Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013AE7943

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fid-dawl tal-implimentazzjoni sal-2020 ta' ftehim internazzjonali li japplika miżura globali unika bbażata fuq is-suq għal emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali” COM(2013) 722 final – 2013/0344 (COD)

    ĠU C 177, 11.6.2014, p. 88–90 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    11.6.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 177/88


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fid-dawl tal-implimentazzjoni sal-2020 ta' ftehim internazzjonali li japplika miżura globali unika bbażata fuq is-suq għal emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali”

    COM(2013) 722 final – 2013/0344 (COD)

    (2014/C 177/16)

    Relatur Ġenerali: is-Sur SIMONS

    Nhar l-24 ta' Ottubru 2013 u nhar it-18 ta' Novembru 2013, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill rispettivament iddeċidew, b'konformità mal-Artikoli 192(1) u 304 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jikkonsulta lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar

    il-Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2003/87/KE li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità, fid-dawl tal-implimentazzjoni sal-2020 ta' ftehim internazzjonali li japplika miżura globali unika bbażata fuq is-suq għal emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali

    COM(2013) 722 final – 2013/0344 (COD).

    Nhar it-12 ta' Novembru 2013, il-Bureau tal-Kumitat ta istruzzjonijiet lis-Sezzjoni Speċjalizzata għall-Agrikoltura, l-Iżvilupp Rurali u l-Ambjent sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett.

    Minħabba l-urġenza tal-ħidma, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda matul l-495 sessjoni plenarja tiegħu tal-21 u t-22 ta' Jannar 2014 (seduta tat-22 ta' Jannar) li jaħtar lis-Sur Simons bħala relatur ġenerali u adotta din l-Opinjoni b'173 vot favur, 4 voti kontra u 7 astensjonijiet.

    1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

    1.1

    Sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-awtoritajiet nazzjonali, il-Kumitat jirrakkomanda li jiġu adottati l-proposti li d-deċiżjoni li “jitwaqqaf l-arloġġ” tiġi estiża għall-2013 u li l-iskadenza għar-rappurtar u r-restituzzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-2013 tiġi posposta b'sena.

    1.2

    Għandhom jiġu aċċettati wkoll l-eżenzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali ż-żgħar li ftit li xejn jemettu CO2 kif ukoll il-possibbiltà li l-kumpaniji ż-żgħar li mhumiex koperti mill-eżenzjoni jużaw proċeduri amministrattivi ssemplifikati.

    1.3

    Però dan ma japplikax għall-partijiet tal-Proposta li jikkonċernaw it-titjiriet minn u lejn pajjiżi terzi għall-perjodu 2014-2020. Huwa fl-interess tal-partijiet kollha li tiġi evitata gwerra tal-avjazzjoni u/jew tal-kummerċ u għalhekk l-ewwel għandhom jiġu inkoraġġuti n-negozjati biex tinsab soluzzjoni globali.

    1.4

    Peress li t-titjiriet bejn l-ajrudromi fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) ser jibqgħu fl-iskema EU ETS għall-avjazzjoni, il-Kumitat jappella lill-istituzzjonijiet taż-ŻEE biex:

    ilestu minnufih l-“Ajru Uniku Ewropew” bil-għan li jiġu eliminati l-emissjonijiet bla bżonn minħabba d-devjazzjonijiet u d-dewmien permezz tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru (1);

    iwettqu diskussjonijiet multilaterali u bilaterali intensivi bil-għan li fid-dinja jinħolqu aktar sistemi interreġjonali ta' miżuri bbażati fuq is-suq apparti dik taż-ŻEE sal-2016.

