Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32017D2318

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2318 tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju fl-Awstralja li japplika għas-swieq finanzjarji f'konformita mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )

    C/2017/8568

    ĠU L 331, 14.12.2017, p. 81–86 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2017/2318/oj

    14.12.2017   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 331/81


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/2318

    tat-13 ta' Diċembru 2017

    dwar l-ekwivalenza tal-qafas legali u superviżorju fl-Awstralja li japplika għas-swieq finanzjarji f'konformita mad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (1) u b'mod partikolari l-Artikolu 25(4)(a) tiagħha,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) jeħtieġ li d-ditti tal-investiment jiżguraw li n-negozji li jagħmlu f'ishma ammessi għan-negozjar fis-swieq regolati, jew innegozzjati f'ċentri tan-negozjar għandhom isiru fi swieq regolati, faċilitajiet multilaterali tan-negozjar (Multilateral Trading Facilities - MTF) jew internalizzaturi sistematiċi, jew inkella ċentri tan-negozjar ta' pajjiż terz valutat mill-Kummissjoni bħala ekwivalenti skont l-Artikolu 25(4)(a) tad-Direttiva 2014/65/UE.

    (2)

    L-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplika obbligu tan-negozjar biss fir-rigward tal-ishma. L-obbligu tan-negozjar ma jinkludix strumenti ta' ekwita oħrajn, bħal riċevuti depożitarji, ETFs, ċertifikati u strumenti finanzjarji oħrajn simili.

    (3)

    Il-proċedura ta' ekwivalenza għal ċentri tan-negozjar stabbiliti f'pajjiżi terzi stabbilita fl-Artikolu 25(4)(a) tad-Direttiva 2014/65/UE għandha l-għan li tippermetti lid-ditti tal-investiment iwettqu negozji f'ishma li huma soġġetti għall-obbligu tan-negozjar fl-Unjoni, f'ċentri tan-negozjar ta' pajjiżi terzi rikonoxxuti bħala ekwivalenti. Jentħieġ li l-Kummissjoni tivvaluta jekk il-qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jiżgurax il-konformità ta' ċentru tan-negozjar awtorizzat f'dak il-pajjiż terz ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li jkunu ekwivalenti għar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), mit-Titolu III tad-Direttiva 2014/65/UE, mit-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u mid-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), u li jkunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż. Dan jenħtieġ li jinqara fid-dawl tal-objettivi li dak l-att għandu l-għan li jikseb, b'mod partikolari l-kontribuzzjoni tiegħu għall-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri u fl-aħħar mill-aħħar, iżda xejn inqas importanti, l-istabbiltà finanzjarja.

    (4)

    F'konformità mar-raba' subparagrafu tal-Artikolu 25(4)(a) tad-Direttiva 2014/65/UE, qafas legali u superviżorju ta' pajjiż terz jista' jiġi kkunsidrat bħala ekwivalenti meta dak il-qafas ikun jissodisfa tal-anqas il-kondizzjonijiet li (a) is-swieq huma soġġetti għal awtorizzazzjoni u għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa, (b) is-swieq ikollhom regoli ċari u trasparenti dwar l-ammissjoni tat-titoli għan-negozjar sabiex tali titoli jkunu jistgħu jiġu nnegozjati b'mod ġust, ordnat u effiċjenti, u jkunu liberament negozjabbli, (c) l-emittenti ta' titoli huma soġġetti għal rekwiżiti ta' informazzjoni perjodika u kontinwa li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni għall-investitur, u (d) it-trasparenza u l-integrità tas-suq jiġu żgurati permezz tal-prevenzjoni ta' abbuż tas-suq fil-forma ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq.

    (5)

    L-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza hu li tivvaluta, fost l-oħrajn, jekk ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli fl-Awstralja għas-swieq finanzjarji stabbiliti u awtorizzati bħala boroż tat-titoli hemmhekk taħt is-superviżjoni tal-Kummissjoni Awstraljana għat-Titoli u l-Investimenti (Australian Securities and Investments Commission ASIC) humiex ekwivalenti għar-rekwiżiti li jirriżultaw mir-Regolament (UE) Nru 596/2014, mit-Titolu III tad-Direttiva 2014/65/UE, mit-Titolu II tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u mid-Direttiva 2004/109/KE, li jkunu soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi f'dak il-pajjiż terz.

