This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32019D2032
Commission Implementing Decision (EU) 2019/2032 of 26 November 2019 establishing measures to prevent the introduction into and the spread within the Union of Fusarium circinatum Nirenberg & O’Donnell (formerly Gibberella circinata) and repealing Decision 2007/433/EC (notified under document C(2019) 8359)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2032 tas-26 ta’ Novembru 2019 li tistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni ta’ Fusarium circinatum Nirenberg & O’Donnell (li qabel kienet Giberella circinata) u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/433/KE (notifikata bid-dokument C(2019) 8359)
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2032 tas-26 ta’ Novembru 2019 li tistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni ta’ Fusarium circinatum Nirenberg & O’Donnell (li qabel kienet Giberella circinata) u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/433/KE (notifikata bid-dokument C(2019) 8359)
ĠU L 313, 4.12.2019, p. 94–100
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
4.12.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 313/94 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2019/2032
tas-26 ta’ Novembru 2019
li tistabbilixxi miżuri għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni ta’ Fusarium circinatum Nirenberg & O’Donnell (li qabel kienet Giberella circinata) u li tħassar id-Deċiżjoni 2007/433/KE
(notifikata bid-dokument C(2019) 8359)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE tat-8 ta’ Mejju 2000 dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (1), u b’mod partikolari t-tielet sentenza tal-Artikolu 16(3) tagħha,
Billi:
(1) |
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/433/KE (2) stabbiliet miżuri ta’ emerġenza proviżorji għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fl-Unjoni ta’ Gibberella circinata Nirenberg & O’Donnell 1998. |
(2) |
Gibberella circinata Nirenberg & O’Donnell 1998 u Fusarium circinatum Nirenberg & O’Donnell 1998 huma ż-żewġ ismijiet attribwiti għall-istess, fungus pleomorfiku, li jirrappreżenta l-istadju tat-telemorf (sesswali) u l-istadju tad-anamorf (asesswali) tal-istess organiżmu, rispettivament. B’konformità ma’ kunsens xjentifiku riċenti (3), jenħtieġ li jintuża l-isem “Fusarium circinatum Nirenberg & O’Donnell 1998” biex jiddistingwi l-organiżmu mill-2013 ’il quddiem. |
(3) |
Fusarium circinatum Nirenberg & O’Donnell 1998 (“l-organiżmu speċifikat”) huwa elenkat fit-Taqsima II tal-Parti A tal-Anness I tad-Direttiva 2000/29/KE minn Marzu 2019 (4). |
(4) |
L-organiżmu speċifikat huwa preżenti fil-Portugall u fi Spanja, u jiġri l-aktar f’mixtliet u f’foresti, iżda wkoll f’ġonna privati. Dak l-Istati Membri adottataw miżuri nazzjonali dwar il-kontroll u l-eradikazzjoni tiegħu sabiex jevitaw li dak l-organiżmu jidħol u jinfirex aktar fit-territorju tagħhom. |
(5) |
Fl-2010 l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) ippubblikat opinjoni dwar il-valutazzjoni tar-riskju ta’ Fusarium circinatum għat-territorju tal-Unjoni u l-evalwazzjoni tal-għażliet tal-ġestjoni tar-riskju (5). |
(6) |
L-organiżmu speċifikat huwa prinċipalment assoċjat ma’ pjanti li jappartjenu għall-ġeneru Pinus u l-ispeċi Pseudotsuga menziesii (“pjanti speċifikati”). |
(7) |