    2.   Introduzzjoni

    2.1

    L-emissjonijiet mill-avjazzjoni, għalkemm b'madwar 5 % mit-total huma relattivament baxxi, huma wieħed mis-sorsi ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra li qed jikber l-aktar malajr u f'dawn l-aħħar 20 sena kważi rduppjaw. Il-potenzjal teknoloġiku għat-tnaqqis tal-emissjonijiet huwa wkoll limitat fis-settur tal-avjazzjoni, iżda l-linji tal-ajru fid-dinja kollha jistgħu u jixtiequ jikkontribwixxu, anke permezz ta' miżuri bbażati fuq is-suq (Market-Based Measures – MBMs), għat-tnaqqis tal-emissjonijiet billi jpattu għaż-żieda qawwija tal-emissjonijiet tagħhom permezz tal-finanzjament tat-tnaqqis tal-emissjonijiet f'setturi oħra.

    2.2

    Parzjalment bis-saħħa tal-azzjonijiet tal-UE, fosthom is-sospensjoni – jew kif inhi magħrufa d-deċiżjoni li “jitwaqqaf l-arloġġ” mill-bidu tal-2013 – tad-Direttiva 2008/101/KE (li tinkludi l-attivitajiet tal-avjazzjoni fl-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra) għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru li joperaw titjiriet lejn jew miż-ŻEE, fl-4 ta' Ottubru 2013 l-ICAO ħadet id-deċiżjoni li sal-2016 (meta ser issir il-laqgħa trijennali li jmiss tal-ICAO) tfassal, permezz tal-pjan ta' azzjoni approvat, mekkaniżmu dinji bbażat fuq is-suq għall-emissjonijiet tal-avjazzjoni internazzjonali li, jekk jiġi approvat, ikun japplika mill-2020 'l hemm. Sadanittant, il-pajjiżi jew gruppi ta' pajjiżi, bħall-UE, jistgħu jadottaw miżuri interim, iżda ma ntlaħaqx kompromess dwar kif u x'jista' jsir bl-eżatt.

    2.3

    Dawn l-iżviluppi huma konformi mal-Opinjonijiet preċedenti (2) tal-Kumitat: fl-2006 il-Kumitat qal li sabiex l-iskema tal-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet tiġi applikata fil-livell dinji, jeħtieġ li tiġi introdotta mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO); jekk fin-negozjati tidher li tkun għażla fattibbli, jista' jkun possibbli li tiġi introdotta sistema bħal din għat-traffiku tal-ajru intra-Ewropew, bħala l-ewwel pass prattiku f'din id-direzzjoni; fl-2007 qal li “[l]-integrazzjoni tal-avjazzjoni fis-Sistema Ewropea tal-Iskambju tal-Emissjonijiet (ETS) potenzjalment issaħħaħ din is-sistema u tagħtiha aktar saħħa bħala mudell prinċipali għall-ġlieda kontra l-emissjonijiet tas-CO2 fil-livell globali”; u dan l-aħħar fl-2013 intqal li “[g]ħaldaqstant, il-Kumitat jaqbel mal-inizjattiva, li tipprevedi moratorju fuq l-applikazzjoni tas-sistema ETS fil-kumpaniji tal-avjazzjoni, kemm fid-dħul u fil-ħruġ miż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), sakemm jintemmu n-negozjati globali.”

    3.   Sinteżi tal-proposta tal-Kummissjoni

    3.1

    Fid-dawl tar-riżultati tal-Assemblea tal-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) li saret mill-24 ta' Settembru sal-4 ta' Ottubru 2013, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi li l-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tal-iskema tal-UE għall-iskambju tal-kwoti tal-emissjonijiet (ETS) tiġi aġġustata għall-avjazzjoni sa ma tiġi introdotta sistema ta' skambju fuq livell dinji.

    3.2

    L-għan tal-Proposta tal-Kummissjoni hu li tkompli tagħti spinta lill-iżvilupp ta' sistema fuq livell dinji. Il-Proposta ma tagħmilx distinzjoni bejn il-kumpaniji abbażi tan-nazzjonalità.

