Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2193

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2193 tas-16 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-kompetenza u l-metodi ta’ taħriġ tal-ekwipaġġ tat-titjira, u fir-rigward tar-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili

    C/2020/8868

    ĠU L 434, 23.12.2020, p. 13–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/2193/oj

    23.12.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 434/13


    IR-REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2193

    tas-16 ta’ Diċembru 2020

    li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fir-rigward tar-rekwiżiti għall-kompetenza u l-metodi ta’ taħriġ tal-ekwipaġġ tat-titjira, u fir-rigward tar-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2018 dwar regoli komuni fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u li jistabbilixxi Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 2111/2005, (KE) Nru 1008/2008, (UE) Nru 996/2010, (UE) Nru 376/2014 u d-Direttivi 2014/30/UE u 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 552/2004 u (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3922/91 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 23(1), 27(1) u 72(5) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 (2) jistabbilixxi r-rekwiżiti ta’ taħriġ, ittestjar u kontroll għall-għoti tal-liċenzji lill-bdoti.

    (2)

    Il-Pjan Ewropew għas-Sikurezza tal-Avjazzjoni adottat mill-Aġenzija tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni tal-Unjoni Ewropea (“l-Aġenzija”) skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) 2018/1139, identifika li huwa ta’ importanza ewlenija għall-persunal tal-avjazzjoni li jkollu l-kompetenzi xierqa u li l-metodi ta’ taħriġ jeħtieġ li jiġu adattati biex jiżguraw li l-persunal ikun kapaċi jlaħħaq mat-teknoloġiji emerġenti l-ġodda u mal-kumplessità dejjem akbar tas-sistema tal-avjazzjoni.

    (3)

    Fl-2013, l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) ippubblikat il-“Manual of evidence-based training” (Dok. 9995 AN/497), li fih il-qafas ta’ kompetenza sħiħ (“kompetenzi ewlenin”) b’deskrizzjonijiet korrispondenti u indikaturi ta’ mġiba relatati biex jiġu vvalutati dawk il-kompetenzi, li jinkludu dak li qabel kien magħruf bħala għarfien tekniku u mhux tekniku fit-taħriġ, fil-ħiliet u fl-attitudnijiet tal-bdoti. F’dak l-approċċ il-ġdid, il-kontenut tat-taħriġ huwa allinjat mal-kompetenzi attwali meħtieġa għall-operar b’mod sikur, effettiv u effiċjenti f’ambjent tat-trasport kummerċjali bl-ajru.

    (4)

    L-objettiv tat-taħriġ ibbażat fuq l-evidenza (EBT) huwa li jtejjeb is-sikurezza u li jtejjeb il-kompetenzi tal-ekwipaġġi tat-titjira biex joperaw l-inġenji tal-ajru b’mod sikur fir-reġimi kollha tat-titjiriet u biex ikunu jistgħu jidentifikaw u jindirizzaw sitwazzjonijiet mhux mistennija. Il-kunċett tal-EBT huwa mfassal biex jimmassimizza t-tagħlim u jillimita l-verifika formali.

    (5)

    L-allinjament tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 mar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fir-rigward tar-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu tal-okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili huwa mistenni li jżid iċ-ċertezza legali, jappoġġa l-ispezzjonijiet ta’ standardizzazzjoni tal-Aġenzija fil-qasam tar-rappurtar tal-okkorrenzi, u jappoġġa l-implimentazzjoni ta’ sistemi effettivi ta’ rappurtar tal-okkorrenzi bħala parti mill-ġestjoni tas-sikurezza.

    (6)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 jiġi emendat skont dan.

    (7)

    L-Aġenzija ħejjiet abbozz ta’ regoli ta’ implimentazzjoni u ppreżentathom mal-Opinjoni Nru 08/2019 (4) f’konformità mal-punti (b) u (c) tal-Artikolu 75(2) u l-Artikolu 76(1) tar-Regolament (UE) 2018/1139.

    (8)

    In-negozjati bejn l-Unjoni u ċerti pajjiżi terzi għadhom għaddejjin, inkluż dwar il-konverżjoni tal-liċenzji tal-bdoti u ċ-ċertifikati mediċi assoċjati. Biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jkomplu jirrikonoxxu l-liċenzji u ċ-ċertifikati mediċi ta’ pajjiżi terzi għal perjodu interim fid-dawl ta’ dawk in-negozjati, hemm bżonn li jiġi estiż il-perjodu li matulu l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma japplikawx id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 fit-territorju tagħhom għal bdoti li jkollhom liċenzja u ċertifikat mediku assoċjat maħruġa minn pajjiż terz li jkunu involuti fl-operar mhux kummerċjali ta’ ċerti inġenji tal-ajru.

    (9)

    Barra minn hekk, l-emendi għall-Appendiċi 1 tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011, li ġew introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1974 (5) u li se japplikaw mill-31 ta’ Jannar 2022, jenħtieġ li jiġu allinjati mal-emendi għal dak l-Appendiċi introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/359 (6).

    (10)

    Ir-Regolament jenħtieġ li jiġi emendat ukoll biex jiġu kkoreġuti ċerti żbalji tekniċi, li kienu jinsabu f’emendi preċedenti, kif ukoll biex tiġi pprovduta kjarifika għal ċerti dispożizzjonijiet.

    (11)

    L-emendi relatati mal-klassifikazzjoni bażika tal-istrumenti jenħtieġ li jsiru applikabbli fl-istess data bħad-dispożizzjonijiet relatati tar-Regolament (UE) 2020/359, jiġifieri fit-8 ta’ Settembru 2021.

    (12)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat maħtur f’konformità l-Artikolu 127 tar-Regolament (UE) 2018/1139,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1178/2011

    Ir-Regolament (UE) Nru 1178/2011 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 12(4), “20 ta’ Ġunju 2021” huwa sostitwit bi “20 ta’ Ġunju 2022”;

    (2)

    L-Annessi I, VI u VII huma emendati f’konformità mal-Anness I ta’ dan ir-Regolament.

    (3)

    L-Annessi I u VI huma kkoreġuti f’konformità mal-Anness II ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 2

    Data tad-dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Il-punt (1)(r) tal-Anness I u l-punt (1)(a) tal-Anness II għandhom japplikaw mit-8 ta’ Settembru 2021 u l-punt (1)(p) tal-Anness I għandu japplika mill-31 ta’ Jannar 2022.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, is-16 ta’ Diċembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 212, 22.8.2018, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1178/2011 tat-3 ta’ Novembru 2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 311, 25.11.2011, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).

    (4)  https://www.easa.europa.eu/document-library/opinions

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/1974 tal-14 ta’ Diċembru 2018 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 326, 20.12.2018, p. 1).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/359 tal-4 ta’ Marzu 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1178/2011 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-ekwipaġġi tal-ajruplani tal-avjazzjoni ċivili skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 67, 5.3.2020, p. 82).