Fid-dawl tal-istħarriġ annwali sottomess mill-Istati Membri skont id-Deċiżjoni 2007/433/KE u l-opinjoni xjentifika pprovduta mill-EFSA, ġie konkluż li l-organiżmu speċifikat huwa diġà preżenti f’partijiet tat-territorju tal-Unjoni. Madankollu, jidher ukoll li ż-żona li bħalissa hija infestata hija konsiderevolment iżgħar miż-żona fil-periklu, meta wieħed iqis, fost l-oħrajn, id-data ekoklimatika, id-distribuzzjoni ta’ ospitanti potenzjali u l-potenzjal għoli ħafna għall-istabbiliment tal-organiżmu speċifikat. |
(8) |
Għalhekk huwa xieraq li l-miżuri kontra l-organiżmu speċifikat jiġu aġġornati. Jenħtieġ li dawn il-miżuri jipprevedu identifikazzjoni f’waqtha tal-organiżmu speċifikat fit-territorju tal-Unjoni, l-eradikazzjoni tiegħu, jekk jinstab preżenti fit-territorju tal-Unjoni, u r-rekwiżiti għaċ-ċaqliq fl-Unjoni, ta’ pjanti (inklużi żrieragħ u koni li fihom iż-żrieragħ, maħsuba għat-tħawwil), forom speċifiċi tal-injam u materjal tal-ippakkjar tal-injam ’il barra miż-żoni demarkati. Dawn il-miżuri huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat approċċ proattiv kontra l-istabbiliment u l-firxa tal-organiżmu speċifikat fl-Unjoni. |
(9) |
Id-distribuzzjoni madwar id-dinja tal-organiżmu speċifikat mhijiex ċara. Madankollu, u skont it-tagħrif disponibbli, dan l-organiżmu mhux magħruf li jeżisti fil-pajjiżi terzi Ewropej. Barra minn hekk, l-esperjenza wriet li l-organiżmu speċifikat ma ġiex introdott fl-Unjoni permezz tal-kummerċ tal-pjanti speċifikati (inklużi ż-żrieragħ u l-koni li fihom iż-żrieragħ, maħsuba għat-tħawwil), l-injam, il-qoxra iżolata u l-materjal tal-ippakkjar tal-injam li joriġina minn dawn il-pajjiżi. |
(10) |
Għalhekk jenħtieġ li jiġu adottati miżuri għall-introduzzjoni fl-Unjoni tal-pjanti speċifikati (inklużi ż-żrieragħ u l-koni li fihom iż-żrieragħ, maħsuba għat-tħawwil), l-injam, il-qoxra iżolata u l-materjal tal-ippakkjar tal-injam minn pajjiżi terzi mhux Ewropej biss. Jenħtieġ li tali miżuri jinkludu ċertifikat fitosanitarju, kif ukoll kontrolli uffiċjali mal-introduzzjoni ta’ dawn il-prodotti. Dawn il-miżuri jenħtieġ li jikkonċernaw ukoll forom speċifiċi tal-injam tal-koniferi (Pinales) u materjal tal-ippakkjar tal-injam, minħabba li x’aktarx jospitaw l-organiżmu speċifikat. |
(11) |
Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/433/KE jenħtieġ li titħassar. |
(12) |
Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-fini ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“organiżmu speċifikat” tfisser Fusarium circinatum Nirenberg & O’Donnell 1998; |
(2) |
“pjanti speċifikati” tfisser pjanti tal-ġeneru Pinus L. u l-ispeċi Pseudotsuga menziesii (Mirbel) Franco; |
(3) |
“post ta’ produzzjoni” tfisser:
|
(4) |
“materjal tal-ippakkjar tal-injam” tfisser materjal tal-ippakkjar tal-injam fil-forma ta’ kontenituri tal-ippakkjar, kaxxi, ċestuni, tankijiet u ppakkjar simili, pallets, kaxxi tal-pallets u twavel oħra għat-tagħbija, għenuq tal-pallets, bċejjeċ tal-injam, kemm jekk effettivament jintużawx jew le fit-trasport ta’ oġġetti ta’ kwalunkwe tip, minbarra l-injam mhux ipproċessat bi ħxuna ta’ 6 mm jew inqas, l-injam ipproċessat prodott bil-kolla, bis-sħana u bil-pressa, jew kombinazzjoni tagħhom, u bċejjeċ tal-injam li jsostnu konsenji tal-injam, li jkun magħmul minn injam tal-istess tip u kwalità bħall-injam fil-konsenji u li jissodisfa l-istess rekwiżiti fitosanitarji tal-Unjoni bħall-injam fil-konsenja. |
Artikolu 2
Azzjoni mal-identifikazzjoni jew preżenza suspettata tal-organiżmu speċifikat
1. Kull persuna li tissuspetta jew issir taf bil-preżenza tal-organiżmu speċifikat għandha tinforma lill-korp uffiċjali responsabbli minnufih u tipprovdih bl-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna l-preżenza, jew preżenza suspettata, tal-organiżmu speċifikat.