    (6)

    Il-Corporations Act 2001 (l-Att dwar il-Korporazzjonijiet) jiddefinixxi suq finanzjarju bħala faċilità li permezz tagħha offerti għall-akkwist jew id-disponiment ta' prodotti finanzjarji jsiru jew jiġu aċċettati regolarment. Is-suq finanzjarju jrid jopera sistema multilaterali f'konformità ma' regoli mhux diskrezzjonali. Huwa ma għandux is-setgħa diskrezzjonali dwar kif jeżegwixxi n-negozji u mhuwiex permess jinnegozja jew jieħu sehem f'negozjar matched principal. Barra minn hekk, suq finanzjarju rikonoxxut irid jagħti lill-membri tiegħu aċċess imparzjali għas-swieq u s-servizzi tiegħu. Il-kriterji tal-aċċess iridu jkunu imparzjali, trasparenti u applikati b'mod nondiskriminatorju. Għal dan l-għan, ir-regoli tal-operazzjoni ta' suq finanzjarju jrid ikollhom standards raġonevoli u nondiskriminatorji għar-rekwiżiti tal-eliġibbiltà u l-aċċess. Dawn ir-regoli jiġu eżaminati minn ASIC.

    (7)

    L-erba' kundizzjonijiet stipulati fir-raba' subparagrafu tal-Artikolu 25(4)(a) tad-Direttiva 2014/65/UE jridu jiġu sodisfatti sabiex jiġi ddeterminat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward il-boroż awtorizzati fih huma ekwivalenti għal dawk stipulati fid-Direttiva 2014/65/UE.

    (8)

    Skont l-ewwel kundizzjoni, ċentri tan-negozjar f'pajjiżi terzi jridu jkunu soġġetti għall-awtorizzazzjoni u għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

    (9)

    Biex topera suq finanzjarju, huwa meħtieġ li persuna jkollha liċenzja għas-suq Awstraljana (Australian Market Licence – AML). Skont l-Att dwar il-Korporazzjonijiet, is-setgħa li tingħata AML hija tal-Ministru. Skont it-Taqsima 795 A tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet, applikazzjoni għal AML trid issir mal-ASIC, li tagħti pariri lill-Ministru dwar l-applikazzjoni. L-Awtorizzazzjoni tingħata biss, fost l-oħrajn, jekk il-Ministru jkun konvint li l-applikant ikollu arranġamenti adegwati biex jissodisfa r-rekwiżiti applikabbli u li l-applikant ikun jista' jissorvelja s-suq, jimmonitorja l-kondotta tal-parteċipanti u jinforza l-konformità mar-regoli tal-operat tas-suq (it-Taqsima 795B tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet). Ladarba jiġu liċenzjati, s-suq finanzjarji huma meħtieġa jkunu konformi kontinwament mal-kundizzjonijiet tal-liċenzja u li jżommu arranġamenti adegwati biex joperaw is-suq, inklużi arranġamenti għall-monitoraġġ u l-infurzar tal-konformita mar-regoli tal-operat (it-Taqsima 792 A tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet).

    (10)