    ANNESS I

    L-Annessi I, VI u VII tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 huma emendati kif ġej:

    (1)

    L-Anness I (il-Parti-FCL) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    fil-punt FCL.010, jiddaħħlu d-definizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    “‘Operatur ta’ taħriġ ibbażat fuq l-evidenza (EBT)’ tfisser organizzazzjoni li għandha ċertifikat tal-operatur tal-ajru (AOC) skont l-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 u li implimentat programm tal-EBT approvat mill-awtorità kompetenti, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dak ir-Regolament.”;

    (ii)

    “‘Valutazzjoni prattika tal-EBT’ tfisser metodu għall-valutazzjoni tal-prestazzjoni li jservi biex tiġi vverifikata l-prestazzjoni integrata tal-kompetenzi. Dan iseħħ jew f’ambjent simulat jew f’ambjent operattiv.”;

    (iii)

    “‘Programm tal-EBT’ tfisser programm ta’ valutazzjoni u taħriġ tal-bdot skont il-punt ORO.FC.231 tal-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012.”;

    (iv)

    “‘Programm tal-EBT imħallat’ tfisser programm ta’ taħriġ rikorrenti u kontrolli regolari ta’ operatur previst fil-punt ORO.FC.230 tal-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012, li porzjon minnu huwa ddedikat għall-applikazzjoni tal-EBT iżda li ma jiħux post il-kontrolli tal-profiċjenza previsti fl-Appendiċi 9 ta’ dan l-Anness.”;

    (b)

    fil-punt FCL.015, jiżdied il-punt (g) li ġej:

    “(g)

    Taħriġ imwettaq fuq inġenji tal-ajru jew f’FSTDs skont l-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 għandu jitqies għar-rekwiżiti tal-esperjenza u tal-validazzjoni mill-ġdid stabbiliti f’dan l-Anness (il-Parti-FCL).”;

    (c)

    fil-punt FCL.035(a), jiżdied il-punt (4) li ġej:

    “(4)

    Is-sigħat kollha ta’ titjir f’ajruplani jew f’TMGs li huma soġġetti għal deċiżjoni ta’ Stat Membru meħuda skont il-punti (a) jew (c) tal-Artikolu 2(8) tar-Regolament (UE) 2018/1139 jew li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness I ta’ dak ir-Regolament għandhom jiġu kkreditati bis-sħiħ sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-ħin tat-titjir tal-punt FCL.140.A(a)(1) u l-punt FCL.740.A(b)(1)(ii) ta’ dan l-Anness, diment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    l-ajruplan jew it-TMG ikkonċernat ikun tal-istess kategorija u klassi bħall-inġenju tal-ajru skont il-Parti-FCL li fir-rigward tiegħu għandhom jiġu kkreditati s-sigħat tat-titjir;

    (ii)

    fil-każ ta’ titjiriet ta’ taħriġ ma’ għalliem, l-ajruplan jew it-TMG li jintuża jkun soġġett għal awtorizzazzjoni speċifikata fil-punt ORA.ATO.135 tal-Anness VII (il-Parti-ORA) jew fil-punt DTO.GEN.240 tal-Anness VIII (il-Parti-DTO).”;

    (d)

    fil-punt FCL.235, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    Permezz tat-tlestija ta’ test tal-ħiliet, l-applikanti għal PPL għandhom juru l-kapaċità li jwettqu bħala PIC fil-kategorija tal-inġenju tal-ajru xierqa l-proċeduri u l-manuvri rilevanti bil-kompetenza xierqa għall-privileġġi mogħtija.”;

    (e)

    il-punt FCL.625 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    fil-punt (b), jiżdied il-punt (4) li ġej:

    “(4)

    L-applikanti għall-validazzjoni mill-ġdid ta’ IR għandhom jirċievu krediti sħaħ għall-kontroll tal-profiċjenza kif meħtieġ f’din is-Subparti meta jlestu l-valutazzjoni prattika tal-EBT skont l-Appendiċi 10 relatata mal-IR għand operatur tal-EBT.”;

    (ii)

    il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    Tiġdid

    Jekk IR tkun skadiet, sabiex iġeddu l-privileġġi tagħhom, l-applikanti għandhom jikkonformaw ma’ dan kollu li ġej:

    (1)

    sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ taħriġ ta’ aġġornament biex l-applikant jilħaq il-livell ta’ profiċjenza meħtieġ biex jgħaddi mill-element tal-istrument tat-test tal-ħiliet skont l-Appendiċi 9, huwa għandu jgħaddi minn valutazzjoni għand waħda minn dawn l-organizzazzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    għand ATO;

    (ii)

    għand operatur tal-EBT li huwa approvat speċifikament għal tali taħriġ ta’ aġġornament;

    (2)

    jekk l-organizzazzjoni li tipprovdi l-valutazzjoni tqis li jkun meħtieġ skont il-punt (1), huma għandhom ilestu t-taħriġ ta’ aġġornament għand dik l-organizzazzjoni;

    (3)

    wara li jikkonformaw mal-punt (1) u, kif applikabbli, mal-punt (2), għandhom jgħaddu minn kontroll tal-profiċjenza skont l-Appendiċi 9 jew iwettqu valutazzjoni prattika tal-EBT skont l-Appendiċi 10 fil-kategorija tal-inġenju tal-ajru rilevanti. Dik il-valutazzjoni prattika tal-EBT tista’ tiġi kkombinata mat-taħriġ ta’ aġġornament speċifikat fil-punt (2);

    (4)

    għandu jkollhom il-klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip rilevanti sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor f’dan l-Anness.”;

    (iii)

    il-punti (e) u (f) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(e)

    Id-detenturi ta’ IR valida fuq liċenzja ta’ bdot maħruġa minn pajjiż terz, f’konformità mal-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago, għandhom ikunu eżentati milli jikkonformaw mar-rekwiżiti fil-punti (c)(1), (c)(2) u (d) meta jġeddu l-privileġġi tal-IR li jinsabu fil-liċenzji maħruġa f’konformità ma’ dan l-Anness.

