Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52009XC0331(06)

    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    ĠU C 75, 31.3.2009, p. 41–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    31.3.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 75/41


    Pubblikazzjoni ta' applikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 dwar il-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi u d-denominazzjonijiet tal-oriġini għall-prodotti agrikoli u l-oġġetti tal-ikel

    (2009/C 75/15)

    Din il-pubblikazzjoni tikkonferixxi d-dritt għal oġġezzjoni għall-applikazzjoni skond l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 510/2006 (1). Id-dikjarazzjonijiet ta' oġġezzjoni għandhom jaslu l-Kummissjoni fi żmien sitt xhur mid-data ta' din il-pubblikazzjoni.

    SINTEŻI

    IR-REGOLAMENT TAL-KUNSILL (KE) Nru 510/2006

    “SOBAO PASIEGO”

    Nru tal-KE: ES-PGI-005-0478-28.06.2005

    DPO ( ) IĠP ( X )

    Din is-sinteżi tagħti l-elementi ewlenin tal-ispeċifikazzjoni tal-prodott għal għanijiet informattivi biss.

    1.   Dipartiment responsabbli fl-Istat Membru:

    Isem:

    Subdirección General de Calidad Diferenciada y Agricultura Ecológica, Dirección General de Industria y Mercados Alimentarios, Ministerio de Medio Ambiente y Medio Rural y Marino — España

    Indirizz:

    Paseo de la Infanta Isabel, no 1

    28071 — Madrid

    ESPAÑA

    Tel.

    +34 913475394

    Feks

    +34 913475410

    Posta elettronika:

    2.   Grupp:

    Isem:

    Asociación de Fabricantes de Sobaos Pasiegos y Quesadas de Cantabria

    Indirizz:

    C/ Augusto González de Linares, 8 — bajo

    39006- Santander

    ESPAÑA

    Tel.

    +34 942290572

    Feks

    +34 942290573

    Posta elettronika:

    afasque@viaflavia.com

    Kompożizzjoni:

    Produtturi/proċessuri ( X ) Oħrajn ( )

    Produtturi ta' sobaos u quesadas.

    3.   Tip ta' prodott:

    Klassi 2.4: Ħobż, għaġina, kejkijiet, ħelu jew gallettini.

    4.   Speċifikazzjoni tal-prodott:

    (Sinteżi tar-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (KE) Nru 510/2006)

    4.1.   Isem il-prodott

    “Sobao Pasiego”

    4.2.   Deskrizzjoni

    Is-“Sobao Pasiego” isir minn għaġina ta' dqiq tal-qamħ, butir, zokkor, bajd u għadd ta' ingredjenti u addittivi minuri. Għandu l-karatteristiċi li ġejjin:

    Karatteristiċi tekniċi:

    (a)

    Organolettiċi: frak lewn isfar karg, b'wiċċ lewn mixwi, konsistenza sfiqa bħal ta' sponża, togħma ħelwa, b'riħa spikkata ta' butir.

    (b)

    Morfoloġiċi: Il-piż tas-sobao ivarja skont id-daqs:

    kbir, b'piż ta' bejn 130 u 180 g; medju, ta' bejn 40 u 80 g; u żgħir, ta' bejn 20 u 40 g.

    (c)

    Preżentazzjoni: Is-“Sobao Pasiego” jiġi ppreżentat f'qoxra tal-karta rettangolari, bix-xfar mitwija 'l fuq f'forma ta' gwinħajn.

    Karatteristiċi fiżiċi u kimiċi:

    Il-valuri korrispondenti għandhom ikunu fl-intervalli li ġejjin:

    Umdità (15 % -20 %), proteini (4 % jew aktar), kontenut tax-xaħam bl-idroliżi tal-aċidu (24 % -32 %), glukożju (45 % jew aktar), irmied (sa 1,70 %), attività tal-ilma (0,7 % - 0,9 %).

    Karatteristiċi mikrobijoloġiċi: Il-prodott għandu jkun konformi mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni teknika tas-saħħa.