    L-ASIC hija awtorità pubblika mwaqqfa skont l-Australian Securities and Investments Commission Act 2001 (l-Att dwar l-ASIC) u hija responsabbli għall-amministrazzjoni u l-infurzar tal-liġi dwar is-swieq finanzjarji Awstraljani. Is-setgħat superviżorji u ta' infurzar tal-ASIC jinkludu l-investigazzjoni ta' ksur suspettat tal-liġi, il-ħruġ ta' avviżi ta' ksur, u t-talba ta' penali ċivili mill-qrati. L-ASIC tista' tibda prosekuzzjonijiet kriminali għall-obbligi taħt l-Att dwar il-Korporazzjonijiet li jiġu infurzati bħala reati kriminali. Barra minn hekk, l-ASIC għandha s-setgħa li tispezzjoni s-swieq finanzjarji mingħajr ma tavża minn qabel. Dan jinkludi s-setgħa li teżamina r-reġistri, ir-rekords u d-dokumenti. Barra minn hekk, il-Ministru għas-Servizzi Finanzjarji jista' jagħti struzzjonijiet bil-miktub lill-operatur ta' suq finanzjarju sabiex jieħu miżuri speċifikati sabiex jiżgura l-konformità mal-obbligi tiegħu bħala detentur ta' liċenzja ta' suq finanzjarju meta l-Ministru jkun tal-fehma li dawn l-obbligi ma jkunux qegħdin jiġu ssodisfati (it-Taqsima 794a tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet). Jekk is-suq finanzjarju ma jikkonformax ma' dawk l-istruzzjonijiet, l-ASIC tista' tapplika lill-qorti għal ordni li teħtieġ konformità (it-Taqsima 794 A tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet). L-ASIC għandha wkoll is-setgħa li tagħti struzzjoni lil entità (inklużi l-operaturi tas-suq u l-parteċipanti ta' swieq liċenzjati), fejn hija tqis li huwa meħtieġ, jew fl-interess pubbliku, biex tipproteġi lin-nies li jinnegozjaw fi prodott finanzjarju jew klassijiet ta' prodotti finanzjarji (it-Taqsima 798J tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet). Minbarra dan, l-ASIC tista' titlob ordnijiet u tirreferi kwistjonijiet għal proċedimenti sabiex tinforza l-miżuri regolatorji u investigattivi tagħha. L-ASIC tista' tapplika għand qorti għal ordni li tirrikjedi konformità mal-miżuri tal-ASIC meħuda fuq il-bażi tas-setgħat regolatorji u investigattivi tagħha (it-Taqsima 70 tal- Att dwar l-ASIC). Barra minn hekk, meta entità tonqos milli tikkonforma ruħha ma' direzzjoni maħruġa skont l-Att dwar il-Korporazzjonijiet, l-ASIC tista' tapplika għal ordni li tirrikjedi konformità ma' dik l-istruzzjoni. Fl-aħħar, l-Att dwar il-Korporazzjonijiet jirrikjedi wkoll li s-swieq finanzjarji jkunu kapaċi jinfurzaw il-konformità mill-membri tagħhom mad-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet, ir-regoli u r-regolamenti taħtu, u r-regoli tal-operazzjoni tas-suq tagħhom (it-taqsima 792 A tal-Att). Huwa wkoll id-dmir ta' borża liċenzjata li tindirizza kull ksur potenzjali tar-regoli tal-operat ta' suq jew l-Att dwar il-Korporazzjonijiet mill-membri tagħha u tirrapporta tali ksur potenzjali lill-ASIC.

    (11)

    Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-boroż tat-titoli fl-Awstralja huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni u l-infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

    (12)

    Skont it-tieni kundizzjoni, ċentri tan-negozjar ta' pajjiżi terzi jrid ikollhom regoli ċari u trasparenti dwar l-ammissjoni ta' titoli għan-negozjar sabiex tali titoli jkunu jistgħu jiġu negozjati b'mod ġust, ordnat u effiċjenti, u jkunu liberament negozjabbli.

    (13)