    (f)

    Il-kontroll tal-profiċjenza speċifikat fil-punt (c)(3) jista’ jiġi kkombinat ma’ kontroll tal-profiċjenza mwettaq għat-tiġdid tal-klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip rilevanti.”;

    (f)

    il-punt FCL.625.A(a) huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(2)

    jgħaddi minn kontroll tal-profiċjenza skont l-Appendiċi 9, jew iwettaq valutazzjoni prattika tal-EBT skont l-Appendiċi 10, jekk il-validazzjoni mill-ġdid tal-IR tkun ikkombinata mal-validazzjoni mill-ġdid ta’ klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip;”;

    (ii)

    il-punt (4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(4)

    Jista’ jintuża FNPT II jew FFS li jirrappreżenta l-klassi jew it-tip ta’ ajruplan rilevanti għall-validazzjoni mill-ġdid skont il-punt (3), sakemm mill-inqas kull kontroll tal-profiċjenza alternattiv għall-validazzjoni mill-ġdid ta’ IR (A) jitwettaq f’ajruplan.”;

    (g)

    il-punt FCL.740 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “FCL.740   Validità u tiġdid tal-klassifikazzjonijiet tal-klassi u tat-tip

    (a)

    Validità

    (1)

    Il-perjodu ta’ validità tal-klassifikazzjonijiet tal-klassi u tat-tip għandu jkun ta’ sena, ħlief għall-klassifikazzjonijiet tal-klassi ta’ bdot wieħed u magna waħda, li għalihom il-perjodu ta’ validità għandu jkun ta’ sentejn, sakemm ma jkunx stabbilit mod ieħor fl-OSD. Jekk il-bdoti jagħżlu li jissodisfaw ir-rekwiżiti ta’ validazzjoni mill-ġdid qabel dak preskritt fil-punti FCL.740.A, FCL.740.H, FCL.740.PL u FCL.740.As, il-perjodu ta’ validità l-ġdid għandu jibda mid-data tal-kontroll tal-profiċjenza.

    (2)

    L-applikanti għall-validazzjoni mill-ġdid ta’ klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip għandhom jirċievu krediti sħaħ għall-kontroll tal-profiċjenza kif meħtieġ f’din is-Subparti meta jlestu l-valutazzjoni prattika tal-EBT skont l-Appendiċi 10 għand operatur li jkun implimenta l-EBT għall-klassifikazzjoni rilevanti tal-klassi jew tat-tip.

    (b)

    Tiġdid

    Għat-tiġdid ta’ klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip, l-applikanti għandhom jikkonformaw ma’ dan kollu li ġej:

    (1)

    sabiex jiġi ddeterminat jekk huwiex meħtieġ taħriġ ta’ aġġornament biex l-applikant jilħaq il-livell ta’ profiċjenza biex jopera l-inġenju tal-ajru b’mod sikur, huma għandhom jgħaddu minn valutazzjoni għand waħda minn dawn li ġejjin:

    (i)

    għand ATO;

    (ii)

    għand DTO jew għand ATO, jekk il-klassifikazzjoni li skadiet kienet tikkonċerna klassifikazzjoni tal-klassi għal inġenji tal-ajru tal-pistuni b’magna waħda mhux ta’ prestazzjoni għolja, klassifikazzjoni tal-klassi ta’ TMG jew klassifikazzjoni tat-tip għal ħelikopters b’magna waħda msemmija fil-punt DTO.GEN.110(a)(2)(c) tal-Anness VIII;

    (iii)

    għand DTO, għand ATO jew ma’ għalliem, jekk il-klassifikazzjoni tkun skadiet mhux aktar minn 3 snin qabel u l-klassifikazzjoni tkun tikkonċerna klassifikazzjoni tal-klassi tal-pistuni b’magna waħda mhux ta’ prestazzjoni għolja jew klassifikazzjoni tal-klassi tat-TMG;

    (iv)

    għand operatur tal-EBT li huwa approvat speċifikament għal tali taħriġ ta’ aġġornament;

    (2)

    jekk l-organizzazzjoni jew l-għalliem li jipprovdi l-valutazzjoni jqisu li jkun meħtieġ skont il-punt (1), huma għandhom ilestu t-taħriġ ta’ aġġornament għand dik l-organizzazzjoni jew ma’ dak l-għalliem;

    (3)

    wara li jikkonformaw mal-punt (1) u, kif applikabbli, mal-punt (2), għandhom jgħaddu minn kontroll tal-profiċjenza skont l-Appendiċi 9 jew iwettqu valutazzjoni prattika tal-EBT skont l-Appendiċi 10. Dik il-valutazzjoni prattika tal-EBT tista’ tiġi kkombinata mat-taħriġ ta’ aġġornament speċifikat fil-punt (2).

    Permezz ta’ deroga mill-punti (b)(1), (b)(2) u (b)(3), il-bdoti li jkollhom klassifikazzjoni tat-test tat-titjira maħruġa skont il-punt FCL.820 li kienu involuti fit-testijiet tat-titjir tal-iżvilupp, taċ-ċertifikazzjoni jew tal-produzzjoni għal tip ta’ inġenju tal-ajru u jkunu kkompletaw jew 50 siegħa ta’ ħin totali ta’ titjir jew 10 sigħat ta’ ħin ta’ titjir bħala PIC f’titjiriet ta’ ttestjar f’dak it-tip matul is-sena qabel id-data tal-applikazzjoni tagħhom, għandhom ikunu intitolati li japplikaw għall-validazzjoni mill-ġdid jew għat-tiġdid tal-klassifikazzjoni tat-tip rilevanti.

    L-applikanti għandhom ikunu eżentati mir-rekwiżit fil-punti (b)(1) u (b)(2) jekk ikollhom klassifikazzjoni valida għall-istess klassi jew tip ta’ inġenju tal-ajru fuq liċenzja ta’ bdot maħruġa minn pajjiż terz skont l-Anness 1 tal-Konvenzjoni ta’ Chicago u jekk ikunu intitolati jeżerċitaw il-privileġġi ta’ dik il-klassifikazzjoni.

    (c)

    Il-bdoti li jitilqu mill-programm tal-EBT ta’ operatur wara li jkunu naqsu milli juru livell aċċettabbli ta’ kompetenza skont dak il-programm tal-EBT ma għandhomx jeżerċitaw il-privileġġi ta’ dik il-klassifikazzjoni tat-tip qabel ma jkunu kkonformaw ma’ waħda minn dawn li ġejjin:

    (1)

    ikunu lestew il-valutazzjoni prattika tal-EBT skont l-Appendiċi 10;

    (2)

    ikunu għaddew minn kontroll tal-profiċjenza skont il-punt FCL.625(c)(3) jew il-punt FCL.740(b)(3), kif applikabbli. F’każ bħal dan, il-punt FCL.625(b)(4) u l-punt FCL.740(a)(2) ma għandhomx japplikaw.”;

    (h)

    il-punt FCL.720.A huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (a) huwa emendat kif ġej:

    (1)

    l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “L-applikanti għall-ħruġ inizjali tal-privileġġi biex joperaw ajruplan bi bdot wieħed f’operazzjonijiet b’aktar minn bdot wieħed, jew meta japplikaw għall-ħruġ ta’ klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip jew meta jestendu l-privileġġi ta’ klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip li kellhom diġà għal operazzjoni b’aktar minn bdot wieħed, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-punt (b)(4) u, qabel ma jibdew il-kors ta’ taħriġ rilevanti, il-punt (b) (5).”;

    (2)

    il-punt (3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(3)