2. Il-korp uffiċjali responsabbli għandu jirreġistra tali informazzjoni minnufih.
3. Meta l-korp uffiċjali responsabbli jkun ġie infurmat bil-preżenza, jew bil-preżenza suspettata, tal-organiżmu speċifikat, dan għandu jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonferma din il-preżenza, jew il-preżenza suspettata.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull persuna li jkollha fil-kontroll tagħha xi pjanti, prodotti tal-pjanti jew injam ta’ pjanti speċifikati jew injam ta’ koniferi (Pinales) li jista’ jkun ikunu infettati bl-organiżmu speċifikat tiġi infurmata minnufih bil-preżenza jew bil-preżenza suspettata tal-organiżmu speċifikat, u dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu.
Artikolu 3
Stħarriġ dwar il-preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorji tal-Istati Membri
1. L-Istati Membri għandhom iwettqu stħarriġ annwali dwar il-preżenza tal-organiżmu speċifikat fit-territorji tagħhom. Dan l-istħarriġ m’għandux ikun meħtieġ jitwettaq fejn jiġi konkluż mingħajr ekwivoċi li l-organiżmu speċifikat ma jistax jiġi stabbilit jew jinxtered fl-Istat Membru kkonċernat minħabba l-kundizzjonijiet ekoklimatiċi tiegħu jew in-nuqqas tal-ispeċijiet ospitanti.
2. Dan l-istħarriġ għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
għandu jsir mill-korp uffiċjali responsabbli, jew taħt is-superviżjoni uffiċjali tal-korp uffiċjali responsabbli; |
(b) |
għandu jikkonsisti minn eżamijiet viżivi u, fil-każ ta’ xi suspett ta’ infezzjoni mill-organiżmu speċifikat, minn ġbir ta’ kampjuni u twettiq ta’ testijiet; |
(c) |
għandu jiġi bbażat fuq prinċipji xjentifiċi u tekniċi tajbin, u għandu jsir fi żminijiet xierqa tas-sena fir-rigward tal-possibbiltà li jiġi identifikat l-organiżmu speċifikat permezz ta’ spezzjoni viżwali, teħid ta’ kampjuni u ttestjar. |
Artikolu 4
Stabbiliment ta’ żoni demarkati
1. Meta l-preżenza tal-organiżmu speċifikat tkun ġiet ikkonfermata, l-Istat Membru kkonċernat għandu, minnufih, jiddemarka żona skont il-paragrafu 2.
2. Iż-żona demarkata għandha tikkonsisti minn:
(a) |
iż-żona infestata fejn il-preżenza tal-organiżmu speċifikat tkun ġiet ikkonfermata u li tinkludi l-pjanti kollha magħrufa li huma infettati, jew li juru sinjali jew sintomi li jindikaw infezzjoni possibbli, jew li x’aktarx ġew jew saru kkontaminati jew infettati bl-organiżmu speċifikat; u |
(b) |
żona ta’ lqugħ madwar iż-żona infestata b’limitu ta’ mill-inqas 1 km lil hinn miż-żona infestata. |
Fil-każijiet fejn bosta żoni marġinali ta’ lqugħ jidħlu f’xulxin jew li jkunu ġeografikament qrib xulxin, għandha tiġi definita żona demarkata iktar wiesgħa li tinkludi ż-żoni demarkati rilevanti u ż-żoni ta’ bejniethom.
Id-delimitazzjoni eżatta taż-żona infestata u taż-żona ta’ lqugħ għandha tkun ibbażata fuq prinċipji xjentifiċi tajbin, il-bijoloġija tal-organiżmu speċifikat, il-livell ta’ infestazzjoni u t-tqassim tal-pjanti speċifikati fiż-żona kkonċernata.
3. Jekk tiġi kkonfermata l-preżenza tal-organiżmu speċifikat fiż-żona ta’ lqugħ, id-delimitazzjoni taż-żona infestata u taż-żona ta’ lqugħ għandha tiġi rriveduta minnufih u tinbidel kif xieraq.