    Hemm obbligi ġenerali li jirrikjedu lill-operatur ta' suq finanzjarju biex jikkunsidra jekk it-titoli ammessi għan-negozjar fis-suq li jopera jistgħux jiġu negozjati b'mod ordnat u trasparenti. It-Taqsima 793 A tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet tinkludi rekwiżiti legament vinkolanti li jkun hemm regoli tal-operazzjoni li jirregolaw l-ammissjoni ta' titoli. Ir-regoli tal-operazzjoni tas-swieq finanzjarji jistipulaw il-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodifati biex ishma ta' entità elenkata jiġu kkwotati fis-suq. L-entità trid tapplika għall-ammissjoni għall-kummerċ fejn it-titoli tagħha se jiġu nnegozjati u trid tapplika u tingħata permess biex it-titoli kollha fil-klassi ewlenija ta' titoli tagħha jiġu kkwotati fil-lista uffiċjali tas-suq finanzjarju. Il-lista ta' entitajiet ammessi għan-negozjar tiġi ppubblikata mill-operatur tas-suq u tiġi aġġornata kull jum ta' negozjar. L-ASIC teżamina jekk is-swieq finanzjarji ikollhomx regoli, sistemi u proċessi adegwati biex jindirizzaw jekk prodott finanzjarju jilħaqx il-kriterji tas-suq finanzjarju u statutorji għall-ammissjoni għan-negozjar fis-suq, inkluż li tiżgura li ma hemmx restrizzjonijiet indebiti fuq in-negozjar ta' titoli. It-titoli kollha negozjati f'boroż liċenzjati jridu jissodisfaw ċerti regoli tal-elenkar, li jiġu ppreżentati lill-ASIC biex teżaminahom. It-Titoli jridu jkunu liberament negozjabbli u jridu jissodisfaw ċerti kriterji rigward id-distribuzzjoni tat-titoli lill-pubbliku u l-emittent meħtieġ biex jiġi valwat it-titolu. Borża liċenzjata ma tistax telenka titoli li dwarhom ma hemmx informazzjoni disponibbli pubblikament dwar it-titoli maħruġin u l-emittent. Fl-aħħar, biex jiġi żgurat in-negozjar ordnat ta' titoli f'boroż liċenzjati, l-ASIC u l-Ministru jistgħu jissospendu n-negozjar fi prodott finanzjarju jew fi klassi ta' prodotti finanzjarji.

    (14)

    L-obbligu legalment vinkolanti fl-Att dwar il-Korporazzjonijiet għal negozjar “ġust, ordnat u trasparenti” jirrekjedi li s-swieq finanzjarji jagħmlu l-informazzjoni dwar it-tranżazzjonijiet, it-talbiet u l-offerti disponibbli pubblikament. Barra minn hekk hemm obbligu li parteċipant ma jistax jidħol fi tranżazzjoni sakemm it-tranżazzjoni ma jidħolx fiha billi titqabbel ordni trasparenti ta' qabel in-negozjar fuq ktieb tal-ordnijiet. Hemm eżenzjonijiet għal ċerti negozji, bħal negozjar ta' blokok jew negozjar b'titjib tal-prezz. Jekk parteċipant fis-suq jiddependi fuq waħda minn dawn l-eċċezzjonijiet, huwa meħtieġ li jżomm rekords li juru li t-tranżazzjoni ssodisfat il-kriterji għall-eċċezzjoni li tkun intużat. Ir-Regoli dwar l-Integrità tas-Suq dwar il-Kompetizzjoni jirrikjedu li s-swieq finanzjarji jagħmlu disponibbli minnufih informazzjoni ta' qabel in-negozjar irċevuta waqt il-ħinijiet tan-negozjar b'mod kontinwu u f'ħin reali, b'termini kummerċjali raġonevoli u fuq bażi nondiskriminatorja. Għal informazzjoni li tasal wara l-ħinijiet ta' negozjar, l-operatur tas-suq huwa meħtieġ jagħmel l-informazzjoni ta' qabel in-negozjar disponibbli mhux iktar tard mill-issoktar tal-ħinijiet ta' negozjar li jmiss. Il-qafas regolatorju Awstraljan jinkludi wkoll rekwiżiti għall-għoti kontinwu u f'ħin reali ta' informazzjoni ta' wara n-negozjar. Is-swieq finanzjarji huma meħtieġa li jagħmlu disponibbli l-informazzjoni ta' wara n-negozjar fuq sit web aċċessibbli mill-pubbliku, mingħajr ħlas, u b'dewmien ta' mhux aktar minn 20 minuta.

    (15)

    Għaldaqstant jista' jiġi konkluż li l-boroż tat-titoli fl-Awstralja għandhom regoli ċari u trasparenti dwar l-ammissjoni ta' titoli għan-negozjar sabiex tali titoli jkunu jistgħu jiġu negozjati b'mod ġust, ordnat u effiċjenti, u jkunu liberament negozjabbli.

    (16)

    Skont it-tielet kundizzjoni, l-emittenti ta' titoli jridu jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta' informazzjoni perjodiċi u kontinwi, li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-investituri.