    Ajruplani kumplessi ta’ prestazzjoni għolja bi bdot wieħed

    L-applikanti għall-ħruġ ta’ klassifikazzjoni tat-tip għal ajruplan kumpless bi bdot wieħed ikklassifikat bħala ajruplan ta’ prestazzjoni għolja għandhom, minbarra li jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-punt (2), jikkonformaw ma’ dan kollu li ġej:

    (i)

    għandu jkollhom jew kellhom IR(A) b’magna waħda jew b’aktar minn magna waħda, kif xieraq u kif stabbilit fis-Subparti G;

    (ii)

    għall-ħruġ tal-ewwel klassifikazzjoni tat-tip, qabel ma jibdew il-kors ta’ taħriġ tal-klassifikazzjoni tat-tip, għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti fil-punt (b)(5).”;

    (ii)

    il-punt (b) huwa emendat kif ġej:

    (1)

    il-frażi introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

    “L-applikanti għall-ħruġ tal-ewwel klassifikazzjoni tat-tip għal ajruplan b’aktar minn bdot wieħed għandhom ikunu bdoti studenti li attwalment ikunu qed jitħarrġu fuq kors ta’ taħriġ tal-MPL jew għandhom, qabel ma jibdew il-kors ta’ taħriġ tal-klassifikazzjoni tat-tip, jikkonformaw mar-rekwiżiti li ġejjin:”;

    (2)

    il-punt (5) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(5)

    ikunu lestew il-kors ta’ taħriġ speċifikat fil-punt FCL.745.A, sakemm ma jikkonformawx ma’ kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin:

    (i)

    ikunu lestew, matul is-3 snin preċedenti, it-taħriġ u l-ikkontrollar skont il-punti ORO.FC.220 u ORO.FC.230 tal-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012;

    (ii)

    ikunu lestew it-taħriġ speċifikat fil-punt FCL.915(e)(1)(ii).”;

    (i)

    fil-punt FCL.740.A(a), il-punt (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(1)

    jgħaddu minn kontroll tal-profiċjenza skont l-Appendiċi 9 jew iwettqu valutazzjoni prattika tal-EBT skont l-Appendiċi 10 fil-klassi jew fit-tip rilevanti ta’ ajruplan jew FSTD li jirrappreżenta lil dik il-klassi jew tip, fi żmien 3 xhur immedjatament qabel id-data ta’ skadenza tal-klassifikazzjoni; kif ukoll”;

    (j)

    il-punt FCL.905.TRI huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “FCL.905.TRI   TRI — Privileġġi u kundizzjonijiet

    (a)

    Il-privileġġi ta’ TRI huma li jipprovdi istruzzjonijiet għal:

    (1)

    il-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid ta’ IR, diment li t-TRI jkollu IR valida;

    (2)

    il-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ TRI jew SFI, diment li d-detentur jissodisfa l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

    (i)

    ikollu mill-inqas 50 siegħa esperjenza ta’ tagħlim bħala TRI jew SFI skont dan ir-Regolament jew skont ir-Regolament (UE) Nru 965/2012;

    (ii)

    ikun wettaq is-sillabu tat-tagħlim fit-titjir tal-parti rilevanti tal-kors ta’ taħriġ ta’ TRI skont il-punt FCL.930.TRI(a)(3) għas-sodisfazzjon tal-kap tat-taħriġ ta’ ATO;

    (3)

    fil-każ tat-TRI għal ajruplani bi bdot wieħed:

    (i)

    il-ħruġ, il-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid ta’ klassifikazzjonijiet tat-tip għal ajruplani kumplessi ta’ prestazzjoni għolja bi bdot wieħed diment li l-applikant ifittex privileġġi biex jopera f’operazzjonijiet bi bdot wieħed.

    Il-privileġġi tat-TRI(SPA) jistgħu jiġu estiżi għat-tagħlim fit-titjir għal klassifikazzjonijiet tat-tip ta’ ajruplani kumplessi ta’ prestazzjoni għolja bi bdot wieħed f’operazzjonijiet b’aktar minn bdot wieħed, sakemm it-TRI jissodisfa kwalunkwe waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (A)

    ikollu jew kellu ċertifikat ta’ TRI għal ajruplani b’aktar minn bdot wieħed;

    (B)

    ikun wettaq mill-inqas 500 siegħa fuq ajruplani f’operazzjonijiet b’aktar minn bdot wieħed u jkun temm kors tat-taħriġ għall-MCCI skont il-punt FCL.930.MCCI;

    (ii)

    il-kors ta’ MPL dwar il-fażi bażika, diment li għandu l-privileġġi estiżi għal operazzjonijiet b’aktar minn bdot wieħed u għandu jew kellu ċertifikat ta’ FI(A) jew IRI(A);

    (4)

    fil-każ tat-TRI għal ajruplani b’aktar minn bdot wieħed:

    (i)

    il-ħruġ, il-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid ta’ klassifikazzjonijiet tat-tip għal:

    (A)

    ajruplani b’aktar minn bdot wieħed;

    (B)

    ajruplani kumplessi ta’ prestazzjoni għolja bi bdot wieħed meta l-applikant jitlob privileġġi biex jagħmel operazzjonijiet b’aktar minn bdot wieħed;

    (ii)

    taħriġ f’MCC;

    (iii)

    il-kors ta’ MPL dwar il-fażijiet bażiċi, intermedji u avvanzati, sakemm, għall-fażi bażika, ikollu jew kellu ċertifikat ta’ FI(A) jew IRI(A);

    (5)

    fil-każ tat-TRI għall-ħelikopters:

    (i)

    il-ħruġ, il-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid ta’ klassifikazzjonijiet tat-tip tal-ħelikopters;

    (ii)

    taħriġ f’MCC, diment li jkollu klassifikazzjoni tat-tip ta’ ħelikopter b’aktar minn bdot wieħed;

    (iii)

    l-estensjoni tal-IR(H) b’magna waħda għal IR(H) b’aktar minn magna waħda;

    (6)

    fil-każ tat-TRI għal inġenji tal-ajru bil-powered-lift:

    (i)

    il-ħruġ, il-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid ta’ klassifikazzjonijiet tat-tip “powered-lift”;

    (ii)

    taħriġ f’MCC.