4. Meta, abbażi tal-istħarriġ imsemmi fl-Artikolu 3, l-organiżmu speċifikat ma jiġix identifikat f’żona demarkata għal perjodu ta’ sentejn konsekuttivi, id-demarkazzjoni tista’ titneħħa. F’każijiet bħal dawn, l-Istat Membru kkonċernat għandu jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar it-tneħħija tad-demarkazzjoni.
5. Fejn ġustifikat mill-iżvilupp tar-riskju fitosanitarju rispettiv kif deskritt fil-paragrafi 2, 3 jew 4, l-Istati Membri għandhom jadattaw iż-żona demarkata kif xieraq. Huma għandhom jikkomunikaw immedjatament dak l-adattament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra.
6. B’deroga mill-paragrafu 1, l-Istat Membru kkonċernat jista’ jiddeċiedi li ma jistabbilixxix żona demarkata meta jkun hemm evidenza li l-preżenza tal-organiżmu speċifikat hija sejba iżolata u dan l-organiżmu ma jkunx stabbilit, u li l-firxa tal-organiżmu speċifikat ma tkunx possibbli minħabba l-kundizzjonijiet li fihom tkabbru jew inħażnu l-pjanti speċifikati kif ukoll l-injam, il-qoxra iżolata jew il-materjal tal-ippakkjar tal-injam ta’ pjanti speċifikati jew koniferi.
7. Fil-każ imsemmi fil-paragrafu 6, l-Istat Membru kkonċernat għandu:
(a) |
jieħu miżuri immedjati sabiex tiġi żgurata l-eradikazzjoni fil-pront tal-organiżmu speċifikat u biex tiġi eskluża l-possibbiltà li jinxtered, kif ukoll il-qerda ta’ kwalunkwe materjal infettat; |
(b) |
iwettaq stħarriġ regolari u xieraq għal mill-inqas sentejn biex jiddetermina jekk ġewx infettati xi pjanti oħra apparti dawk li fuqhom kien instab oriġinarjament l-organiżmu speċifikat. Dak l-istħarriġ għandu jsir f’żona madwar iż-żona infestata b’limitu ta’ mill-inqas 1 km lil hinn miż-żona infestata; |
(c) |
jieħu kwalunkwe miżura oħra, li tista’ tikkontribwixxi għall-eradikazzjoni tal-organiżmu speċifikat, billi jitqies l-Istandard Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji (ISPM) Nru 9 (6) u bl-applikazzjoni ta’ approċċ integrat skont il-prinċipji stabbiliti fl-ISPM Nru 14 (7); |
(d) |
jinnotifika lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar il-ġustifikazzjoni għaliex mhux qed jistabbilixxi żona demarkata, u r-riżultat tal-istħarriġ imsemmi fil-punt (b) hekk kif isir disponibbli. |
Artikolu 5
Miżuri ta’ eradikazzjoni fiż-żona demarkata
1. L-Istat Membru kkonċernat għandu japplika l-miżuri li ġejjin fiż-żona demarkata:
(a) |
pjanti magħrufa li jiġu infettati mill-organiżmu speċifikat u pjanti li juru sintomi li jindikaw infezzjoni possibbli minn dan l-organiżmu, jew li hemm suspett li huma infettati minn dan l-organiżmu, għandhom jitneħħew minnufih; |
(b) |
il-pjanti speċifikati f’raġġ ta’ 100 m madwar il-pjanti infestati għandhom jitneħħew; |
(c) |
kwalunkwe miżura oħra li tista’ tikkontribwixxi għall-eradikazzjoni sħiħa tal-organiżmu speċifikat, billi jitqies l-ISPM Nru 9 u bl-applikazzjoni ta’ approċċ integrat skont il-prinċipji stabbiliti fl-ISPM Nru 14. |
Għall-finijiet tal-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, it-tneħħija għandha tinkludi l-qerda tal-pjanti u t-tneħħija u r-rimi sikur tal-għeruq, f’mill-inqas l-ewwel 50 cm mill-kullar, u l-fdal tal-qoxra.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, il-pjanti speċifikati li ttieħdu kampjuni minnhom u li ġew ittestjati għall-finijiet tal-Artikolu 3 u li ġew ikkonfermati li ma ġewx infettati mill-organiżmu speċifikat, ma għandhomx għalfejn jitneħħew.
