EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62010TN0274

Kawża T-274/10: Rikors ippreżentat fit- 22 ta’ Ġunju 2010 — Suez Environnement u Lyonnaise des eaux France vs Il-Kummissjoni

ĠU C 234, 28.8.2010, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

28.8.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 234/43


Rikors ippreżentat fit-22 ta’ Ġunju 2010 — Suez Environnement u Lyonnaise des eaux France vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-274/10)

()

2010/C 234/78

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Suez Environnement u Lyonnaise des eaux France (Pariġi, Franza) (rappreżentanti: P. Zelenko u O. d’Ormesson, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni ta’ spezzjoni kkontestata u/jew il-mandat ta’ spezzjoni tas-6 ta’ April 2010;

tannulla kull azzjoni meħuda li toriġina mill-ispezzjonijiet li saru abbażi ta’ din id-deċiżjoni u tal-mandat irregolari;

tordna, b’mod partikolari, l-għoti lura tad-dokumenti kollha ssekkwestrati fil-kuntest tal-ispezzjonijiet imwettqa, taħt il-piena li l-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni futura tal-Kummissjoni dwar il-mertu, u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

F’din il-kawża r-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2010) 1984/4, tat-23 ta’ Marzu 2010, li tordna lil Suez Environnement, kif ukoll lill-impriżi kollha kkontrollati minnha, inkuża Lyonnaise des eaux France, sabiex jissuġġettaw ruħhom għal spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, meħuda fil-kuntest ta’ proċedura skont l-Artikolu 101 TFUE dwar il-kuntratti għal provvista ta’ servizzi ta’ ilma u ta’ trattament tal-ilma (1).

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti isostnu tliet motivi bbażati fuq:

ksur tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali u, b’mod partikolari, tad-dritt għar-rispett ta’ domiċilju, peress li r-rikorrenti ma ġew innotifikati bl-ebda awtorizzazzjoni ġuridika nazzjonali u għalhekk iċċaħħdu minn kwalunkwe garanzija fundamentali bħall-aċċess għal qorti matul it-twettiq tal-ispezzjonijiet u l-possibbilta li jużaw il-mezzi ta’ rikors ordinarji kontra tali awtorizzazzjoni;

ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha terminu ta’ validita illimitat u peress li għandha kamp ta’ applikazzjoni estremament wiesgħa;

minħabba li l-mandat ta’ spezzjoni li jinsab flimkien mad-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma għandhux garanziji suffiċjenti ta’ imparzjalità u ta’ oġġettività, sa fejn intagħżlu aġenti tal-Kummissjoni li kienu diġà eżaminaw informazzjoni kunfidenzjali trażmessa lill-Kummissjoni mir-rikorrenti Lyonnaise des eaux France fil-kuntest ta’ notifika ta’ konċentrazzjoni.


(1)  Każ COMP/B-1/39.756.


Top