    (b)

    Il-privileġġi ta’ TRI jinkludu privileġġi biex titwettaq valutazzjoni prattika tal-EBT għand operatur tal-EBT, diment li l-għalliem jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 għall-istandardizzazzjoni tal-għalliem tal-EBT għand dak l-operatur tal-EBT.”;

    (k)

    fil-punt FCL.905.SFI, jiżdied il-punt (e) li ġej:

    “(e)

    Il-privileġġi ta’ SFI jinkludu privileġġi biex titwettaq valutazzjoni prattika tal-EBT għand operatur tal-EBT, diment li l-għalliem jikkonforma mar-rekwiżiti tal-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 għall-istandardizzazzjoni tal-għalliem tal-EBT għand dak l-operatur tal-EBT.”;

    (l)

    fil-punt FCL.930.SFI, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    Il-kors ta’ taħriġ għall-SFI għandu jinkludi:

    (1)

    il-kontenut FSTD tal-kors tal-klassifikazzjoni tat-tip applikabbli;

    (2)

    il-partijiet rilevanti tat-taħriġ tekniku u l-kontenut tal-FSTD tas-sillabu tat-tagħlim fit-titjir tal-kors ta’ taħriġ ta’ TRI applikabbli;

    (3)

    25 siegħa ta’ tagħlim mogħti u riċevut.”;

    (m)

    fil-punt FCL.1015, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(a)

    Applikant għal ċertifikat ta’ eżaminatur għandu jwettaq kors ta’ standardizzazzjoni li huwa pprovdut mill-awtorità kompetenti jew li huwa pprovdut minn ATO u approvat mill-awtorità kompetenti.”;

    (n)

    fil-punt FCL.1025(b), il-punti (1) u (2) u l-frażi introduttorja tal-punt (3) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(1)

    qabel id-data ta’ skadenza taċ-ċertifikat, ikunu wettqu mill-inqas sitt testijiet tal-ħiliet, kontrolli tal-profiċjenza, valutazzjonijiet tal-kompetenza, jew fażijiet tal-evalwazzjoni tal-EBT matul modulu tal-EBT imsemmi fil-punt ORO.FC.231 tal-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012;

    (2)

    fil-perjodu ta’ 12-il xahar immedjatament qabel id-data ta’ skadenza taċ-ċertifikat, ikunu temmew kors ta’ aġġornament tal-eżaminatur li huwa pprovdut mill-awtorità kompetenti jew li huwa pprovdut minn ATO u approvat mill-awtorità kompetenti;

    (3)

    wieħed mit-testijiet tal-ħiliet, mill-kontrolli tal-profiċjenza, mill-valutazzjonijiet tal-kompetenza jew mill-fażijiet tal-evalwazzjoni tal-EBT imwettqa skont il-punt (1) għandu jsir fil-perjodu ta’ 12-il xahar immedjatament qabel id-data ta’ iskadenza taċ-ċertifikat tal-eżaminatur u għandu:”;

    (o)

    il-punt FCL.1010.SFE(a) huwa emendat kif ġej:

    (i)

    fil-punt (1), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(ii)

    ikollhom ċertifikat ta’ SFI(A) għat-tip ta’ ajruplan applikabbli; kif ukoll”;

    (ii)

    fil-punt (2), il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(ii)

    ikollhom ċertifikat ta’ SFI(A) għall-klassi jew għat-tip ta’ ajruplan applikabbli; kif ukoll”;

    (p)

    L-Appendiċi 1 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.

    LAPL u PPL”;

    (ii)

    il-punti 1.1., 1.2., 1.3. u 1.4. huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “1.1.

    Għall-ħruġ ta’ LAPL, id-detentur ta’ LAPL f’kategorija oħra ta’ inġenju tal-ajru għandu jkun ikkreditat b’mod sħiħ lejn ir-rekwiżiti ta’ għarfien teoriku dwar is-suġġetti komuni stabbiliti fil-punt FCL.120(a).

    1.2.

    Għall-ħruġ ta’ LAPL jew ta’ PPL, id-detenturi ta’ PPL, CPL jew ATPL f’kategorija oħra ta’ inġenji tal-ajru għandhom jiġu kkreditati lejn ir-rekwiżiti tal-għarfien teoriku dwar is-suġġetti komuni stabbiliti fil-punt FCL.215(a). Dan il-kreditu għandu japplika wkoll għal applikanti għal LAPL jew PPL li jkollhom BPL maħruġa skont l-Anness III (il-Parti-BFCL) tar-Regolament (UE) 2018/395 jew SPL maħruġa skont l-Anness III (il-Parti-SFCL) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1976, ħlief li s-suġġett “navigazzjoni” ma għandux jiġi kkreditat.”

    1.3.

    Għall-ħruġ ta’ PPL, id-detentur ta’ LAPL fl-istess kategorija ta’ inġenji tal-ajru għandu jkun ikkreditat b’mod sħiħ lejn rekwiżiti tat-tagħlim u tal-eżami tal-għarfien teoriku.

    1.4.

    B’deroga mill-punt 1.2, għall-ħruġ ta’ LAPL(A), id-detentur ta’ SPL maħruġa skont l-Anness III (il-Parti-SFCL) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/1976 bil-privileġġi li jtajjar it-TMGs għandu juri livell adegwat ta’ għarfien teoriku għall-klassi tal-ajruplani b’magna waħda bil-pistin li jinżlu fuq l-art f’konformità mal-punt FCL.135.A(a)(2).”;

    (iii)

    il-punt 4.1. huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “4.1.

    Applikanti għal IR, jew għal BIR, li jkunu għaddew mill-eżamijiet teoretiċi għal CPL fl-istess kategorija ta’ inġenji tal-ajru, għandhom ikunu kkreditati lejn ir-rekwiżiti ta’ għarfien teoriku fis-suġġetti li ġejjin:

    Prestazzjoni Umana,

    Meteoroloġija,

    Komunikazzjoni.”;

    (q)

    fit-Taqsima A tal-Appendiċi 3, il-punt (b) fil-punt 9 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(b)

    70 siegħa bħala PIC, li minnhom 55 siegħa jistgħu jkunu bħala SPIC. Il-ħin ta’ titjir bl-istrumenti bħala SPIC għandu jingħadd biss bħala ħin ta’ titjir PIC sa massimu ta’ 20 siegħa;”;

    (r)

    fit-Taqsima A tal-Appendiċi 6, il-punt 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(2)

    Applikanti għal kors ta’ IR(A) modulari għandhom ikunu detenturi ta’ PPL(A) jew CPL(A). L-applikanti għall-Modulu tat-Titjir bl-Istrumenti Proċedurali, li ma jkollhomx CPL(A), għandhom ikunu detentur ta’ BIR jew ta’ Ċertifikat ta’ Tlestija tal-Kors għall-Modulu Bażiku tat-Titjir bl-Istrumenti.

