Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0985

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/985 tat-22 ta’ Ġunju 2022 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fl-Iżrael skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2022/4306

ĠU L 167, 24.6.2022, pp. 108–110 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/985/oj

24.6.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 167/108


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/985

tat-22 ta’ Ġunju 2022

dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fl-Iżrael skont ir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent ta’ kontropartijiet ċentrali (central counterparties, “CCPs”) stabbiliti f’pajjiżi terzi, stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f’pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dak ir-Regolament, li jipprovdu servizzi ta’ kklirjar lill-membri tal-ikklirjar jew liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta’ rikonoxximent u d-deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza previsti fiha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta’ CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż fejn dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f’pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta’ pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta’ CCPs, l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli jenħtieġ li jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-għan ta’ tali valutazzjoni tal-ekwivalenza huwa għalhekk li jiġi vverifikat jekk l-arranġamenti legali u superviżorji tal-pajjiż terz ikkonċernat jiżgurawx li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemmhekk ma jesponux lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta’ riskju milli dawn tal-aħħar jistgħu jkunu esposti għalih mis-CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, konsegwentement, ma joħolqux livelli inaċċettabbli ta’ riskju sistemiku fl-Unjoni.

(3)

Il-valutazzjoni ta’ jekk l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżrael humiex ekwivalenti għal dawk tal-Unjoni jenħtieġ li tkun ibbażata mhux biss fuq analiżi komparattiva tar-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs fl-Iżrael, iżda wkoll fuq valutazzjoni tal-eżitu ta’ dawk ir-rekwiżiti. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta wkoll l-adegwatezza ta’ dawk ir-rekwiżiti biex ittaffi r-riskji li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jistgħu jkunu esposti għalihom, filwaqt li tqis id-daqs tas-suq finanzjarju li fih joperaw is-CCPs fl-Iżrael. Sabiex jinkiseb eżitu ekwivalenti ta’ mitigazzjoni tar-riskju, rekwiżiti ta’ mitigazzjoni tar-riskju aktar stretti huma neċessarji għas-CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji ikbar li għandhom livell ta’ riskju inerenti ogħla, minn dawk ta’ CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji iżgħar li għandhom livell ta’ riskju inerenti iktar baxx.

(4)

L-Artikolu 25(6), il-punti (a), (b) u (c), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 jistipula tliet kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfati sabiex jiġi ddeterminat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta’ pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati fih huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f’dak ir-Regolament.

(5)

Skont l-Artikolu 25(6), il-punt (a), is-CCPs awtorizzati f’pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV ta dak ir-Regolament.

(6)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs awtorizzati fl-Iżrael jikkonsistu fil-Liġi dwar it-Titoli 5728–1968 (2) (“SL”), b’mod partikolari t-Taqsimiet 50 A, 50B, 50B19 u 50C tagħha. Il-liġi dwar it-Titoli tapplika t-Taqsima 10 tal-Liġi dwar is-Sistemi ta’ Ħlas 5768–2008 (3) (“PSL”), li tiddetermina l-kriterji għat-twettiq tas-superviżjoni tal-kmamar tal-ikklirjar stabbiliti fl-Iżrael (li jiżguraw kmamar tal-ikklerjar stabbli u effiċjenti) mill-Israel Securities Authority (“ISA”). Dak il-qafas legali huwa ssupplimentat mis-sett ta’ direttivi mogħtija mill-ISA lis-CCPs stabbiliti fl-Iżrael. Id-direttivi SL, PSL u ISA jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards internazzjonali stabbiliti skont il-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju (Principles for financial market infrastructures, PFMIs) maħruġa f’April 2012 mill-Kumitat dwar l-Infrastrutturi tal-Pagamenti u tas-Swieq (Committee on Payments and Market Infrastructures, CPMI) u mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (International Organization of Securities Commissions, IOSCO) (4).

(7)

Is-CCPs stabbiliti fl-Iżrael għandhom ikunu awtorizzati mill-Ministru tal-Finanzi Iżraeljan wara konsultazzjoni mal-ISA u wara l-approvazzjoni tal-Kumitat tal-Finanzi tal-Knesset. Sabiex jipprovdu servizzi tal-ikklerjar, is-CCPs huma meħtieġa jissodisfaw id-dispożizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fis-SL u jkollhom regoli u proċeduri interni fis-seħħ li b’mod partikolari jiżguraw il-konformità mal-istandards rilevanti kollha tal-PFMIs. B’mod partikolari, is-CCPs stabbiliti fl-Iżrael għandhom joperaw b’mod sikur u effettiv u jimmaniġġjaw b’mod prudenti r-riskji assoċjati man-negozju u l-operazzjonijiet tagħhom. Skont l-istruzzjonijiet tal-ISA fil-15 ta’ Diċembru 2015 f’direttiva lis-CCPs awtorizzati fl-Iżrael, is-CCPs huma meħtieġa wkoll li jkollhom biżżejjed riżorsi finanzjarji, umani, tal-ġestjoni tar-riskju, tat-teknoloġija tal-informazzjoni, tas-sistemi u tal-infrastruttura biex iwettqu l-funzjoni tagħhom bħala CCP. Barra minn hekk, kull CCP awtorizzata fl-Iżrael hija responsabbli għall-formulazzjoni tar-regoli interni tagħha ħlief għal bidla fir-regoli dwar is-sħubija li teħtieġ l-approvazzjoni formali tal-ISA skont it-Taqsima 50B (a) (1) tas-SL. Minkejja dik id-dispożizzjoni, l-ISA tista’, skont it-Taqsima 50C (b) tas-SL, tordna bidliet fir-regoli ta’ CCP awtorizzata fl-Iżrael jekk dawk ir-regoli ma jikkonformawx mal-qafas legali Iżraeljan għas-CCPs u mal-PFMIs.