    (17)

    Il-qafas regolatorju Awstraljan għandu rekwiżiti ta' żvelar ċari, komprensivi u speċifiċi li japplikaw għar-rapporti annwali u interim. L-emittenti li t-titoli tagħhom jiġu ammessi għan-negozjar f'boroż tat-titoli Awstraljani huma meħtieġa li jippubblikaw rapporti finanzjarji annwali u interim (f'nofs is-sena) (it-Taqsimiet 292 u 302). Ir-rapporti jridu jkunu konformi mal-istandards kontabilistiċi (it-Taqsimiet 296 u 304 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet) u jippreżentaw veduta veritiera u ċara tal-pożizzjoni finanzjarja u l-prestazzjoni tal-entità (it-Taqsimiet 297 u 305 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet). Barra minn hekk, huwa meħtieġ li r-rapporti finanzjarji annwali jiġu awditjati u jrid jinkiseb rapport tal-awditur (it-Taqsima 301 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet). L-ASIC iżżomm rekord tal-informazzjoni dwar il-kumpanija, inkluż il-prospett u l-kontijiet annwali tal-kumpanija. L-iżvelar ta' informazzjoni komprensiva u f'waqtha dwar l-emittenti tat-titotli tippermetti lill-investituri jivvalutaw il-prestazzjoni tan-negozju tal-emittenti u jiżguraw it-trasparenza xierqa għall-investituri permezz ta' fluss regolari ta' informazzjoni.

    (18)

    Għalhekk jista' jiġi konkluż li l-emittenti tat-titoli ammessi f'boroż liċenzjati mill-ASIC huma soġġetti għal rekwiżiti ta' informazzjoni perjodiċi u kontinwi, li jiżguraw livell għoli ta' protezzjoni tal-investituri.

    (19)

    Skont ir-raba' kundizzjoni, il-qafas legali u superviżorju tal-pajjiż terz irid jiżgura t-trasparenza u l-integrità tas-suq billi jipprevjeni l-abbuż tas-suq fil-forma ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq.

    (20)

    Il-liġijiet dwar it-titoli Awstraljani jistabbilixxu qafas regolatorju u superviżorju komprensiv biex tiġi żgurata l-integrità tas-suq, tiġi pprojbita l-imġiba frodulenta jew qarrieqa f'boroż liċenzjati u t-tixrid ta' informazzjoni falza jew qarrieqa rigward it-titoli jew l-emittenti, kif ukoll biex jipprevjeni l-abbuż minn informazzjoni privileġġata u l-manipulazzjoni tas-suq. Id-dispożizzjonijiet dwar l-abbuż tas-suq huma stipulati taħt il-Parti 7.10 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet. Xi wħud mill-projbizzjonijiet huma wkoll stipulati taħt ir-Regoli dwar l-Integrità tas-Suq (Market Integrity Rules – MIRs), li ġew maħluqa taħt is-Sottotaqsima 798G(1) tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet li japplikaw għas-swieq finanzjarji regolati u l-parteċipanti fis-suq f'dawk is-swieq. Taħt it-Taqsimiet 1041E u 1041F tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet, li tagħmel dikjarazzjonijiet foloz jew qarrieqa dwar prodotti finanzjarji, u li twassal lil ħaddieħor li jinnegozja fi prodotti finanzjari bl-użu ta' informazzjoni falza jew qarrieqa, kif ukoll li tieħu sehem f'imġiba diżonesta b'rabta ma' prodott finanzjarju u/jew bħala detentur ta' liċenzja tas-servizzi finanzjarji (it-Taqsimiet 1041G u 1041H) huwa pprojbit. Id-Diviżjoni 2 tal-Parti 7.10 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet fih għadd ta' projbizzjonijiet dwar il-manipulazzjoni tas-suq. Barra minn hekk, id-Diviżjoni 3 tal-Parti 7.10 tal-Att dwar il-Korporazzjonijiet espliċitament tipprojbixxi l-abbuż minn informazzjoni privileġġata. L-ASIC tinforza dawn ir-regoli billi tuża s-setgħat estensivi tagħha biex tinvestiga attività tas-suq suspettuża u tagħmel prosekuzzjoni tal-każi li jkunu meqjusa li jiksru r-regoli.