    L-ATO għandha tiżgura li l-applikant għal kors tal-IR(A) b’aktar minn magna waħda li ma kellux klassifikazzjoni tal-klassi jew tat-tip ta’ ajruplan b’aktar minn magna waħda jkun irċieva t-taħriġ b’aktar minn magna waħda speċifikat fis-Subparti H qabel ma jibda t-taħriġ fit-titjir għall-kors tal-IR(A).”;

    (s)

    It-Taqsima B tal-Appendiċi 9 hija emendata kif ġej:

    (i)

    il-punt (5) huwa emendat kif ġej:

    (1)

    fil-punt (k), it-tabella hija sostitwita b’dan li ġej:

     

    (1)

    (2)

    (3)

    (4)

    (5)

     

    Tip ta’ operazzjoni

    Tip ta’ inġenju tal-ajru

    SP

    MP

    SP → MP (inizjali)

    MP → SP (inizjali)

    SP + MP

     

    Taħriġ

    Ittestjar/kontroll

    Taħriġ

    Ittestjar/kontroll

    Taħriġ

    Ittestjar/kontroll

    Taħriġ, ittestjar u kontroll (ajruplani SE)

    Taħriġ, ittestjar u kontroll (ajruplani ME)

    Ajruplani SE

    Ajruplani ME

    L-ewwel ħruġ

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    Kollha (ħlief SP kumpless)

    Taqsimiet 1-6

    Taqsimiet 1-6

    MCC

    CRM

    Fatturi umani

    TEM

    Taqsimiet 1-7

    Taqsimiet 1-6

    MCC

    CRM

    Fatturi umani

    TEM

    Taqsima 7

    Taqsimiet 1-6

    1.6, 4.5, 4.6, 5.2 u, jekk applikabbli, avviċinament wieħed mit-Taqsima 3.B

    1.6, Taqsima 6 u, jekk applikabbli, avviċinament wieħed mit-Taqsima 3.B

     

     

    SP kumpless

    1-7

    1-6

    Validazzjoni mill-ġdid

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    Kollha

    mhux applikabbli

    Taqsimiet 1-6

    mhux applikabbli

    Taqsimiet 1-6

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    MPO:

    Taqsimiet 1-7 (taħriġ)

    Taqsimiet 1-6 (kontroll)

    SPO:

    1.6, 4.5, 4.6, 5.2 u, jekk applikabbli, avviċinament wieħed mit-Taqsima 3.B

    MPO:

    Taqsimiet 1-7 (taħriġ)

    Taqsimiet 1- 6 (kontroll)

    SPO:

    1.6, Taqsima 6 u, jekk applikabbli, avviċinament wieħed mit-Taqsima 3.B

    Tiġdid

     

     

     

     

     

     

     

     

     

     

    Kollha

    FCL.740

    Taqsimiet 1-6

    FCL.740

    Taqsimiet 1-6

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    mhux applikabbli

    Taħriġ: FCL.740

    Kontroll: fir-rigward tal-validazzjoni mill-ġdid

    Taħriġ: FCL.740

    Kontroll: fir-rigward tal-validazzjoni mill-ġdid”;

    (2)

    fit-Tabella fil-punt (l), ir-ringiela għall-eżerċizzju 7.2.2 hija sostitwita b’dan li ġej:

    “7.2.2

    L-eżerċizzji li ġejjin b’rabta mal-instabbiltà:

    l-irkupru minn “nose-high” f’diversi angoli ta’ inklinazzjoni laterali; kif ukoll

    l-irkupru minn “nose-low” f’diversi angoli ta’ inklinazzjoni laterali.

    P

    X

    Għal dan l-eżerċizzju ma għandux jintuża ajruplan”;

     

     

     

    (t)

    l-Appendiċi 10 li ġej huwa miżjud:

    “Appendiċi 10

    — Validazzjoni mill-ġdid u tiġdid tal-klassifikazzjonijiet tat-tip, u validazzjoni mill-ġdid u tiġdid tal-IRs meta kkombinati mal-validazzjoni mill-ġdid jew mat-tiġdid tal-klassifikazzjonijiet tat-tip — valutazzjoni prattika tal-EBT

    A   — Ġenerali

    1.

    Il-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-klassifikazzjonijiet tat-tip kif ukoll il-validazzjoni mill-ġdid u t-tiġdid tal-IRs meta kkombinati mal-validazzjoni mill-ġdid jew mat-tiġdid tal-klassifikazzjonijiet tat-tip skont dan l-Appendiċi għandhom jimtlew biss għand operaturi tal-EBT li jikkonformaw ma’ dan kollu li ġej:

    (a)

    ikunu stabbilixxew programm tal-EBT rilevanti għall-klassifikazzjoni tat-tip applikabbli jew għall-IR skont il-punt ORO.FC.231 tal-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012;

    (b)

    ikollhom esperjenza ta’ mill-inqas 3 snin fit-twettiq ta’ programm imħallat tal-EBT;

    (c)

    għal kull klassifikazzjoni tat-tip fi ħdan il-programm tal-EBT, l-organizzazzjoni tkun ħatret maniġer tal-EBT. Il-maniġers tal-EBT għandhom jikkonformaw ma’ dawn kollha li ġejjin:

    (i)

    għandu jkollhom privileġġi ta’ eżaminatur għall-klassifikazzjoni tat-tip rilevanti;

    (ii)

    għandu jkollhom esperjenza estensiva fit-taħriġ bħala għalliem għall-klassifikazzjoni tat-tip rilevanti;

    (iii)

    għandhom ikunu jew il-persuna nnominata skont il-punt ORO.AOC.135(a)(2) tal-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012 jew deputat ta’ dik il-persuna.

    2.

    Il-maniġer tal-EBT responsabbli għall-klassifikazzjoni tat-tip rilevanti għandu jiżgura li l-applikant jikkonforma mar-rekwiżiti kollha ta’ kwalifika, taħriġ u esperjenza ta’ dan l-Anness għall-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid tal-klassifikazzjoni rilevanti.

    3.

    L-applikanti li jixtiequ jivvalidaw mill-ġdid jew iġeddu klassifikazzjoni skont dan l-Appendiċi għandhom jikkonformaw ma’ dan kollu li ġej:

    (a)

    għandhom ikunu rreġistrati fil-programm tal-EBT tal-operatur;

    (b)

    fil-każ ta’ validazzjoni mill-ġdid ta’ klassifikazzjoni, huma għandhom itemmu l-programm tal-EBT tal-operatur fil-perjodu ta’ validità tal-klassifikazzjoni rilevanti;

    (c)

    fil-każ ta’ tiġdid ta’ klassifikazzjoni, huma għandhom jikkonformaw mal-proċeduri żviluppati mill-operatur tal-EBT skont il-punt ORO.FC.231(a)(5) tal-Anness III (il-Parti-ORO) tar-Regolament (UE) Nru 965/2012.

    4.

    Il-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid ta’ klassifikazzjoni skont dan l-Appendiċi għandhom jinkludu dawn kollha li ġejjin:

    (a)

    valutazzjoni prattika kontinwa tal-EBT fi ħdan programm tal-EBT;

    (b)

    turija ta’ livell aċċettabbli ta’ prestazzjoni fil-kompetenzi kollha;

    (c)

    l-azzjoni amministrattiva tal-validazzjoni mill-ġdid jew it-tiġdid tal-liċenzja li għaliha l-maniġer tal-EBT responsabbli għall-klassifikazzjoni tat-tip rilevanti għandu jagħmel dan kollu li ġej:

    (1)

    tiżgura li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti tal-punt FCL.1030;

    (2)

    meta taġixxi skont il-punt FCL.1030(b)(2), tapprova l-liċenzja tal-applikant bid-data ta’ skadenza l-ġdida tal-klassifikazzjoni. Dik l-approvazzjoni tista’ timtela minn persuna oħra f’isem il-maniġer tal-EBT, jekk dik il-persuna tkun irċeviet delegazzjoni mill-maniġer tal-EBT biex tagħmel dan skont il-proċeduri stabbiliti fil-programm tal-EBT.