3. L-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq l-investigazzjonijiet xierqa biex jidentifika l-oriġini tal-infezzjoni. Dan għandu jittraċċa l-pjanti speċifikati, kif ukoll injam u qoxra iżolata li joriġinaw mill-pjanti speċifikati jew mill-koniferi (Pinales), u assoċjati mal-każ tal-infezzjoni kkonċernata, inklużi dawk li ġew imċaqalqa qabel ma ġiet stabbilita ż-żona demarkata. Ir-riżultati ta’ dawn l-investigazzjonijiet għandhom jiġu komunikati lill-Istati Membri li minnhom joriġinaw il-pjanti kkonċernati u lill-Istati Membri fejn ikunu ċċaqilqu dawn il-pjanti.
Artikolu 6
Iċ-ċaqliq tal-pjanti speċifikati fi ħdan l-Unjoni
1. Pjanti speċifikati maħsuba għat-tħawwil jistgħu jiċċaqilqu fit-territorju tal-Unjoni biss, jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti.
Dan il-passaport tal-pjanti għandu jinħareġ għall-pjanti speċifikati maħsuba għat-tħawwil jekk tiġi ssodisfata waħda mill-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
ikunu tkabbru tul ħajjithom, jew mill-introduzzjoni tagħhom fl-Unjoni, f’post ta’ produzzjoni li jinsab barra miż-żona demarkata; |
(b) |
dawn joriġinaw f’post ta’ produzzjoni, inkluża l-viċinanza tiegħu ta’ mill-inqas raġġ ta’ 1 km, fejn ma jkun ġie osservat l-ebda sintomu tal-organiżmu speċifikat matul l-ispezzjonijiet uffiċjali annwali f’perjodu ta’ sentejn qabel iċ-ċaqliq tagħhom u ġew ittestjati qabel iċ-ċaqliq tagħhom, fuq il-bażi ta’ kampjun rappreżentattiv għal kull lott, u nstabu ħielsa mill-organiżmu speċifikat. |
2. Pjanti speċifikati, minbarra pjanti maħsuba għat-tħawwil, jistgħu jitmexxew biss minn żona infestata għal żona ta’ lqugħ, u ’l barra minn żona demarkata fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni, jekk ikunu akkumpanjati minn passaport tal-pjanti.
Dan il-passaport tal-pjanti għandu jinħareġ biss jekk dawn il-pjanti speċifikati joriġinaw f’post ta’ produzzjoni, inkluża l-viċinanza tiegħu ta’ mill-inqas raġġ ta’ 1 km, fejn ma jkun ġie osservat l-ebda sintomu tal-organiżmu speċifikat matul l-ispezzjonijiet uffiċjali annwali f’perjodu ta’ sentejn qabel iċ-ċaqliq tagħhom u jkunu ġew ittestjati qabel iċ-ċaqliq tagħhom, fuq il-bażi ta’ kampjun rappreżentattiv għal kull lott, u jkunu nstabu ħielsa mill-organiżmu speċifikat.
3. B’deroga mill-paragrafu 1, ma għandu jkun meħtieġ l-ebda passaport tal-pjanti għall-moviment tal-pjanti speċifikati maħsuba għat-tħawwil lil kwalunkwe persuna li taġixxi għal skopijiet li huma barra mill-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha, u takkwista dawn il-pjanti għall-użu tagħha stess.