    (21)

    Għaldaqstant jista' jiġi konkluż li l-qafas legali u superviżorju Awstraljan jiżgura t-trasparenza u l-integrità tas-suq billi jipprevjeni l-abbuż tas-suq fil-forma ta' abbuż minn informazzjoni privileġġata u manipulazzjoni tas-suq.

    (22)

    Għalhekk jista' jiġi konkluż ukoll li l-qafas legali u superviżorju li jirregola s-swieq finanzjarji operati fl-Awstralja taħt is-superviżjoni tal-ASIC huwa konformi mal-erba' kundizzjonijiet għall-arranġamenti legali u superviżorji, u għalhekk għandu jkun meqjus li jipprovdi għal sistema ekwivalenti għar-rekwiżiti għal ċentri tan-negozjar stipulati fid-Direttiva 2014/65/UE, ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u d-Direttiva 2004/109/KE.

    (23)

    Ladarba hemm għadd sinfikanti ta' ishma li jiġu maħruġa u ammessi għan-negozjar fl-Awstralja li huma wkoll innegozjati f'ċentri tan-negozjar fl-UE, din id-deċiżjoni hija neċessarja biex jiġi żgurat li d-ditti tal-investiment kollha li huma soġġetti għall-obbligu ta' negozjar kif stipulat fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 jibqa' jkollhom l-abbiltà li jagħmlu negozji fl-ishma ammessi fil-boroż Awstraljani. Minħabba li hemm puli ta' likwidità sinifikanti disponibbli f'dawk l-ishma fil-boroż Awstraljani, huwa neċessarju li l-qafas legali u superviżorju tal-Awstralja jiġi rikonoxxut, partikolarment biex id-ditti tal-investiment ikunu jistgħu jaqdu l-obbligu tal-aħjar eżekuzzjoni fir-rigward tal-klijenti tagħhom.

    (24)

    Din id-deċiżjoni hija bbażata fuq data li turi li n-negozjar tal-UE kumplessivament f'għadd ta' ishma ammessi fil-boroż Awstraljani huwa ta' frekwenza tali li ditti tal-MiFID ma setgħux jagħmlu użu mill-eċċezzjoni stabbilita fl-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014. Dan jimplika li l-obbligu tan-negozjar stipulat fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 japplika għal għadd sinifikanti ta' ishma ammessi għan-negozjar fl-Awstralja.

    (25)

    Din id-Deċiżjoni se tkun komplementata minn arranġamenti ta' kooperazzjoni biex jiġi żgurat l-iskambju effettiv tal-informazzjoni u l-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji bejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-ASIC.

    (26)

    Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti relatati mas-swieq finanzjarji applikabbli fl-Awstralja fiż-żmien tal-adozzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tkompli timmonitorja fuq bażi regolari l-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji għas-swieq regolati, l-iżviluppi fis-suq, l-effettività tal-kooperazzjoni superviżorja b'rabta mal-monitoraġġ u l-infurazar u s-sodisfar tal-kundizzjonijiet li fuq il-bażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni.

    (27)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni twettaq rieżami regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-swieq finanzjarji fl-Awstralja. Dan ikun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq rieżami speċifiku fi kwalunkwe ħin, meta żviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja li l-Kummissjoni tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija b'din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid tista' twassal għat-tħassir ta' din id-Deċiżjoni.

    (28)

    Minħabba li r-Regolament (UE) Nru 600/2014 u d-Direttiva 2014/65/UE japplikaw mit-3 ta' Jannar 2018, huwa neċessarju li din id-deċiżjoni tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (29)

    Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli.

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Għall-finijiet tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) Nru 600/2014, il-qafas legali u superviżorju fl-Awstralja applikabbli għas-swieq finanzjarji awtorizzati fiha, u kif stipulat fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni, għandu jitqies bħala ekwivalenti għar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-Direttiva 2014/65/UE, ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 u d-Direttiva 2004/109/KE u li huwa soġġett għal superviżjoni u infurzar effettivi.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Diċembru 2017.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)  ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

    (3)  Ir-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).


    ANNESS

    Swieq finanzjarji:

    (a)

    ASX Limited

    (b)

    Chi-X Awstralja Pty Ltd


    Top