    B   — Twettiq tal-valutazzjoni prattika tal-ebt

    Il-valutazzjoni prattika tal-EBT għandha titwettaq skont il-programm tal-EBT tal-operatur.

    ;

    (2)

    L-Anness VI (il-Parti-ARA) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt ARA.GEN.125 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ARA.GEN.125   Informazzjoni lill-Aġenzija

    (a)

    L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Aġenzija f’każ ta’ kwalunkwe problema sinifikanti bl-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu fi żmien 30 jum minn meta l-awtorità ssir taf bil-problemi.

    (b)

    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1) u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, l-awtorità kompetenti għandha tipprovdi lill-Aġenzija b’informazzjoni sinifikanti għas-sikurezza li tirriżulta mir-rapporti dwar l-okkorrenzi maħżuna fil-bażi tad-data nazzjonali, mill-aktar fis possibbli.

    (*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).”;"

    (b)

    il-punt ARA.GEN.135 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punti (a) u (b) huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “(a)

    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, l-awtorità kompetenti għandha timplimenta sistema biex tiġbor, tanalizza u xxerred kif xieraq l-informazzjoni dwar is-sikurezza.

    (b)

    L-Aġenzija għandha timplimenta sistema biex tanalizza kif xieraq kwalunkwe informazzjoni rilevanti dwar is-sikurezza li tirċievi u mingħajr dewmien żejjed tipprovdi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni kwalunkwe informazzjoni, inklużi rakkomandazzjonijiet jew azzjonijiet korrettivi li jridu jittieħdu, meħtieġa biex jirreaġixxu b’mod f’waqtu għal problema ta’ sikurezza li tinvolvi prodotti, parts, tagħmir mhux installat, persuni jew organizzazzjonijiet soġġetti għar-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.”;

    (ii)

    il-punt (d) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(d)

    Il-miżuri meħuda skont il-punt (c) għandhom jiġu nnotifikati minnufih lill-persuni jew lill-organizzazzjonijiet kollha li jeħtieġu jikkonformaw magħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1139 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika wkoll dawk il-miżuri lill-Aġenzija u, meta tkun meħtieġa azzjoni kkombinata, lill-Istati Membri l-oħra kkonċernati.”;

    (c)

    il-punt ARA.GEN.200 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    fil-punt (a), il-punt (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(1)

    politiki u proċeduri ddokumentati biex jiddeskrivu l-organizzazzjoni, il-mezzi u l-metodi tagħha biex tinkiseb konformità mar-Regolament (UE) 2018/1139 u mal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Il-proċeduri għandhom jinżammu aġġornati u jservu bħala d-dokumenti ta’ ħidma bażiċi fi ħdan dik l-awtorità kompetenti għall-kompiti relatati kollha;”;

    (ii)

    il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    L-awtorità kompetenti għandha tistabbilixxi proċeduri għall-parteċipazzjoni fi skambju reċiproku tal-informazzjoni u l-assistenza kollha meħtieġa ma’ awtoritajiet kompetenti oħra kkonċernati, kemm jekk minn ġewwa l-Istat Membru jew fi Stati Membri oħra, inkluża l-informazzjoni li ġejja:

    (1)

    dwar is-sejbiet kollha li jkunu saru, l-azzjonijiet korrettivi ta’ segwitu meħuda skont dawn is-sejbiet u l-miżuri ta’ infurzar meħuda b’riżultat tas-sorveljanza ta’ persuni u organizzazzjonijiet li jeżerċitaw attivitajiet fit-territorju ta’ Stat Membru iżda li jkunu ċċertifikati minn jew li jkunu għamlu dikjarazzjonijiet lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru ieħor jew lill-Aġenzija;

    (2)

    li tirriżulta minn rappurtar obbligatorju u volontarju tal-okkorrenzi kif meħtieġ mill-punt ORA.GEN.160 tal-Anness VII.”;

    (d)

    il-punt ARA.GEN.210 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ARA.GEN.210   Bidliet fis-sistema ta’ ġestjoni

    (a)

    L-awtorità kompetenti għandu jkollha fis-seħħ sistema biex tidentifika l-bidliet li jaffettwaw il-kapaċità tagħha li twettaq il-kompiti tagħha u twettaq ir-responsabbiltajiet tagħha kif definit fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu. Dik is-sistema għandha tippermettilha tieħu azzjoni kif xieraq biex tiżgura li s-sistema ta’ ġestjoni tagħha tibqa’ adegwata u effettiva.

    (b)

    L-awtorità kompetenti għandha taġġorna s-sistema ta’ ġestjoni tagħha biex tirrifletti kwalunkwe bidla fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu b’mod f’waqtu, sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva.

    (c)

    L-awtorità kompetenti għandha tinnotifika lill-Aġenzija bil-bidliet li jaffettwaw il-kapaċità tagħha li twettaq il-kompiti u r-responsabbiltajiet tagħha kif definit fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.”;

    (e)

    il-punt ARA.FCL.200 huwa emendat kif ġej:

    (i)

    il-punt (c) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(c)

    Approvazzjoni ta’ liċenzji minn eżaminaturi. Qabel ma tawtorizza b’mod speċifiku eżaminatur biex jivvalida mill-ġdid jew iġedded klassifikazzjonijiet jew ċertifikati, l-awtorità kompetenti għandha tiżviluppa proċeduri xierqa.”;

    (ii)

    fil-punt (e), il-punt (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(1)

    il-punti BFCL.315(a)(4)(ii) u BFCL.360(a)(2) tal-Anness III (il-Parti-BFCL) tar-Regolament (UE) 2018/395; kif ukoll”;

    (f)

    fl-Appendiċi VIII, il-kliem “Ħarġa Nru 2 tal-Formola XXX tal-EASA” huwa sostitwit bil-kliem “Ħarġa Nru 2 tal-Formola 157 tal-EASA”;

    (3)

    L-Anness VII (il-Parti-ORA) huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt ORA.GEN.160 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “ORA.GEN.160   Rappurtar ta’ okkorrenza

    (a)

    Bħala parti mis-sistema ta’ ġestjoni tagħha, l-organizzazzjoni għandha tistabbilixxi u żżomm sistema ta’ rappurtar tal-okkorrenzi, inkluż rappurtar obbligatorju u volontarju. Għall-organizzazzjonijiet li jkollhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru, dik is-sistema għandha tissodisfa r-rekwiżiti tar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u tar-Regolament (UE) 2018/1139 kif ukoll tal-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi ta’ dawk ir-Regolamenti.

