Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32014D0759

    2014/759/UE: Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tad- 29 ta' Ottubru 2014 li temenda l-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE fir-rigward tar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għat- Trichinella fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-laħam li ġejjin minn annimali porċini domestiċi (notofikata bid-dokument C(2014) 7921) Test b'rilevanza għaż-ŻEE

    ĠU L 311, 31.10.2014, p. 78–79 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32020R0692

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2014/759/oj

    31.10.2014   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 311/78


    DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-29 ta' Ottubru 2014

    li temenda l-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE fir-rigward tar-rekwiżiti dwar is-saħħa tal-annimali għat-Trichinella fil-mudell taċ-ċertifikat veterinarju għal importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-laħam li ġejjin minn annimali porċini domestiċi

    (notofikata bid-dokument C(2014) 7921)

    (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

    (2014/759/UE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2002/99/KE tas-16 ta' Diċembru 2002 li tistabbilixxi r-regoli sanitarji għall-annimali u li jiddeterminaw il-produzzjoni, l-ipproċessar, id-distribuzzjoni u l-introduzzjoni ta' prodotti li joriġinaw mill-annimali u li huma għall-konsum uman (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(4) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE (2) tistipula, inter alia, il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta' ċerti prodotti tal-laħam. Din tistipula li għandhom jiġu importati fl-Unjoni biss kunsinni ta' prodotti tal-laħam li huma konformi mar-rekwiżiti tal-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika stabbiliti fl-Anness III ta' dik id-Deċiżjoni. Dan il-mudell jinkludi garanziji fir-rigward tat-Trichinella.

    (2)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2075/2005 (3) jistabbilixxi regoli għall-kampjunar ta' karkassi ta' speċijiet suxxettibbli għal infezzjonijiet tat-Trichinella u għad-determinazzjoni tal-istatus ta' rziezet li fihom jinżammu majjali domestiċi.

    (3)

    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 216/2014 (4) li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2075/2005 jagħti deroga mid-dispożizzjonijiet tal-ittestjar fil-ħin tal-qatla lil irziezet li huma uffiċjalment rikonoxxuti bħala li qed japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) Nru 216/2014 jistabbilixxi li rziezet li fihom jinżammu majjali domestiċi jistgħu biss jiġu rikonoxxuti bħala li qed japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni jekk, inter alia, l-operatur tan-negozju tal-ikel jintroduċi majjali domestiċi ġodda f'dawn l-irziezet biss jekk dawn ikunu ġejjin minn irziezet oħra li huma rikonoxxuti b'mod uffiċjali bħala li qegħdin japplikaw kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni.

    (4)

    Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE għandu jiġi emendat biex jirrifletti r-rekwiżiti relatati mal-importazzjoni ta' prodotti tal-laħam li huma stipulati fir-Regolament (KE) Nru 2075/2005, kif emendat bir-Regolament (UE) Nru 216/2014.

    (5)

    Għalhekk id-Deċiżjoni 2007/777/KE għandha tiġi emendata skont dan.

    (6)

    Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-importazzjonijiet lejn l-Unjoni ta' kunsinni ta' prodotti tal-laħam minn annimali porċini domestiċi, l-użu taċ-ċertifikati maħruġa skont il-verżjoni tad-Deċiżjoni 2007/777/KE ta' qabel ma ġew introdotti fiha l-emendi b'din id-Deċiżjoni għandu jkun awtorizzat matul perjodu tranżitorju, soġġett għal ċertu kundizzjonijiet.

    (7)

    Il-miżuri stipulati f'din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-mudell taċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Il-punt II.2.3.1. huwa mibdul b'dan li ġej:

    jew

    (2)[II.2.3.1.

    il-prodotti tal-laħam ġew mil-laħam ta' annimali porċini domestiċi li jew kien soġġett għal eżami tat-trichinosis b'riżultati negattivi jew kien soġġett għal trattament ta' tkessieħ skont ir-Regolament (KE) Nru 2075/2005;]

    jew

    (2)(6)[II.2.3.1.

    il-prodotti tal-laħam ġew mil-laħam ta' annimali porċini domestiċi li jew ġej minn annimali porċini domestiċi li ġejjin minn razzett rikonoxxut uffiċjalment bħala li qed japplika kundizzjonijiet ikkontrollati ta' sistemazzjoni b'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 2075/2005, jew minn annimali porċini domestiċi li mhumiex miftuma u li għandhom età ta' inqas minn 5 ġimgħat;]”

    (2)

    fil-Parti II tan-Noti, in-nota ta' qiegħ il-paġna li ġejja hija miżjuda wara n-nota ta' qiegħ il-paġna (5):

    “(6)

    Applikabbli biss għall-pajjiżi bl-annotazzjoni ‘K’ fil-kolonna ‘SG’ tal-Parti 1 tal-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 206/2010.”

    Artikolu 2

    Għal perjodu tranżitorju sal-31 ta' Marzu 2015, jistgħu jkomplu jiddaħħlu fl-Unjoni kunsinni ta' prodotti tal-laħam akkumpanjati miċ-ċertifikat rilevanti maħruġ mhux aktar tard mill-1 ta' Marzu 2015 b'konformità maċ-ċertifikat tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika stabbilit fl-Anness III tad-Deċiżjoni 2007/777/KE fil-verżjoni tiegħu qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta' Ottubru 2014.

    Għall-Kummissjoni

    Tonio BORG

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 18, 23.1.2003, p. 11.

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/777/KE tad-29 ta' Novembru 2007 li tistipula l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u tas-saħħa pubblika kif ukoll il-mudelli taċ-ċertifikati għall-importazzjonijiet ta' ċerti prodotti tal-laħam u tal-istonku, il-bżieżaq tal-awrina u l-imsaren ittrattati għall-konsum mill-bniedem minn pajjiżi terzi u li tirrevoka d-Deċiżjoni 2005/432/KE (ĠU L 312, 30.11.2007, p. 49).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2075/2005 tal-5 ta' Diċembru 2005 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 338, 22.12.2005, p. 60).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 216/2014 tas-7 ta' Marzu 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2075/2005 li jistabbilixxi regoli speċifiċi dwar kontrolli uffiċjali għat-Trichinella fil-laħam (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 85).


    Top