiex jakkwista l-għarfien meħtieġ għall-finijiet ta' l-impieg.

    Artikolu 11

    Kondizzjonijiet speċifiċi għall-voluntiera

    Bla ħsara għall-Artikolu 3, ċittadin ta' pajjiż terz li japplika biex jiġi ammess fi skema ta' servizz volontarju għandu, minbarra l-kondizzjonijiet ġenerali stipulati fl-Artikolu 6:

    (a)

    ma jkunx taħt l-età minima jew 'il fuq mill-età massima stabbilita mill-Istat Membru kkonċernat;

    (b)

    jipproduċi/tipproduċi ftehim ma' l-organizzazzjoni responsabbli fl-Istat Membru kkonċernat għall-iskema ta' servizz volontarju li fiha hu/hi qed jipparteċipa/ tipparteċipa, u jagħti/tagħti deskrizzjoni tal-kompiti, il-kondizzjonijiet li fihom hu/hi jiġi ssorveljat/tiġi ssorveljata fit-twettiq ta' dawk il-kompiti, is-sigħat ta' xogħol tiegħu/tagħha, ir-riżorsi disponibbli biex ikopru l-vjaġġ, is-sussistenza, l-ispejjeż ta' residenza tiegħu/tagħa u l-flus fil-but li jkollu/jkollha tul il-qagħda tiegħu/tagħha u, jekk ikun xieraq, it-taħriġ li ser jirċievi/tirċievi biex jgħinu jwettaq/jgħinha twettaq is-servizz tiegħu/tagħha;

    (ċ)

    jipprovdi/tipprovdi evidenza li l-organizzazzjoni responsabbli għas-skema ta' servizz volontarju li fiha hu/hi qed jipparteċipa/tipparteċipa hi sottoskritta għal polza ta' assigurazzjoni ta' terzi u taċċetta responsabbiltà sħiħa għalih/għaliha tul il-qagħda tiegħu/tagħha, b'mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu s-sussistenza, il-ħarsien tas-saħħa u l-ispejjeż tal-vjaġġ lura tiegħu/tagħha;

    (d)

    u, jekk l-Istat Membru li jospita jitlob hekk b'mod speċifiku, jirċievi/tirċievi introduzzjoni bażika għall-lingwa, l-istorja u l-istrutturi soċjali ta' dak l-Istat Membru.

    KAPITOLU III

    PERMESSI TA' RESIDENZA

    Artikolu 12

    Permess ta' residenza maħruġ lil studenti

    1.   Permess ta' residenza għandu jinħareġ lill-istudent għal perijodu ta' mill-inqas sena u rinovabbli jekk id-detentur jibqa' jilħaq il-kondizzjonijiet ta' l-Artikoli 6 u 7. Fejn it-tul tal-kors ta' studju hu inqas minn sena, il-permess għandu jkun validu għat-tul tal-kors.

    2.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 16, it-tiġdid ta' permess ta' residenza jista' jiġi rifjutat jew il-permess jista' jiġi rtirat jekk id-detentur:

    (a)

    ma jirrispettax il-limiti mposti dwar l-aċċess għal attivitajiet ekonomiċi taħt l-Artikolu 17 ta' din id-Direttiva;

    (b)

    ma jagħmilx progress aċċettabbli fl-istudji tiegħu/tagħha skond il-leġislazzjoni nazzjonali u l-prattika amministrattiva.

    Artikolu 13

    Permess ta' residenza maħruġ lil studenti ta' l-iskola

    Permess ta' residenza maħruġ lil studenti ta' l-iskola għandu jkun maħruġ biss għal perijodu ta' mhux iżjed minn sena.

    Artikolu 14

    Permess ta' residenza maħruġ lil persuni li jitħarrġu mingħajr ħlas

    Il-perijodu ta' validità ta' permess ta' residenza maħruġ lil persuni li jitħarrġu mingħajr ħlas għandu jikkorrispondi għat-tul ta' l-impieg u għandu jkun għal massimu ta' sena. F'każijiet eċċezzjonali, jista' jiġi mġedded, darba biss u esklussivament għal tali żmien kif meħtieġ biex tiġi akkwistata kwalifikazzjoni vokazzjonali rikonoxxuta minn Stat Membru skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali u l-prattika amministrattiva tiegħu, sakemm id-detentur jibqa' jilħaq il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 6 u 10.