    (b)

    L-organizzazzjoni għandha tirrapporta lill-awtorità kompetenti u, fil-każ ta’ inġenji tal-ajru mhux irreġistrati fi Stat Membru, lill-Istat tar-Reġistrazzjoni, kwalunkwe avveniment jew kundizzjoni relatata mas-sikurezza li tipperikola jew, jekk ma tiġix ikkoreġuta jew indirizzata, tista’ tipperikola inġenju tal-ajru, l-okkupanti tiegħu jew kwalunkwe persuna oħra, u b’mod partikolari kwalunkwe aċċident jew inċident serju.

    (c)

    Mingħajr preġudizzju għall-punt (b), l-organizzazzjoni għandha tirrapporta lill-awtorità kompetenti u lid-detentur tal-approvazzjoni tad-disinn tal-inġenju tal-ajru kwalunkwe inċident, funzjonament ħażin, difett tekniku, qbiż tal-limitazzjonijiet tekniċi, okkorrenza li tenfasizza informazzjoni mhux preċiża, mhux kompluta jew ambigwa, li tinsab fid-data stabbilita skont ir-Regolament (UE) Nru 748/2012, jew ċirkostanza irregolari oħra li pperikolat jew li setgħet ipperikolat inġenju tal-ajru, l-okkupanti tiegħu jew kwalunkwe persuna oħra u li ma rriżultatx f’aċċident jew inċident serju.

    (d)

    Mingħajr preġudizzju għar-Regolament (UE) Nru 376/2014 u l-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu, ir-rapporti f’konformità mal-punt (c) għandhom:

    (1)

    isiru hekk kif ikun prattikabbli, iżda fi kwalunkwe każ mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li l-organizzazzjoni tkun identifikat l-avveniment jew il-kundizzjoni relatati mar-rapport, sakemm dan ma jiġix ipprevenut minn ċirkostanzi eċċezzjonali;

    (2)

    isiru f’forma u b’mod stabbiliti mill-awtorità kompetenti, kif definit fil-punt ORA.GEN.105;

    (3)

    ikun fihom l-informazzjoni pertinenti kollha dwar il-kundizzjoni magħrufa mill-organizzazzjoni.

    (e)

    Għall-organizzazzjonijiet li ma jkollhomx il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Stat Membru:

    (1)

    ir-rapporti obbligatorji inizjali għandhom:

    (i)

    jissalvagwardjaw b’mod xieraq il-kunfidenzjalità tal-identità ta’ min jagħmel ir-rapport u tal-persuni msemmija fir-rapport;

    (ii)

    isiru hekk kif ikun prattikabbli, iżda fi kwalunkwe każ, mhux aktar tard minn 72 siegħa wara li l-organizzazzjoni tkun saret taf bl-okkorrenza, sakemm dan ma jiġix ipprevenut minn ċirkostanzi eċċezzjonali;

    (iii)

    isiru f’forma u b’manjiera stabbiliti mill-Aġenzija;

    (iv)

    ikun fihom l-informazzjoni pertinenti kollha dwar il-kundizzjoni magħrufa mill-organizzazzjoni;

    (2)

    fejn rilevanti, għandu jsir rapport ta’ segwitu li jipprovdi dettalji tal-azzjonijiet li l-organizzazzjoni biħsiebha tieħu biex tipprevjeni okkorrenzi simili fil-futur hekk kif dawk l-azzjonijiet ikunu ġew identifikati; dawk ir-rapporti ta’ segwitu għandhom:

    (i)

    jintbagħtu lill-entitajiet rilevanti inizjalment irrapportati skont il-punti (b) u (c);

    (ii)

    isiru f’forma u b’manjiera stabbiliti mill-Aġenzija.”;

    (b)

    fil-punt ORA.GEN.200(a), il-punt (7) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(7)

    kwalunkwe rekwiżit rilevanti addizzjonali preskritt fir-Regolament (UE) 2018/1139 u fir-Regolament (UE) Nru 376/2014 kif ukoll fl-atti delegati u ta’ implimentazzjoni adottati abbażi tiegħu.”.


    (*1)  Ir-Regolament (UE) Nru 376/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-3 ta’ April 2014 dwar ir-rappurtar, l-analiżi u s-segwitu ta’ okkorrenzi fl-avjazzjoni ċivili, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 996/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Direttiva 2003/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolamenti tal-Kummissjoni (KE) Nru 1321/2007 u (KE) Nru 1330/2007 (ĠU L 122, 24.4.2014, p. 18).”;’


    L-ANNESS II

    L-Annessi I u VI tar-Regolament (UE) Nru 1178/2011 huma kkoreġuti kif ġej:

    (1)

    L-Anness I (il-Parti-FCL) huwa kkoreġut kif ġej:

    (a)

    fil-punt FCL.025(b), il-punt (3) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(3)

    Jekk applikant għall-eżami tal-għarfien teoriku tal-ATPL, jew għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ bdot kummerċjali (CPL), jew klassifikazzjoni tat-titjir bl-istrumenti (IR) ikun naqas milli jgħaddi minn wieħed mill-eżamijiet tal-għarfien teoriku f’erba’ tentattivi, jew ikun naqas milli jgħaddi mill-karti kollha f’sitt seduti jew fil-perjodu msemmi fil-punt (b)(2), huwa għandu jerġa’ joqgħod għas-sett sħiħ ta’ dokumenti tal-eżami tal-għarfien teoriku.”;

    (b)

    fil-punt FCL.025(b), il-punt (4) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(4)

    Jekk l-applikanti għall-ħruġ ta’ liċenzja ta’ bdot ta’ inġenju tal-ajru ħafif (LAPL) jew ta’ liċenzja ta’ bdot privat (PPL) ma jkunux għaddew minn wieħed mill-eżamijiet tal-għarfien teoriku wara erba’ darbiet, jew ma jkunx għaddew mill-eżamijiet kollha fil-perjodu msemmi fil-punt (b)(2), għandhom jerġgħu jagħmlu s-sett kollu tal-eżamijiet tal-għarfien teoriku.”;

    (c)

    fil-punt FCL.035(b)(5), ir-referenza għal “ FCL.720.A(b)(2)(i)” hija sostitwita bir-referenza għal “FCL.720.A.(a)(2)(ii)(A)”;

    (d)

    It-Taqsima B tal-Appendiċi 9 hija emendata kif ġej:

    Fil-punt (6)(i), ir-referenza għal “FCL.720.A(e)” hija sostitwita bir-referenza għal “FCL.720.A(c)”;

    (2)

    L-Anness VI (il-Parti-ARA) huwa kkoreġut kif ġej:

    Fl-Appendiċi I, fil-qasam XIII fil-mudell li jsegwi l-intestatura “Paġna 3”, ir-referenza għal “Punt 2(b) tal-Artikolu 3b” hija sostitwita bir-referenza għal “Punt (a) tal-Artikolu 3b(2)”


    Top