EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017TN0420

Kawża T-420/17: Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2017 – Portigon vs SRB

ĠU C 277, 21.8.2017, p. 56–57 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

21.8.2017   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 277/56


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ Lulju 2017 – Portigon vs SRB

(Kawża T-420/17)

(2017/C 277/81)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Portigon AG (Düsseldorf, il-Ġermanja) (rappreżentanti: D. Bliesener u V. Jungkind, avukati)

Konvenut: Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni (SRB)

Talbiet

tannulla d-deċiżjoni tal-konvenut tal-11 ta’ April 2017 dwar il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet ex-ante fil-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni għas-sena 2017 (SRB/ES/SRF/2017/05) sa fejn id-deċiżjoni tikkonċerna lir-rikorrenti; u

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba’ motivi.

1.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-ewwel sat-tielet subparagrafi tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, (1) flimkien mal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (UE) 2015/81 (2) u l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE. (3)

Il-konvenut żbalja meta ssuġġetta lir-rikorrenti għal obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni lill-Fond, peress li kontribuzzjoni mandatorja għall-istituzzjonijiet taħt riżoluzzjoni ma ġietx prevista taħt ir-Regolament (UE) Nru 806/2014 u d-Direttiva 2014/59/UE. L-Artikolu 114 TFUE jipprojbixxi l-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet minn istituzzjonijiet bħar-rikorrenti li qed isolvu l-operazzjonijiet kummerċjali rimanenti. Ir-rekwiżiti għall-adozzjoni ta’ miżuri taħt l-Artikolu 114(1) TFUE, fir-rigward tar-rikorrenti, ma ġewx issodisfatti. Minbarra dan, il-ġbir ta’ kontribuzzjonijiet jikser l-Artikolu 114(2) TFUE.

Il-konvenut żbalja meta ssuġġetta lir-rikorrenti għal obbligu ta’ ħlas ta’ kontribuzzjoni lill-Fond, billi l-istituzzjoni inkwistjoni ma hijiex esposta għal riskji, ir-riżoluzzjoni tagħha fis-sens tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 hija eskluża u l-istituzzjoni ma kellha l-ebda importanza għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. Dan jikser l-Artikolu 103(7)(a), (d) u (g) tad-Direttiva 2014/59/UE.

Sa mill-bidu tal-2012 ir-rikorrenti ma wettqitx operazzjonijiet ġodda u ġiet suġġetta għal stralċ fuq il-bażi ta’ riżoluzzjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna. Hija żżomm il-parti kbira tal-passiv rimanenti tagħha b’titolu fiduċjarju għan-nom ta’ entità ġuridika oħra li aċċettat l-opportunitajiet u r-riskji ta’ din l-attività.

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63 (4) jikser l-Artikolu 114 TFEU u l-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE bħala element essenzjali marbut mal-kalkolu tal-kontribuzzjoni [it-tieni sentenza tal-Artikolu 290(1) TFUE]. Minbarra dan, il-konvenut ma kellux jitħalla jittrasferixxi indikaturi addizzjonali ta’ riskju [Artikolu 290(1) TFUE].

2.

It-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikoli 16 u 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”), għaliex, fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolari tar-rikorrenti meta mqabbla ma’ dik ta’ istituzzjonijiet oħra ta’ kreditu marbuta li jħallsu l-kontribuzzjonijiet, id-deċiżjoni tmur kontra l-prinċipju ġenerali ta’ ugwaljanza. Barra minn hekk, id-deċiżjoni taffettwa b’mod sproporzjonat il-libertà ta’ intrapriża tar-rikorrenti.

3.

It-tielet motiv, imressaq sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 70(2) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 flimkien mal-Artikolu 103(7) tad-Direttiva 2014/59/UE, peress li l-konvenut, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjonijiet, wettaq żball meta naqas milli jeskludi mill-passiv rilevanti għall-finijiet tal-irkupru tal-kontribuzzjonijiet l-attivitajiet fiduċjarji tar-rikorrenti li ġew iddikjarati iżda li huma mingħajr riskju.

4.

Ir-raba’ motiv, imressaq sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 flimkien mal-Artikolu 5(3) u (4) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63, peress li l-konvenut ikkalkola b’mod żbaljat il-kontribuzzjoni tar-rikorrenti abbażi ta’ evalwazzjoni gross fir-rigward tal-kuntratti dderivati tar-rikorrenti.

5.

Il-ħames motiv, imressaq sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 flimkien mal-Artikolu 6(8)(a) tar-Regolament ta’ Delega (UE) 2015/63, għaliex fil-kalkolu tal-ammont tal-kontribuzzjoni, il-konvenut wettaq żball meta qies lir-rikorrenti bħala istituzzjoni f’fażi ta’ ristrutturazzjoni u l-indikatur ta’ riskju fis-sens tal-Artikolu 6(5)(c) tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 2015/63 kellu jassumi l-valur minimu.

6.

Is-sitt motiv, imressaq sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta minħabba l-assenza ta’ opportunità għar-rikorrenti sabiex tinstema’.

7.

Is-seba’ motiv, imressaq sussidjarjament, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 41(1) u (2)(a) tal-Karta peress li d-deċiżjoni naqset milli tagħti motivazzjoni suffiċjenti.


(1)  Regolament (EU) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Lulju 2014, li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU 2014 L 225, p. 1).

(2)  Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/81, tad-19 ta’ Diċembru 2014, li jispeċifika kundizzjonijiet uniformi għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni (ĠU 2015 L 15, p. 1).

(3)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Mejju 2014, li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2014 L 173, p. 190).

(4)  Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/63, tal-21 ta’ Ottubru 2014, li jissupplimenta d-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet ex ante għall-arranġamenti ta’ finanzjament ta’ riżoluzzjoni (ĠU 2015 L 11, p. 44).


Top