    Artikolu 15

    Permess ta' residenza maħruġ lil voluntiera

    Permess ta' residenza maħruġ lil voluntiera għandu jkun maħruġ biss għal perijodu ta' mhux iżjed minn sena. F'każijiet eċċezzjonali, jekk it-tul tal-programm rilevanti hu iktar minn sena, it-tul tal-validità tal-permess ta' residenza jista' jikkorrispondi għall-perijodu kkonċernat.

    Artikolu 16

    Irtirar jew nuqqas ta' tiġdid ta' permessi ta' residenza

    1.   Stati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta' residenza maħruġ abbażi ta' din id-Direttiva meta ġie akkwistat b'mod qarrieqi jew kull fejn jidher li d-detentur ma laħaqx jew ma għadux jilħaq il-kondizzjonijiet għad-dħul u r-residenza mniżżla fl-Artikolu 6 u kwalunkwe kondizzjoni fl-Artikoli 7 sa 11 li tapplika għall-kategorija rilevanti.

    2.   Stati Membri jistgħu jirtiraw jew jirrifjutaw li jġeddu permess ta' residenza għal raġunijiet ta' politika pubblika, sigurtà pubblika u saħħa pubblika.

    KAPITOLU IV

    TRATTAMENT TAĊ-ĊITTADINI TA' PAJJIŻI TERZI KONĊERNATI

    Artikolu 17

    Attivitajiet ekonomiċi minn studenti

    1.   Barra mill-ħin ta' studju tagħhom u bla ħsara għar-regoli u l-kondizzjonijiet applikabbli għall-attività rilevanti fl-Istat Membru ospitanti, l-istudenti għandhom ikunu ntitolati li jeżerċitaw attivita ekonomika bħala persuni impjegati u jistgħu jkunu ntitolati jeżerċitaw attività ekonomika bħala persuni li jaħdmu għal rashom. Is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol fl-Istat Membru msemmi tista tittieħed in konsiderazzjoni.

    Fejn jeħtieġ, Stati Membri għandhom jagħtu lill-istudenti u/jew lil dawk li jimpjegaw awtorizzazzjoni minn qabel skond il-leġislazzjoni nazzjonali.

    2.   Kull Stat Membru għandu jiddetermina n-numru massimu ta' sigħat fil-ġimgħa jew ġranet jew xhur fis-sena permessi għal tali attività ekonomika, li m' għandhomx ikunu inqas minn 10 sigħat fil-ġimgħa, jew l-ekwivalenti fi ġranet jew xhur fis-sena.

    3.   Aċċess għal attivitajiet ekonomiċi għall-ewwel sena ta' residenza jistgħu jiġu ristretti mill-Istat Membru li jospita.

    4.   Stati Membri jistgħu jeħtieġu li studenti jirrapportaw, minn qabel jew mod ieħor, lill-awtorità magħżula mill-Istat Membru konċernat, li huma involuti f'attività ekonomika. Min jimpjegahom jista' wkoll ikun soġġett għal obbligu li jirrapporta, minn qabel jew mod ieħor.

    KAPITOLU V

    PROĊEDURA U TRASPARENZA

    Artikolu 18

    Garanziji ta' proċedura u trasparenza

    1.   Deċiżjoni dwar applikazzjoni biex jiġi akkwistat jew mġedded permess ta' residenza għandha tiġi adottata u l-applikant għandu jiġi notifikat biha f'perijodu li ma jfixkilx it-tkomplija ta' l-istudji rilevanti, waqt li jħalli lill-awtoritajiet kompetenti żmien biżżejjed biex jipproċessaw l-applikazzjoni.

    2.   Jekk l-informazzjoni provduta biex tagħti sostenn lill-applikazzjoni ma tkunx xierqa, l-iproċessar ta' l-applikazzjoni jista' jiġi sospiż u l-awtoritajiet kompetenti għandhom jinfurmaw l-applikant liema informazzjoni oħra jeħtieġu.