    4.3.   Żona ġeografika

    Iż-żona ġeografika tkopri l-muniċipalitajiet li ġejjin tar-reġjun ta' Cantabria: Anievas, Arenas de Iguña, Astillero (El), Bárcena de Pie de Concha, Camargo, Cartes, Castañeda, Cieza, Corrales de Buelna (Los), Corvera de Toranzo, Entrambasaguas, Liérganes, Luena, Marina de Cudeyo, Medio Cudeyo, Miengo, Miera, Molledo, Penagos, Piélagos, Polanco, Puente Viesgo, Reocín, Ribamontán al Mar, Ribamontán al Monte, Riotuerto, San Felices de Buelna, San Pedro del Romeral, San Roque de Riomiera, Santa Cruz de Bezana, Santa María de Cayón, Santander, Santillana del Mar, Santiurde de Toranzo, Saro, Selaya, Suances, Torrelavega, Vega de Pas, Villacarriedo, Villaescusa, Villafufre.

    4.4.   Prova tal-oriġini

    Il-fatturi li jixhdu li s-sobaos ikunu ġew prodotti fiż-żona ġeografika delimitata huma dawn li ġejjin:

    Il-karatteristiċi tas-sobao: Is-“Sobao Pasiego” għandu karatteristiċi speċifiċi, kif imfissrin fit-taqsimiet 4.2 u 4.5, bis-saħħa tal-kundizzjonijiet partikulari tal-produzzjoni tiegħu.

    It-traċċabbiltà tas-sobao, u b'hekk l-oriġini tiegħu, jiġu garantiti permezz ta' kontrolli.

    Aspetti li għandhom jitqiesu:

    Is-sobaos għandhom jiġu prodotti u ppakkjati esklussivament fl-impriżi mniżżlin fir-Reġistru tal-Furnara (Registro de Obradores) tal-Indikazzjoni Ġeografika Protetta.

    Il-furnara għandhom ikunu soġġetti għal spezzjoni inizjali qabel ma jiġu rreġistrati, u wara dan għandhom isiru spezzjonijiet regolari sabiex jibqgħu mniżżla fir-reġistru.

    Is-sobaos għandhom isiru skont il-metodu deskritt fit-taqsima 4.5.

    Is-sobaos jistgħu jitqiegħdu fis-suq bil-garanzija tal-oriġini biss jekk ikunu għaddew mill-kontrolli kollha, b'tikketta jew kontrattikketta nnumerata.

    L-Organu ta' Spezzjoni għandu jwettaq kontrolli u evalwazzjonijiet regolari tal-proċess ta' produzzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-prodott.

    Jekk jinstab xi nuqqas ta' konformità, għandhom japplikaw is-sanzjonijiet ipprovduti fir-regolamentazzjoni korrispondenti.

    L-ittestjar tal-prodott għandu jinvolvi l-analiżi fiżika u kimika, organolettika u mikrobijoloġika.

    Ladarba jkunu saru l-kontrolli u l-evalwazzjonijiet kollha rilevanti, l-Organu ta' Spezzjoni indikata fit-taqsima 4.7 jawtorizza l-użu tat-tikketti jew tal-kontratikketti nnumerati, sabiex tiġi żgurata t-traċċabbiltà tal-prodott.

    4.5.   Metodu ta' produzzjoni

    1.

    Is-Sobao Pasiego jsir mill-ingredjenti li ġejjin: butir (26 % ± 3), zokkor (26 % ± 4) (sukkrożju), bajd frisk (19 % ± 6), dqiq tal-qamħ (26 % ± 4). Ingredjenti minuri: destrożju, glukożju u melħ (0,3 % ± 0,3); jistgħu jiżdiedu wkoll qoxra maħkuka tal-lumi, maskta u rumm.

    2.

    Addittivi. Huwa permess l-użu tal-addittivi li ġejjin:

    Aġent levitanti: (1,5 % ± 1,5); priżervattiv: sorbat tal-potassju, f'dożi massima ta' 1,5 g għal kull kg ta' għaġina; aroma tal-butir u aġent umidifikanti.

    Il-produzzjoni tas-sobaos issegwi l-passi li ġejjin:

    1.

    tlestija tat-taħlita,

    2.

    tqegħid f'lottijiet,

    3.

    ħami,

    4.

    tberrid,

    5.

    ippakkjar: il-prodott jinġabar mingħand il-furnara u jinġarr f'imballaġġ xieraq u bit-tikketti xierqa,

    6.

    żamma: il-prodott m'għandux jinżamm fil-friża.

