Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012TN0450

    Kawża T-450/12: Rikors ippreżentat fil- 11 ta’ Ottubru 2012 — Anagnostakis vs Il-Kummissjoni

    ĠU C 399, 22.12.2012, p. 24–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    22.12.2012   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 399/24


    Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Ottubru 2012 — Anagnostakis vs Il-Kummissjoni

    (Kawża T-450/12)

    2012/C 399/47

    Lingwa tal-kawża: il-Grieg

    Partijiet

    Rikorrent: Alexios Anagnostakis (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: A. Anagnostakis, avukat)

    Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

    Talbiet tar-rikorrent

    tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, tas-6 ta’ Settembru 2012, li tiċħad it-talba għar-reġistrazzjoni tal-inizjattiva taċ-ċittadini intitolata “MILJUN FIRMA GĦAL EWROPA TA’ SOLIDARJETÀ”;

    tordna lill-Kummissjoni tirreġistra l-inizjattiva ċċitata iktar ’il fuq b’osservanza tal-legalità u tordna kull miżura oħra ġuridikament meħtieġa; u

    tikkundanna lill-konvenuta għall-ispejjeż.

    Motivi u argumenti prinċipali

    Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka erba’ motivi.

    (1)

    L-ewwel motiv ibbażat fuq l-Artikolu 122 TFUE.

    Ir-rikorrent isostni li l-Kummissjoni Ewropea ma hijiex iġġustifikata targumenta li ma hijiex kompetenti sabiex tippreżenta proposta intiża għall-adozzjoni ta’ att ġuridiku dwar l-inizjattiva proposta sabiex jiġi adottat ili għandha l-għan li tadotta l-“prinċipju ta’ stat ta’ bżonn”. Skont l-Artikolu 122(1) TFUE (ex Artikolu 100 TKE), il-Kummissjoni tipproponi (u l-Kunsill jiddeċiedi), fi spirtu ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri, dwar miżuri xierqa għas-sitwazzjoni ekonomika. L-integrazzjoni tal-prinċipju ta’ stat ta’ bżonn fit-trattati tal-UE jikkostitwixxi miżura bħal din, l-istess bħall-adozzjoni ta’ miżuri u politiki f’dan is-sens.

    (2)

    It-tieni motiv ibbażat fuq l-Artikolu 136(1) TFUE

    Ir-rikorrent jargumenta li l-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata tikkunsidra, fid-deċiżjoni tagħha, li l-Artikolu 136(1) TFUE jista jservi bħala bażi legali biss jekk il-miżuri jirrigwardaw it-tisħiħ tad-dixxiplina baġitarja u jkunu limitati għal din biss. Skont il-punt (b) tal-istess artikolu, il-miżuri proposti jistgħu jirrigwardaw ukoll l-elaborazzjoni ta’ linji gwida ta’ politika ekonomika għal dak li jikkonċerna l-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-Euro. Il-prinċipju ta’ stat ta’ bżonn jikkostitwixxi tali linji gwida fl-eżerċizzju tal-imsemmija politika.

    (3)

    It-tielet motiv ibbażat fuq l-Artikolu 136(1) TFUE.

    Ir-rikorrent jargumenta li l-Kummissjoni ma hijiex iġġustifikata tikkunsidra, fid-deċiżjoni tagħha, li l-Artikolu 136(1) TFUE ma jawtorizzax lill-Unjoni Ewropea li tissostitwixxi lill-Istati Membri għal dak li jikkonċerna l-eżerċizzju tas-sovranità baġitarja tagħhom u tal-funzjonijiet marbuta mad-dħul u mal-infiq tal-Istat. Il-Kunsill jista’ jadotta, skont il-proċedura prevista fl-Artikoli 121 sa 126 TFUE, miżuri li jikkonċernaw lill-Istati Membri li l-munita tagħhom hija l-Euro. Dan jirriżulta b’mod ċar mill-Artikolu 136(1) TFUE. Dan l-artikolu ma jipprovdi ebda limitazzjoni, fl-applikazzjoni tal-miżuri, li tirriżulta mis-sovranità baġitarja preżunta tal-Istati Membri.

    (4)

    Ir-raba’ motiv ibbażat fuq l-Artikolu 222 TFUE.

    Ir-rikorrent jargumenta li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tmur totalment kontra l-klawżola ta’ solidarjetà fl-Artikolu 222 TFUE.


    Top