    3.3

    Oriġinarjament l-iskema EU ETS għall-avjazzjoni kienet tapplika għad-distanza kollha koperta mit-titjiriet minn u lejn l-ajruporti fiż-ŻEE, inklużi t-titjiriet minn u lejn pajjiżi terzi. Fl-2012, b'konformità mad-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE (magħrufa bħala d-deċiżjoni li “jitwaqqaf l-arloġġ”), b'mod temporanju l-iskema kienet tapplika biss għat-titjiriet fiż-ŻEE u mhux għat-titjiriet minn u lejn pajjiżi terzi.

    3.4

    Il-Kummissjoni tipproponi li dan il-kamp ta' applikazzjoni jkun jgħodd ukoll għall-2013. Tipproponi wkoll li l-iskadenza tal-linji tal-ajru għar-rappurtar u r-restituzzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-2013 tiġi posposta b'sena.

    3.5

    Il-kamp ta' applikazzjoni propost għas-snin 2014 sa 2020, flimkien mal-kamp ta' applikazzjoni għall-2013, ikopri wkoll it-titjiriet minn u lejn pajjiżi barra ż-ŻEE li jgħaddu minn fuq it-territorju tal-pajjiżi taż-ŻEE. Il-Proposta tiddeskrivi kif dan jista' jitwettaq fil-prattika.

    3.6

    Din il-Proposta għandha wkoll it-tliet konsegwenzi li ġejjin:

    it-titjiriet bejn ajrudromi fiż-ŻEE jibqgħu koperti b'mod sħiħ, kif kien il-każ fid-Direttiva oriġinali u d-Deċiżjoni Nru 377/2013/UE;

    it-titjiriet lejn u minn pajjiżi terzi li mhumiex pajjiżi żviluppati u li jkollhom emissjonijiet ta' inqas minn 1 % tal-emissjonijiet tal-avjazzjoni globali jiġu eżentati. Dan jeskludi r-rotot lejn madwar 80 pajjiż fuq bażi mhux diskriminatorja;

    mill-2014, it-titjiriet lejn u minn pajjiżi terzi jkunu responsabbli għall-emissjonijiet li jsiru mhux lil hinn mill-pajjiżi taż-ŻEE. Ġiet proposta proċedura ssemplifikata sabiex jiġi ddeterminat il-proporzjon ta' emissjonijiet ta' titjira speċifika li tkun koperta mill-ETS. Ġie propost ukoll li l-operaturi jkunu jistgħu jagħżlu bejn approċċi metodoloġiċi differenti tal-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika (MRV) sabiex ikun hemm konformità.

    3.7

    Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tipproponi li l-operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali ż-żgħar li ftit li xejn jemettu CO2 jiġu eżentati mill-iskema UE ETS għall-avjazzjoni. Il-kumpaniji ż-żgħar li mhumiex koperti mill-eżenzjoni huma offruti l-possibbiltà li jużaw proċeduri amministrattivi ssemplifikati.

    4.   Kummenti ġenerali

    4.1

    Skont id-deċiżjoni li “jitwaqqaf l-arloġġ”, b'mod temporanju l-iskema UE ETS għall-avjazzjoni tapplika biss għat-titjiriet fiż-ŻEE u mhux għat-titjiriet minn u lejn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni tipproponi li dan il-kamp ta' applikazzjoni jkun jgħodd ukoll għall-2013. Tipproponi wkoll li l-iskadenza tal-linji tal-ajru għar-rappurtar u r-restituzzjoni tal-kwoti tal-emissjonijiet tal-2013 tiġi posposta b'sena. Il-Kumitat jemmen li sabiex tiġi żgurata ċ-ċertezza legali għall-operaturi tal-inġenji tal-ajru u għall-awtoritajiet nazzjonali, dawn il-proposti huma tajbin ħafna u għalhekk jissuġġerixxi li jiġu adottati.