    4.6.   Rabta

    Rabtiet storiċi

    Skont diversi awturi (García Lomas u Vega Ruiz), is-sobao kien kejk li kien isir fil-qedem, minn għaġina tal-ħobż (biex jintużaw il-fdalijiet), zokkor u butir. Is-sobao antik ittejjeb biż-żieda ta' bajd, qoxra maħkuka tal-lumi, u maskta jew rum.

    Il-bidla l-kbira fil-metodu ta' produzzjoni tas-sobao waslet meta l-għaġina tal-ħobż ħadilha postha d-dqiq tal-qamħ ta' kwalità għolja, flimkien ma' bidliet fil-kwantitajiet tal-ingredjenti użati. Fil-ktieb tiegħi Los Pasiegos (1986), García Lomas jattribwixxi l-invenzjoni ta' dan is-sobao modern lill-koka Eusebia Hernández Martín, abbażi ta' ittra miktuba minn binha li tinkludi t-tagħrif li ġej: “M'hemmx xi ngħidu, jiena kont naf illi ommi, Alla jagħtiha l-mistrieħ ta' dejjem, kienet ivvintat is-sobao tal-lum, jiġifieri dak magħmul mid-dqiq flok mill-għaġina tal-ħobż. Kien fis-sena 1896, l-istess sena li fiha żżewġet lil missieri Joaquín Laso; dik il-ħabta kellha 19-il sena u mietet f'Vega ta' 25, jiġifieri fl-1902, u ħalliet warajha tliet subien u tifla. Jien il-kbir, imwieled fl-1897.”

    Fl-aħħar, jaqbel li nindikaw li fi studju tal-1946 dwar il-kliem użat fil-widien l-għoljin tal-provinċja ta' Santander iżda mhux miġbur fid-Diccionario de la Lengua Española, J. Calderón Escalada jinkludi t-terminu Sobau, u jfissru kif ġej: “Kejk magħmul mid-dqiq, bajd, zokkor u butir, moħmi fil-forn ġo karta mitwija b'mod speċjali, li l-għarusa tagħti lill-ħbiebha nisa bħala rigal f'jum it-tieġ”.

    Reputazzjoni attwali: Il-Gran Enciclopedia de Cantabria ssemmi s-sobao bħala prodott “li jmur lura tal-anqas seklu, u li jgawdi minn popolarità liema bħala”.

    L-Inventario Español de Productos Tradicionales, editjat mill-Ministeru Spanjol tal-Agrikoltura, is-Sajd u l-Ikel, isemmi s-“Sobao Pasiego” bħala “Wieħed mill-aktar prodotti rappreżentattivi tal-Cantabria, bl-oriġini tiegħu f'Vega de Pas, magħruf sew ma' Spanja kollha”.

    Rabtiet umani

    Bis-saħħa tal-ħiliet u tal-professjonalità tagħhom, l-artiġjani għarfu jżommu tul is-snin il-karattru distintiv tas-“Sobao Pasiego” mat-territorju kollu.

    Is-sobao huwa simbolu taż-żwieġ bejn il-qamħ u l-butir, il-bajd u z-zokkor, biex flimkien jipproduċu ħelu li jirrifletti l-aspetti kollha tal-kultura tar-reġjun, speċjalment fir-rigward tat-togħma partikulari tal-butir.

    Rabta bejn iż-żona ġeografika u l-karatteristiċi u r-reputazzjoni tal-prodott

    Ir-rabta bejn is-“Sobao Pasiego” u ż-żona ġeografika tal-produzzjoni tissejjes speċjalment fuq ir-reputazzjoni u l-karatteristiċi deskritti fit-taqsima 4.2, li min-naħa tagħhom jitnisslu mill-metodu ta' produzzjoni tradizzjonali.

    Is-“Sobao Pasiego” huwa prodott tipiku tar-reġjun ta' Pasiego, kif jixhdu r-referenzi kollha msemmija aktar 'il fuq. Huma l-aspetti umani li kkontribwew l-aktar matul is-snin biex il-prodott kiseb il-popularità tiegħu, reputazzjoni li ilha tikber u tintiret minn ġidd għal ġidd, u għarfien prattiku li jifforma parti mill-wirt tar-reġjun ta' Pasiego, tant li l-prodott iġib ismu u jintgħaraf bih.

