Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62017CN0458

    Kawża C-458/17 P: Appell ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2017 minn Rami Makhlouf mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-18 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-410/16 – Rami Makhlouf vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    ĠU C 309, 18.9.2017, p. 31–32 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    18.9.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 309/31


    Appell ippreżentat fil-31 ta’ Lulju 2017 minn Rami Makhlouf mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fit-18 ta’ Mejju 2017 fil-Kawża T-410/16 – Rami Makhlouf vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

    (Kawża C-458/17 P)

    (2017/C 309/42)

    Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

    Partijiet

    Appellant: Rami Makhlouf (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)

    Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea; Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet

    tiddikjara l-appell ineżami ammissibbli u fondat;

    għaldaqstant:

    tannulla s-sentenza tat-18 ta’ Mejju 2017 mogħtija mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża T-410/16, Rami Makhlouf vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, ECL:EU:T:2017:349;

    u, filwaqt li tiddeċiedi permezz ta’ dispożizzjonijiet ġodda:

    tannulla d-Deċiżjoni PESK/2016/850 tas-27 ta’ Mejju 2016 (1) u l-atti sussegwenti li jimplementawha, sa fejn jikkonċernaw lill-appellant;

    tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-kawża.

    Aggravji u argumenti prinċipali

    L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma rrispettatx id-dritt tal-appellant li jinstema’ qabel l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi ġodda, kif irrikonoxxut fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

    It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq distorsjoni tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx l-artikli ppreżentati mill-appellanti insostenn tar-rikors għal annullament tiegħu sabiex juri li huwa ma kienx isostni r-reġim fis-Sirja.

    It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma kkunsidratx li huma illegali d-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 27 u 28 tad-Deċiżjoni 2013/255/PESK (2) li jipprovdu li l-fatt li wieħed ikun jagħmel parti mill-familja Al-Assad jew mill-familja Makhlouf jikkostitwixxi kriterju awtonomu li jiġġustifika l-impożizzjoni ta’ sanzjoni, b’tali mod li fl-istess ħin qalbet l-oneru tal-prova.

    Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-kunċett ta’ “negozjant importanti” kien preċiż biżżejjed sabiex l-appellant jiġi inkluż fil-lista ta’ persuni u ta’ entitajiet koperti mill-miżuri restrittivi u sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ġġustifikatx ir-raġunijiet għaliex fil-fehma tagħha l-appellant kellu xi tip ta’ influwenza fuq ir-reġim fis-Sirja.


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/850, tas-27 ta' Mejju 2016, li temenda d-Deċiżjoni 2013/255/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2016, L 141, p. 125).

    (2)  Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/255/PESK, tal- 31 ta’ Mejju 2013, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja (ĠU 2013, L 147, p. 14).


    Top