    4.2

    Peress li t-titjiriet bejn l-ajrudromi fiż-ŻEE ser jibqgħu fl-iskema UE ETS għall-avjazzjoni, il-Kumitat jappella lill-istituzzjonijiet tal-UE u taż-ŻEE biex ilestu minnufih l-Ajru Uniku Ewropew (3) bil-għan li ma jkunx hemm aktar emissjonijiet bla bżonn minħabba d-devjazzjonijiet u d-dewmien permezz tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru.

    4.3

    Il-Kumitat huwa sodisfatt ħafna bl-eżenzjoni tal-operaturi tal-inġenji tal-ajru mhux kummerċjali ż-żgħar li ftit li xejn jemettu CO2 kif ukoll bil-possibbiltà li l-kumpaniji ż-żgħar li mhumiex koperti mill-eżenzjoni jużaw proċeduri amministrattivi ssemplifikati.

    4.4

    Però dan ma japplikax għall-partijiet tal-Proposta li jikkonċernaw it-titjiriet minn u lejn pajjiżi terzi għall-perjodu 2014-2020. Huwa fl-interess tal-partijiet kollha li tiġi evitata gwerra tal-avjazzjoni u/jew tal-kummerċ u għalhekk l-ewwel għandhom jiġu inkoraġġuti n-negozjati biex tinsab soluzzjoni globali.

    4.4.1

    L-informazzjoni ppreżentata fil-valutazzjoni tal-impatt dwar id-diskussjonijiet li saru fl-2013 fl-ICAO turi li, fid-dawl tar-relazzjonijiet u l-pożizzjonijiet attwali, l-azzjoni li tittieħed għandha tkun kawta ħafna sabiex fl-2016 jinkiseb ir-riżultat mixtieq fuq livell dinji. Qatt ma konna daqshekk qrib li niksbu l-objettiv, iżda bir-rekord storiku tad-dewmien is-suċċess ma jistax jiġi garantit!

    4.4.2

    Li lill-pajjiżi terzi f'daqqa waħda naqbdu u ngħidulhom – għax fil-fatt hekk ikun qed isir b'azzjoni unilaterali tal-UE f'każ li din il-parti tal-Proposta tiġi adottat – li l-linji tal-ajru tagħhom iridu jħallsu għall-emissjonijiet tas-CO2 tagħhom fl-ajru taż-ŻEE huwa diffikultuż u għandu jitqies biss wara li jsiru negozjati bilaterali u/jew multilaterali b'konformità mal-Artikolu 16 a) tar-Riżoluzzjoni tal-ICAO, sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' gwerra tal-avjazzjoni/tal-kummerċ.

    4.4.3

    Minkejja li legalment iż-ŻEE għandha d-dritt tapplika il-proposti, l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti għandha d-dritt ukoll li, abbażi tal-Emissions Trading Scheme Prohibition Act (“Thune Bill”), tipprojbixxi lil-linji tal-ajru rreġistrati fl-Amerika milli jagħmlu parti mill-iskema UE ETS, biex ma ngħidu xejn dwar ir-reazzjonijiet taċ-Ċina u l-Indja fid-dawl tal-oppożizzjoni tagħhom għar-riżoluzzjoni tal-ICAO tal-4 ta' Ottubru 2013. Madankollu, f'dan l-istadju m'hemmx bżonn li jinbidel il-kontenut tal-Proposta tal-Kummissjoni.

    5.   Kummenti speċifiċi

    5.1

    Jidher li fl-Anness I (il-Glossarju tal-valutazzjoni tal-impatt, SWD(2013) 430 final, p. 51, disponibbli bl-Ingliż) inqalbu d-defizzjonijiet ta' “extra-EEA flights” u “intra-EEA flights”.

    Brussell, 22 ta' Jannar 2014

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Henri MALOSSE


    (1)  KE/549/2004.

    KE/1070/2009.

    (2)  ĠU C 185, 8.8.2006, p. 97 (mhux disponibbli bil-Malti); ĠU C 175, 27.7.2007, p. 47ĠU C 133, 9.5.2013, pp. 30-32.

    (3)  KE/549/2004.

    KE/1070/2009.


    Top