4. Madankollu, id-deroga tal-paragrafu 3 ma għandhiex tapplika għal ċaqliq minn żona infestata lejn żona ta’ lqugħ, u ’l barra minn żona demarkata fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni
Artikolu 7
Ċaqliq ta’ ċertu injam u qoxra iżolata minn żoni demarkati
1. Il-materjal li ġej jista’ jiġi ttrasferit biss minn żona infestata għal żona ta’ lqugħ, u ’l barra minn żona demarkata fil-bqija tat-territorju tal-Unjoni jekk ikun akkumpanjat minn passaport tal-pjanti:
(a) |
injam tal-pjanti speċifikati minbarra l-materjal tal-ippakkjar tal-injam; |
(b) |
injam tal-koniferi (Pinales) fil-forma ta’ laqx, frak, ċana, skart tal-injam u ruttam miksub kompletament jew parzjalment minn dawn il-koniferi; u |
(c) |
qoxra iżolata tal-koniferi (Pinales). |
Dan il-passaport tal-pjanti għandu jinħareġ biss meta l-materjal ikun għadda minn trattament bis-sħana xieraq biex tinkiseb temperatura minima ta’ 56 °C għal perjodu minimu ta’ 30 minuta kontinwi tul il-profil sħiħ tal-injam.
2. Injam li jrid jiġi ttrattat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu jista’ jinħareġ biss miż-żona demarkata skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a) |
ma hemm l-ebda faċilità xierqa ta’ trattament disponibbli fi ħdan iż-żona demarkata; |
(b) |
it-trattament isir fl-eqreb faċilità ta’ trattament barra miż-żona demarkata li hija kapaċi tagħmel dan it-trattament; u |
(c) |
it-trasport isir taħt kontroll uffiċjali u f’vetturi magħluqa, li jiżguraw li t-tixrid tal-injam jiġi evitat u li l-organiżmu speċifikat ma jkunx jista’ jinxtered. |
Artikolu 8
Ċaqliq ta’ materjal tal-ippakkjar tal-injam ’il barra miż-żoni demarkati
Injam mill-koniferi fil-forma ta’ materjal tal-ippakkjar tal-injam jista’ jiċċaqlaq biss minn żona infestata għal żona ta’ lqugħ, u ’l barra minn żona demarkata għal ġol-bqija tat-territorju tal-Unjoni, jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a) |
ikun magħmul minn injam maqtugħ, kif speċifikat fl-ISPM Nru 15 (8); |
(b) |
jiġi soġġett għal wieħed mit-trattamenti approvati kif speċifikat fl-Anness I ta’ ISPM Nru 15; |
(c) |
juri marka kif speċifikat fl-Anness II ta’ ISPM Nru 15, li tindika li l-materjal tal-ippakkjar tal-injam ikun ġie soġġett għal trattament fitosanitarju approvat skont dan l-istandard. |
Artikolu 9
Introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti speċifikati
Pjanti speċifikati jistgħu jiġu introdotti biss fit-territorju tal-Unjoni minn pajjiżi terzi mhux Ewropej jekk jiġu akkumpanjati miċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE, li jkun fih waħda mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin skont l-entrata “Dikjarazzjoni addizzjonali”:
(a) |
ikunu tkabbru tul ħajjithom f’pajjiż fejn l-organiżmu speċifikat mhux magħruf li jinstab; |
(b) |
ikunu tkabbru tul ħajjithom f’żona ħielsa mill-organiżmu speċifikat, stabbilita mill-Organizzazzjoni Nazzjonali għall-Protezzjoni tal-Pjanti skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji; |
(c) |
joriġinaw f’post ta’ produzzjoni, inkluż fil-viċinanza tiegħu ta’ mill-inqas raġġ ta’ 1 km, fejn ma jkun ġie osservat l-ebda sintomu tal-organiżmu speċifikat matul l-ispezzjonijiet uffiċjali f’perjodu ta’ sentejn qabel il-moviment tagħhom u ġew kampjunati u ttestjati immedjatament qabel l-esportazzjoni, abbażi ta’ kampjun rappreżentattiv għal kull lott, u nstabu ħielsa mill-organiżmu speċifikat f’dawn it-testijiet. |
Artikolu 10
Introduzzjoni fl-Unjoni ta’ ċertu injam u qoxra iżolata
1. Injam tal-pjanti speċifikati, minbarra fil-forma ta’ laqx, frak, ċana, skart tal-injam u ruttam, u qoxra iżolata, miksub kompletament jew parzjalment minn dawn il-pjanti, u ħlief fil-forma ta’ materjal tal-ippakkjar tal-injam, li joriġina minn pajjiżi terzi mhux Ewropej, jista’ jiġi introdott biss fit-territorju tal-Unjoni jekk ikun akkumpanjat miċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE.
