Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2266

    Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2016/2266 tas-6 ta' Diċembru 2016 li tawtorizza lin-Netherlands japplikaw rata mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi

    ĠU L 342, 16.12.2016, p. 30–31 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2020

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2266/oj

    16.12.2016   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 342/30


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2016/2266

    tas-6 ta' Diċembru 2016

    li tawtorizza lin-Netherlands japplikaw rata mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-vetturi elettriċi

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta' Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta' enerġija u elettriku (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fid-29 ta' Marzu 2016 in-Netherlands talbu l-awtorizzazzjoni biex japplikaw, f'konformitá l-Artikolu 19(1) tad-Direttiva 2003/96/KE, rata mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi. Fuq talba tal-Kummissjoni, in-Netherlands ipprovdew informazzjoni addizzjonali fis-6 ta' April, l-20 ta' Ġunju u t-18 ta' Awwissu 2016.

    (2)

    Ir-rata mnaqqsa ta' tassazzjoni għandha l-għan li tippromwovi l-użu tal-vetturi elettriċi billi tnaqqas l-ispiża tal-elettriku użat biex iħaddem dawn il-vetturi.

    (3)

    L-użu ta' vetturi elettriċi jevita l-emissjonijiet ta' sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-kombustjoni ta' petrol u diżil jew karburanti fossili oħrajn u għaldaqstant jikkontribwixxi għal titjib fil-kwalità tal-arja fl-ibliet. Barra minn hekk, l-użu ta' vetturi elettriċi jista' wkoll inaqqas l-emissjonijiet ta' CO2 fejn l-elettriku użat ikun prodott minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Il-miżura għalhekk hija mistennija li tagħti kontribut lgħall-objettivi tal-politiki ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

    (4)

    In-Netherlands talbet b'mod espliċitu li r-rata mnaqqsa ta' tassazzjoni tkun applikata għall-elettriku pprovdut lil vetturi elettriċi kemm għall-użu kummerċjali kif ukoll għall-użu mhux kummerċjali u li l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar li mhumiex aċċessibbli għall-pubbliku jkunu koperti wkoll.

    (5)

    In-Netherlands talbu li r-rata mnaqqsa tat-tassazzjoni fuq l-elettriku tapplika biss għall-istazzjonijiet tal-iċċarġjar fejn l-elettriku jintuża biex tiġi ċċarġjata vettura elettrika direttament u li ma tapplikax għall-elettriku pprovdut permezz ta' skambju ta' batteriji.

    (6)

    Rata mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi permezz ta' stazzjonijiet tal-iċċarġjar ittejjeb il-prospettivi kummerċjali għal stazzjonijiet tal-iċċarġjar aċċessibbli għall-pubbliku fin-Netherlands, li għandu jwassal biex l-użu ta' karozzi elettriċi ikun attraenti u jirriżulta f'titjib fil-kwalità tal-arja.

    (7)

    Meta wieħed iqis in-numru limitat ta' vetturi elettriċi u l-fatt li l-livell ta' tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi permezz ta' stazzjonijiet tal-iċċarġjar ser ikunu ogħla mil-livell minimu ta' tassazzjoni għall-użu kummerċjali stipulat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE, mhuwiex probabbli il-miżura twassal għal distorsjonijiet fil-konkorrenza matul il-perijodu li tkun fis-seħħ u għaldaqstant mhijiex ser taffettwa ħażin il-funzjonament tajjeb tas-suq intern.

    (8)

    Il-livell ta' tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut lill-vetturi elettriċi permezz ta' stazzjonijiet tal-iċċarġjar li mhumiex għall-użu kummerċjali ser ikun ogħla mil-livell minimu ta' tassazzjoni għall-użu mhux kummerċjali stipulat fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE.

    (9)

    F'konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, kull awtorizzazzjoni mogħtija taħt l-Artikolu 19(1) ta' dik id-Direttiva għandu jkollha żmien strettament limitat. In-Netherlands talbu li l-awtorizzazzjoni tingħata għal erba' snin sabiex ikun żgurat li l-perjodu ta' awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed biex l-operaturi ekonomiċi ma jaqtgħux qalbhom milli jagħmlu l-investimenti meħtieġa.

    (10)

    Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    In-Netherlands huma awtorizzati japplikaw rata mnaqqsa ta' tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut lill-istazzjonijiet tal-iċċarġjar direttament użat għall-iċċarġjar ta' vetturi elettriċi, minbarra dawk l-istazzjonijiet tal-iċċarġjar għall-iskambju ta' batteriji għall-vetturi elettriċi, dment li l-livelli minimi ta' tassazzjoni stipulati fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2003/96/KE jiġu rrispettati.

    Artikolu 2

    Għall-finijiet ta' din id-Deċiżjoni, għandha tapplika d-definizzjoni ta' “vettura elettrika” stabbilita fil-punt (2) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2).

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tkun applikabbli mill-1 ta' Jannar 2017 sal-31 ta' Diċembru 2020.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tan-Netherlands.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta' Diċembru 2016.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    P. KAŽIMÍR


    (1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.

    (2)  Id-Direttiva 2014/94/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar l-installazzjoni ta' infastruttura tal-karburanti alternattivi (ĠU L 307, 28.10.2014, p. 1).


    Top