Ovaj je dokument isječak s web-mjesta EUR-Lex
Dokument 62008TN0587
Case T-587/08: Action brought on 31 December 2008 — Fresh Del Monte Produce v Commission
Kawża T-587/08: Rikors ippreżentat fil- 31 ta' Diċembru 2008 — Fresh Del Monte Produce Inc. vs Il-Kummissjoni
Kawża T-587/08: Rikors ippreżentat fil- 31 ta' Diċembru 2008 — Fresh Del Monte Produce Inc. vs Il-Kummissjoni
ĠU C 44, 21.2.2009., str. 66–67
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.2.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 44/66 |
Rikors ippreżentat fil-31 ta' Diċembru 2008 — Fresh Del Monte Produce Inc. vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-587/08)
(2009/C 44/113)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Fresh Del Monte Produce Inc. (George Town, Gżejjer Kajman) (rappreżentanti: B. Meyring, lawyer, u E. Verghese, solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
— |
tannulla l-Artikoli 1, 2, 3 u 4 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5955 finali, tal-15 ta' Ottubru 2008, fil-Każ COMP/39.188 — Banana, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti; |
— |
sussidjarjament, tnaqqas sostanzjalment il-multa imposta fuq ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 2(c) ta' din id-deċiżjoni; |
— |
sussidjarjament, tannulla l-Artikoli 1 u 3 ta' din id-deċiżjoni, sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti; |
— |
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż. |
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament, skont l-Artikolu 230 KE, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2008) 5955 finali, tal-15 ta' Ottubru 2008, fil-Każ COMP/39.188 — Banana, fir-rigward tal-proċedura skont l-Artikolu 81 KE, li ddikjaratha responsabbli in solidum għall-imġiba ta' Internationale Fruchtimport Gesellschaft Weichert & Co. Il-Kummissjoni ddeċidiet li Weichert kisret l-Artikolu 81 KE billi pparteċipat fi prattika miftiehma ta' koordinament ta' prezzijiet ta' referenza tal-banana importata fit-tmien Stati Membri tar-reġjun ta' Fuq Ewropew tal-Komunità. Sussidjarjament, hija titlob li jiġi emendat l-Artikolu 2(c) tad-deċiżjoni inkwantu jimponi multa fuq ir-rikorrenti.
Insostenn tat-talbiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tmien motivi, ippreżentati f'erba' partijiet.
Fl-ewwel parti, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni li ddikjaratha responsabbli in solidum għall-imġiba ta' Weichert.
L-ewwel nett, hija ssostni li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003 (1), meta sabet lir-rikorrenti responsabbli in solidum għall-imġiba ta' Weichet billi bbażat ruħha fuq kuntratt ta' distribuzzjoni u fuq is-sehem indirett f'Weichert bħala soċju akkomandat (Kommanditist), minkejja li l-ebda wieħed minnhom (waħdu jew flimkien) ma kien jagħti lir-rikorrenti influwenza deċiżiva fuq Weichert.
It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 253 KE billi ma tatx raġunijiet għaliex żammet lir-rikorrenti responsabbli, kumpannija li ma kellha l-ebda relazzjoni diretta ma' Weichert.
It-tielet nett, hija ssostni li l-Kummissjoni kisret id-dritt tad-difiża tar-rikorrenti billi rrifjutat li tiżvela provi rilevanti.
Il-motivi sekondarji u sussidjarji ġew invokati mir-rikorrenti insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, inkwantu hija relatata kemm mar-rikorrenti u ma' Weichert. F'din il-parti tar-rikors, ir-rikorrenti tqajjem ir-raba' u l-ħames motivi.
Ir-raba' motiv jirrigwarda l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KE minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kkonkludiet li Weichert kienet ipparteċipat fi prattika miftiehma li kellha bħala għan ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni.
Il-ħames motiv jirrigwarda l-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti inkwantu ma ngħatatx id-dritt li tinstema' minħabba diskrepanza fundamentali, fil-każ tal-Kummissjoni, bejn id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet u d-deċiżjoni.
Fit-tielet parti tar-rikors (ukoll sussidjarjament), ir-rikorrenti tinvoka sottomissjonijiet kawtelatorji insostenn tat-talba tagħha għat-tnaqqis tal-multa imposta in solidum fuqha u fuq Weichert. Din il-parti tinkludi s-sitt u s-seba' motivi.
Fis-sitt motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kkommettiet żball manifest ta' evalwazzjoni meta stabbiliet il-livell tal-multa billi naqset milli tevalwa l-gravità kif suppost.
Is-seba' motiv jirreferi għal ksur tal-Artikolu 23 tar-Regolament Nru 1/2003 u tal-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettativi leġittimi minħabba li l-Kummissjoni ma kkunsidratx il-fatt li Weichert ikkooperat fl-investigazzjoni.
Ir-raba' parti tar-rikors titlob l-annullament tal-Artikoli 1 u 2 tad-deċiżjoni li tirrigwarda r-rikorrenti, abbażi tat-tmien motivi li jiddikjaraw li dawk l-artikoli jinvolvu applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 81 KE, ksur tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 1/2003 u ksur tal-Artikolu 253 KE.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, ĠU L 1, p. 1.