EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62021TN0349

Kawża T-349/21: Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Ġunju 2021 – Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

ĠU C 338, 23.8.2021, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

23.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 338/23


Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Ġunju 2021 – Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-349/21)

(2021/C 338/31)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja (rappreżentanti: J. Möller u R. Kanitz)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/534 tal-24 ta’ Marzu 2021 li tiddetermina, skont l-Artikolu 39(1) tad-Direttiva 2014/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jekk miżura meħuda mill-Ġermanja biex jiġi pprojbit it-tqegħid fis-suq ta’ mudell ta’ lift immanifatturat minn Orona hijiex ġustifikata jew le (1);

tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tal-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

1.

L-ewwel motiv: ksur tat-Taqsima 2.2 tal-Anness I tad-Direttiva 95/16/KE flimkien mal-istandard armonizzat EN 81-1 minħabba interpretazzjoni żbaljata tar-rilevanza tar-rekwiżit tad-distanza vertikali bejn is-saqaf tal-kabina u s-saqaf tax-xaft.

Il-Kummissjoni interpretat b’mod żbaljat ir-rilevanza tad-distanza vertikali bejn is-saqaf tal-kabina u s-saqaf tax-xaft stabbilita fl-istandard armonizzat EN 81-1 fil-verżjoni oriġinali tiegħu u anki enfasizzata fil-verżjoni aġġornata tiegħu (EN 81-20). Qabelxejn, id-deċiżjoni kkontestata essenzjalment tikkalkola b’mod żbaljat id-distanza vertikali minima. Fil-fehma tal-Kummissjoni, għall-evalwazzjoni tar-rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u sigurtà skont id-Direttiva 95/16 ma hijiex id-distanza vertikali li hija deċiżiva iżda l-volum tar-refuġju fuq il-kabina. Barra minn hekk, il-Kummissjoni wettqet żball meta pparagunat ir-rekwiżiti tar-refjuġji u tal-ispazji liberi tas-saqaf ma’ dawk tal-fossa.

2.

It-tieni motiv: ksur tat-Taqsima 2.2 tal-Anness I tad-Direttiva 95/16 flimkien mal-istandard armonizzat EN 81-1 peress li l-Kummissjoni stabbilixxiet b’mod inkorrett ix-xenarji ta’ inċidenti rilevanti għall-evalwazzjoni.

Il-Kummissjoni evalwat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti tat-Taqsima 2.2 tal-Anness I tad-Direttiva 95/16 dwar il-prevenzjoni tar-riskju ta’ tgħaffiġ sempliċement billi rreferiet għan-nuqqas ta’ brejk żejjed bħala xenarju ta’ inċident rilevanti fil-premessa 55 tad-deċiżjoni kkontestata.

3.

It-tielet motiv: konstatazzjonijiet fattwali żbaljati minħabba nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tar-rilevanza tal-ħin neċessarju għat-teħid ta’ pożizzjoni sikura u tar-riskju ta’ moviment ’il fuq mhux ikkontrollat tal-kabina.

Fil-premessi 55 sa 57 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni globali tagħha fuq preżunzjonijiet żbaljati dwar il-perikolu u fuq probabbiltà ta’ moviment ’il fuq mhux ikkontrollat tal-kabina.

4.

Ir-raba’ motiv: konstatazzjoni u evalwazzjoni fattwali żbaljati minħabba rappreżentazzjoni żbaljata li tirriżulta mill-istudju tal-kumpannija Conformance

Il-Kummissjoni bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq paragun globali żbaljat li jirriżulta mill-istudju tal-kumpannija Conformance

5.

Il-ħames motiv: ksur tar-regoli probatorji u tal-Artikolu 5(2) tad-Direttiva 95/16

Fid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ma ħaditx suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-fatt li d-dikjarazzjonijiet ta’ konformità ppreżentati mill-produttur kienu inkompleti f’partijiet essenzjali. Mill-premessi jirriżulta barra minn hekk li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li l-oneru tal-prova jinkombi fuq l-awtorità ta’ sorveljanza tas-suq meta, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ standard, ikun hemm inkwistjoni l-fatt dwar jekk ir-rekwiżiti ta’ sigurtà jkunux issodisfatti b’soluzzjoni alternattiva ekwivalenti.


(1)  ĠU 2021 L 106, p. 60.


Top