2. Dan iċ-ċertifikat għandu jkun fih waħda mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin taħt l-entrata “Dikjarazzjoni addizzjonali”:
(a) |
l-injam jew il-qoxra iżolata joriġinaw f’pajjiż ħieles mill-organiżmu speċifikat, stabbilit mill-Organizzazzjoni Nazzjonali tal-Protezzjoni tal-Pjanti skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti; |
(b) |
joriġina f’żona ħielsa mill-organiżmu speċifikat, stabbilita mill-Organizzazzjoni Nazzjonali tal-Protezzjoni tal-Pjanti skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti; |
(c) |
ikun għadda minn trattament bis-sħana xieraq biex tinkiseb temperatura minima ta’ 56 °C għal perjodu minimu ta’ 30 minuta kontinwi tul il-profil sħiħ tal-injam; għandu jkun hemm evidenza tat-trattament bis-sħana permezz ta’ marka “HT” li titpoġġa fuq l-injam jew fuq kwalunkwe tqartis skont l-użu attwali u fuq iċ-ċertifikat. |
3. Injam tal-koniferi (Pinales) fil-forma ta’ laqx, frak, ċana, skart tal-injam u ruttam, u ta’ qoxra iżolata, miksuba kompletament jew parzjalment minn dawn il-koniferi li joriġinaw minn pajjiżi terzi mhux Ewropej, jista’ jiġi introdott biss fit-territorju tal-Unjoni jekk ikun akkumpanjat miċ-ċertifikat imsemmi fl-Artikolu 13(1)(ii) tad-Direttiva 2000/29/KE.
4. Dan iċ-ċertifikat għandu jkun fih waħda mid-dikjarazzjonijiet li ġejjin taħt l-entrata “Dikjarazzjoni addizzjonali”:
(a) |
l-injam jew il-qoxra iżolata joriġinaw f’pajjiż ħieles mill-organiżmu speċifikat, stabbilit mill-Organizzazzjoni Nazzjonali tal-Protezzjoni tal-Pjanti skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti; |
(b) |
l-injam jew il-qoxra iżolata joriġinaw f’żona ħielsa mill-organiżmu speċifikat, stabbilita mill-Organizzazzjoni Nazzjonali tal-Protezzjoni tal-Pjanti skont l-Istandards Internazzjonali għall-Miżuri Fitosanitarji rilevanti; |
(c) |
ikun għadda minn trattament bis-sħana xieraq biex tinkiseb temperatura minima ta’ 56 °C għal perjodu minimu ta’ 30 minuta kontinwi tul il-profil sħiħ tal-injam; għandu jkun hemm evidenza tat-trattament bis-sħana permezz ta’ marka “HT” li titpoġġa fuq l-injam jew fuq kwalunkwe tqartis skont l-użu kurrenti. |
Artikolu 11
Kontrolli uffiċjali mal-introduzzjoni fl-Unjoni ta’ pjanti speċifikati kif ukoll ta’ ċertu injam u qoxra iżolata li joriġinaw minn pajjiżi terzi mhux Ewropej
1. Il-konsenji kollha ta’ pjanti speċifikati, injam tal-pjanti speċifikati minbarra fil-forma ta’ materjal tal-ippakkjar tal-injam, u injam tal-koniferi (Pinales) fil-forma ta’ laqx, partiċelli, ċana, skart tal-injam u ruttam miksuba kompletament jew parzjalment minn dawn il-koniferi, introdotti fl-Unjoni minn pajjiż terz mhux Ewropew fejn l-organiżmu speċifikat huwa magħruf li jkun preżenti, għandhom ikunu soġġetti għal kontrolli uffiċjali metikolużi mad-dħul fl-Unjoni jew fil-post tad-destinazzjoni skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2004/103/KE (9).