    3.   Kwalunkwe deċiżjoni li tirrifjuta applikazzjoni għal permess ta' residenza għandha tiġi notifikata liċ-ċittadin ta' pajjiż terz konċernat skond il-proċeduri ta' notifikazzjoni previsti fil-leġislazzjoni nazzjonali rilevanti. In-notifikazzjoni għandha tispeċifika l-proċeduri possibli ta' rimedju disponibbli u l-limitu ta' żmien biex tittieħed l-azzjoni.

    4.   Fejn applikazzjoni tiġi rrifjutata, jew permess ta' residenza, maħruġ b'konformità ma' din id-Direttiva, jiġi rtirat, il-persuna konċernata għandu jkollha d-dritt li tagħmel impunjazzjoni legali quddiem l-awtoritajiet ta' l-Istat Membru konċernat.

    Artikolu 19

    Proċeduri mgħaġġlin għall-ħruġ ta' permessi ta' residenza jew viżi lil studenti u studenti ta' l-iskola

    Ftehim dwar l-istabbiliment ta' proċedura ta' ammissjoni mgħaġġla li tippermetti permessi ta' residenza jew viżi li jiġu maħruġa fl-isem taċ-ċittadin tal-pajjiż terz konċernat jistgħu jiġu konklużi bejn l-awtorità ta' Stat Membru bir-responsabbiltà għad-dħul u residenza ta' studenti jew studenti ta' l-iskola li huma ċittadini ta' pajjiżi terzi u stabbiliment ta' edukazzjoni għolja jew organizzazzjoni li topera skemi ta' skambju ta' studenti li ġiet rikonoxxuta għal dan l-għan mill-Istat Membru kkonċernat skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali u prattika amministrattiva tiegħu.

    Artikolu 20

    Miżati

    Stati Membri jistgħu jitolbu lill-applikanti jħallsu miżati għall-ipproċessar ta' applikazzjonijiet skond din id-Direttiva.

    KAPITOLU VI

    DISPOSIZZJONIJIET FINALI

    Artikolu 21

    Rapporti

    Perjodikament, u għall-ewwel darba mhux iktar tard mit-12 ta' Jannar 2010, il-Kummissjoni għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni ta' din id-Direttiva fl-Istati Membri u tipproponi emendi jekk xieraq.

    Artikolu 22

    Traspożizzjoni

    Stati Membri għandhom idaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, regolamenti u d-disposizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma' din id-Direttiva mhux iktar tard mit-12 ta' Jannar 2007. Għandhom minnufih jinformaw lill-Kummissjoni b'dan.

    Meta Stati Membri jadottaw dawn il-miżuri, dawn għandu jkollhom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza meta jiġu publikati uffiċjalment. Il-metodi ta' kif għandha ssir tali referenza għandhom jiġu stabbiliti mill-Istati Membri.

    Artikolu 23

    Disposizzjonijiet transitorji

    Permezz ta' deroga mid-disposizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu III u għal perijodu sa sentejn wara d-data mniżżla fl-Artikolu 22, l-Istati Membri m' humiex obbligati joħorġu permessi skond din id-Direttiva fil-forma ta' permess ta' residenza.

    Artikolu 24

    Limiti ta' żmien

    Mingħajr preġudizzju għat-tieni subparagrafu ta' l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva2003/109/KE l-Istati Membri m' għandhomx ikunu obbligati jqisu ż-żmien li fih l-istudent, l-istudent ta' l-iskola li qiegħed fil-program ta' skambju, il-persuna li kienet qed titħarreġ mingħajr ħlas jew il-voluntier irrisjeda bħala tali fit-territorju tagħhom bil-għan li jagħtu iktar drittijiet taħt il-liġi nazzjonali liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi konċernati.

    Artikolu 25

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha fil-Ġurnal Uffiċjali ta' l-Unjoni Ewropea.

    Artikolu 26

    Indirizzati

    Din id-Direttiva qed tiġi indirizzata lill-Istati Membri skond it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunita' Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, nhar it-13 ta' Diċembru 2004.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. R. BOT


    (1)  ĠU C 68 E, 18.3.2004, p. 107.

    (2)  ĠU C 133, 6.6.03, p. 29.

    (3)  ĠU C 244, 10.10.2003, p. 5.

    (4)  ĠU L 157, 15.6.2002, p. 1.

    (5)  ĠU L 16, 23.1.2004, p. 44.


    Top