    Il-popularità u r-reputazzjoni tas-“Sobao Pasiego” wasslu biex prodott li għal għexieren ta' snin kien isir skont drawwa tad-dar, fi ġranet speċifiċi tas-sena bħala ċelebrazzjoni ta' ċerti okkażjonijiet (tiġien, festi, swieq, eċċ.), maż-żmien inbidel f'waħda mis-sisien tal-ekonomija lokali, li tipproduċi aktar minn 90 % tas-sobaos fir-reġjun kollu.

    It-twessigħ tal-produzzjoni, u permezz tiegħu ż-żieda qawwija fir-rikonoxximent tas-“Sobao Pasiego”, saru mit-tieni nofs tas-seklu li għadda 'l quddiem, mindu l-produtturi bdew ifittxu lil hinn miż-żona immedjata ta' madwar Vega de Pas lejn kanali tal-komunikazzjoni aktar żviluppati, bil-għan li titjieb il-kummerċjalizzazzjoni, filwaqt li mxew aktar lejn ċentri kbar ta' populazzjoni sabiex ibigħu aktar il-prodott u jittrasportawh sa nħawi oħra tar-reġjun.

    Barra minn hekk, ir-reġjun ta' Pasiego huwa tradizzjonalment magħruf għall-prodotti mill-ħalib tiegħu (ġobnijiet, ġelati, butir eċċ.), bis-saħħa tal-kundizzjonijiet agrikoli u klimatiċi favorevoli ħafna għall-produzzjoni tal-ħalib. Il-butir huwa sewwasew wieħed mill-ingredjenti fundamentali tas-“Sobao Pasiego”, u dak li jikkontribwixxi l-aktar għall-karattru speċifiku tiegħu li jiddistingwih minn prodotti tal-ħelu simili, magħmula minn xaħmijiet oħra bħall-marġerin. Dan juri kontribut ieħor taż-żona ġeografika lejn ir-reputazzjoni u l-karattru speċifiku tas-“Sobao Pasiego”.

    Ir-reputazzjoni wiesgħa u mill-aktar pożittiva tas-“Sobao Pasiego” ntweriet fi studju reċenti bejn il-konsumaturi ta' diversi żoni ta' Spanja. Dan l-istudju jikkonkludi li disa' minn kull għaxar persuni intervistati jafu bil-prodott, li minnhom 73 % ħassew li għandu reputazzjoni tajba. Barra minn hekk, instab ukoll livell għoli ta' nies li kienu konxji tal-oriġini tal-prodott, b'80 % jindikaw il-Cantabria, u minkejja ċ-ċkunija tiegħu, 35 % semmew ir-reġjun ta' Pasiego nnifsu.

    4.7.   Organu ta' spezzjoni

    Isem:

    Oficina de Calidad Alimentaria de Cantabria (ODECA)

    Indirizz:

    C/Héroes del 2 de Mayo, 27

    39600 Muriedas (Cantabria)

    ESPAÑA

    Tel.

    +34 942 26 98 55

    Feks

    +34 942 26 98 56

    Posta elettronika:

    odeca@odeca.es

    Natura u karatteristiċi:

    4.8.   Tikkettar

    Minbarra l-indikazzjonijiet obbligatorji stipulati fir-regolamentazzjoni ġenerali, għandhom jidhru l-indikazzjonijiet li ġejjin:

    Isem l-Indikazzjoni Ġeografika: “Sobao Pasiego”.

    It-tismija “Indikazzjoni Ġeografika Protetta” jew “IĠP”.

    Dawn l-indikazzjonijiet għandhom jidhru b'mod li jinqraw kollha mad-daqqa t'għajn, għandhom ikunu leġibbli u ma jitħassrux, u għandhom jidhru ikbar mill-bqija tal-indikazzjonijiet li jidhru fuq it-tikketta.

    Fuq l-istess tikketta jew kontratikketta, għandhom jidhru wkoll, bl-awtorizzazzjoni tal-Organu ta' Spezzjoni u b'mod li ma jaħbux it-tikketta rikjesta mir-regolamentazzjoni ġenerali:

    Il-logo li jidentifika l-Indikazzjoni Ġeografika.

    In-numru ta' kontroll maħruġ mill-Organu ta' Spezzjoni.

    In-numru tal-Organu ta' Spezzjoni.


    (1)  ĠU L 93, 31.3.2006, p. 12.


    Top