(8)

Is-suq finanzjarju Iżraeljan huwa ferm iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni. B’mod partikolari, mill-2015 il-valur totali tat-tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati fl-Iżrael irrappreżenta inqas minn 1 % tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet ikklerjati fl-Unjoni. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tas-CCPs awtorizzati fl-Iżrael tesponi lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal riskji ferm iktar baxxi mill-parteċipazzjoni tagħhom f’CCPs awtorizzati fl-Unjoni.

(9)

Il-Kummissjoni għalhekk tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżrael jiżguraw li s-CCPs awtorizzati mill-Iżrael jikkonformaw ma’ rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(10)

L-Artikolu 25(6), il-punt (b), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, jimponi li l-arranġamenti legali u superviżorji fir-rigward tas-CCPs awtorizzati f’pajjiż terz jipprevedu superviżjoni u infurzar effettivi tas-CCPs fuq bażi kontinwa.

(11)

Skont it-Taqsima 50C tas-SL, l-ISA għandha s-setgħa li tissorvelja l-operazzjonijiet tas-CCPs awtorizzati fl-Iżrael. L-objettivi tas-superviżjoni tal-ISA jikkonsistu fl-iżgurar tal-istabbiltà u l-effiċjenza tas-CCPs u l-kontroll tal-konformità tas-CCPs Iżraeljani mal-obbligi tagħhom. Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet mit-Taqsima 10 tal-PSL, it-Taqsimiet 56 A u 50C(d) tal-SL jissupplimentaw is-sett ta’ setgħat mogħtija lill-ISA li tista’ tivverifika CCP, twettaq spezzjonijiet fuq il-post, u tirrikjedi dokumenti li jagħtu prova tal-implimentazzjoni adegwata tar-rekwiżiti legalment vinkolanti għas-CCPs awtorizzati fl-Iżrael. L-ISA tista’ jimponi regoli interni fuq is-CCPs stabbiliti jekk ikun hemm suspett ta’ ksur kif stabbilit fit-Taqsima 50C (b) tas-SL.

(12)

Il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji fir-rigward ta’ CCPs awtorizzati fl-Iżrael jipprovdu għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(13)

Skont l-Artikolu 25(6), il-punt (c), tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, il-qafas legali ta’ pajjiż terz għandu jipprovdi għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta’ CCPs awtorizzati taħt reġimi legali ta’ pajjiżi terzi (‘CCPs ta’ pajjiżi terzi’).

(14)

CCPs mhux Iżraeljani li jixtiequ jikklerjaw derivattivi fl-Iżrael għandhom japplikaw għal liċenzja lill-President tal-ISA u jiksbu l-approvazzjoni tal-Ministru tal-Finanzi Iżraeljan. Skont it-Taqsima 50 A (a8) tas-SL, jekk il-President tal-ISA jqis li l-ISA tista’ tikkoopera mal-awtorità kompetenti tas-CCPs mhux Iżraeljani awtorizzati, iqis li r-rekwiżiti legali għal dik is-CCP huma ekwivalenti għall-qafas Iżraeljan u li l-għoti ta’ liċenzja lil dik is-CCP ma jagħmilx ħsara lill-interess tal-investituri fl-Iżrael, l-ISA tista’ tiddeċiedi li teżenta lil dik is-CCP mid-dispożizzjonijiet regolatorji tal-qafas legali Iżraeljan għas-CCPs. F’dawn il-kundizzjonijiet, ir-rikonoxximent ta’ CCP mhux Iżraeljana huwa għalhekk possibbli.

(15)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżrael jipprevedu għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta’ CCPs ta’ pajjiż terz.

(16)

Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżrael applikabbli għas-CCPs jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012. Konsegwentement, jenħtieġ li dawn l-arranġamenti legali u superviżorji jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(17)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPS fl-Iżrael fiż-żmien tal-adozzjoni ta’ din id-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq se jkomplu jimmonitorjaw l-evoluzzjoni tal-qafas legali u superviżorju applikabbli għas-CCPs fl-Iżrael u t-twettiq tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni.

(18)

Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li temenda jew tħassar din id-Deċiżjoni fi kwalunkwe ħin, b’mod partikolari fejn l-iżviluppi regolatorji u superviżorji fl-Iżrael jaffettwaw il-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom tiġi adottata din id-Deċiżjoni.

(19)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-finijiet tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Iżrael applikabbli għall-kontropartijiet ċentrali stabbiliti fil-Liġi dwar it-Titoli 5728–1968, fil-Liġi dwar is-Sistemi ta’ Pagament 5768–2008 u ssupplimentati mid-direttivi tal-Awtorità tat-Titoli tal-Iżrael għall-kontropartijiet ċentrali fl-Iżrael, għandhom jitqiesu ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-22 ta’ Ġunju 2022.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Il-Liġi dwar it-Titoli 5728–1968

(3)  Il-Liġi dwar is-Sistemi ta’ Ħlas 5768–2008

(4)  Il-Kumitat dwar is-Sistemi ta’ Pagament u Saldu/il-Kumitat Tekniku tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli, Principles for financial market infrastructures, April 2012, CPMI Papers Nru 101.


Top