2. Dawn il-kontrolli uffiċjali għandhom jinkludu spezzjoni viżwali kif ukoll, fejn xieraq, it-teħid ta’ kampjuni u l-ittestjar tal-lott tal-pjanti, tal-prodotti tal-pjanti jew ta’ oġġetti oħra sabiex jikkonfermaw in-nuqqas tal-organiżmu speċifikat.
Artikolu 12
Konformità
L-Istati Membri għandhom iħassru jew jemendaw il-miżuri li jkunu adottaw sabiex jipproteġu t-territorji tagħhom kontra l-introduzzjoni u t-tixrid tal-organiżmu speċifikat sabiex jikkonformaw ma’ din id-Deċiżjoni. Huma għandhom jinfurmaw minnufih lill-Kummissjoni dwar dawk il-miżuri.
Artikolu 13
Tħassir
Id-Deċiżjoni 2007/433/KE hija mħassra.
Artikolu 14
Destinatarji
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell, is-26 ta’ Novembru 2019.
Għall-Kummissjoni
Vytenis ANDRIUKAITIS
Membru tal-Kummissjoni
(1) ĠU L 169, 10.7.2000, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/433/KE tat-18 ta’ Ġunju 2007 dwar miżuri ta’ emerġenza proviżorji għall-prevenzjoni tal-introduzzjoni u t-tixrid fil-Komunità tal-Gibberella circinata Nirenberg & O’Donnell (ĠU L 161, 22.6.2007, p. 66).
(3) Turland, N. J., et al. (eds.) 2018: International Code of Nomenclature for algae, fungi, and plants (Shenzhen Code) adopted by the Nineteenth International Botanical Congress Shenzhen, China, July 2017 (Il-Kodiċi Internazzjonali tan-Nomenklatura għall-alka, il-fungi u l-pjanti (il-Kodiċi Shenzhen) adottat mid-Dsatax-il Kungress Internazzjonali Botaniku Shenzhen, iċ-Ċina, Lulju 2017). Regnum Vegetabile 159. Glashütten: Koeltz Botanical Books. DOI https://doi.org/10.12705/Code.2018
(4) Id-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/523 tal-21 ta’ Marzu 2019 li temenda l-Annessi I sa V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE dwar il-miżuri protettivi kontra l-introduzzjoni ġewwa l-Komunità ta’ organiżmi ta’ ħsara għall-prodotti tal-pjanti u kontra t-tixrid tagħhom ġewwa l-Komunità (ĠU L 86, 28.3.2019, p. 41).
(5) Il-Bord tal-EFSA dwar is-Saħħa tal-Pjanti: Risk assessment of Gibberella circinata for the EU territory and identification and evaluation of risk management options. (Valutazzjoni tar-riskju ta’ Gibberella circinata għat-territorju tal-UE u identifikazzjoni u evalwazzjoni tal-għażliet tal-ġestjoni tar-riskju.) EFSA Journal 2010;8(6):1620. doi:10.2903/j.efsa.2010.1620.
(6) ISPM Nru 9: Linji gwida għal programmi ta’ eradikazzjoni tal-pesti. Disponibbli fuq https://www.ippc.int/core-activities/standards-setting/ispms/#614.
(7) ISPM Nru 14: L-użu ta’ miżuri integrati f’approċċ ta’ sistemi għall-immaniġġjar tar-riskju tal-pesti. Disponibbli fuq https://www.ippc.int/core-activities/standards-setting/ispms/#614.
(8) ISPM Nru 15: Regolamentazzjoni tal-materjal tal-ippakkjar tal-injam fil-kummerċ internazzjonali.
(9) Id-Direttiva tal-Kummissjoni 2004/103/KE tas-7 ta’ Ottubru 2004 dwar il-kontrolli tal-identità u s-saħħa tal-pjanti, prodotti tal-pjanti jew oġġetti oħra, elenkati f’Parti B tal-Anness V tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/29/KE, li jistgħu jiġu esegwiti f’post ieħor li mhuwiex il-punt tad-dħul fil-Komunità jew f’post ieħor fil-qrib u tispeċifika l-kundizzjonijiet li jirrigwardaw dawn il-kontrolli (ĠU L 313, 12.10.2004, p. 16).