Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R1371

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1371/2011 tal- 21 ta’ Diċembru 2011 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 961/2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima Test b’relevanza għaż-ŻEE

ĠU L 341, 22.12.2011, p. 41–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 01/04/2012; Imħassar b' 32012R0284

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2011/1371/oj

22.12.2011   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/41


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1371/2011

tal-21 ta’ Diċembru 2011

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 961/2011 li jimponi kundizzjonijiet speċjali dwar l-importazzjoni ta’ għalf u ikel li joriġina jew ġej mill-Ġappun wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima

(Test b’relevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 53(1)(b)(ii) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 53 tar-Regolament (KE) Nru 178/2002 jipprevedi l-possibbiltà li jiġu adottati miżuri ta’ emerġenza tal-Unjoni xierqa għall-ikel u l-għalf importati minn pajjiż terz biex titħares is-saħħa pubblika, is-saħħa tal-annimali jew l-ambjent, u dan meta r-riskju ma jistax jiġi kkontrollat b’mod sodisfaċenti permezz ta’ miżuri li jittieħdu mill-Istati Membri individwalment.

(2)

Wara l-aċċident fl-impjant nukleari ta’ Fukushima fil-11 ta’ Marzu 2011, il-Kummissjoni ġiet infurmata li l-livelli tar-radjonuklidi f’ċerti prodotti tal-ikel li joriġinaw mill-Ġappun bħall-ħalib u l-ispinaċi jaqbżu l-livelli ta’ azzjoni fl-ikel applikabbli fil-Ġappun. Kontaminazzjoni bħal din tista’ tikkostitwixxi theddida għas-saħħa pubblika u tal-annimali fl-Unjoni u għalhekk ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 961/2011 (2) ġie adottat.

(3)

L-awtoritajiet Ġappuniżi jimmonitorjaw il-preżenza tar-radjuattività fl-għalf u fl-ikel u jista’ jiġi osservat mir-riżultati analitiċi tar-radjuattività li ċertu għalf u ikel fil-prefetturi qrib l-impjant nukleari ta’ Fukushima qed ikompli jkun hemm livelli ta’ radjuattività ‘l fuq mil-livelli massimi. Għalhekk huwa xieraq li tiġi estiża d-data ta’ applikabbiltà tal-miżuri bi tliet xhur addizzjonali.

(4)

Numru sinifikanti ta’ kampjuni meħuda mill-awtoritajiet Ġappuniżi tal-għalf u l-ikel prodotti fil-prefettura ta’ Nagano juri li l-produzzjoni tal-għalf u l-ikel f’dik il-prefettura hija affettwata biss sa limitu ristrett ħafna mill-aċċident tal-impjant nukleari ta’ Fukushima billi kampjun ta’ faqqiegħ wieħed biss minn iktar minn 1 800 kampjun ta’ għalf u ikel minn Nugano kellu livelli nonkonformi ta’ radjuattività. B’mod partikolari, kważi l-kampjuni kollha kellhom livelli imperċettibbli ta’ radjuattività u kienu biss ftit il-kampjuni li fihom instabu livelli sinifikanti ta’ radjuattività. Għaldaqstant, huwa xieraq li dik il-prefettura titneħħa miż-żona, fejn jinħtieġ l-ittestjar tal-għalf u l-ikel kollu li joriġina minn dawn il-prefetturi, qabel ma jiġi esportat lejn l-Unjoni.

(5)

Ir-riżultati analitiċi ta’ kontrolli ta’ importazzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri huma s’issa favorevoli ħafna u jindikaw li l-miżuri ta’ kontroll imposti fuq l-ikel u l-għalf għall-esportazzjoni fl-UE qed jiġu applikati b’mod korrett u effiċjenti mill-awtoritajiet Ġappuniżi. Għalhekk huwa xieraq li fir-reviżjoni li jmiss tal-miżuri jitqies tnaqqis fil-frekwenza tal-kontrolli tal-importazzjoni.

(6)

Minħabba li n-nofsħajja tal-jodju-131 hija qasira (madwar tmient ijiem) u billi l-ebda rilaxxi ġodda tal-jodju-131 fl-ambjent ma ġew irrapportati dan l-aħħar, il-preżenza tal-jodju-131 mhijiex osservata iktar fl-għalf u l-ikel jew fl-ambjent, Billi l-possibbiltà ta’ rilaxxi ġodda tal-jodju-131 huma minimi ħafna, huwa xieraq li ma jkunx hemm il-ħtieġa aktar li ssir l-analiżi għall-preżenza tal-jodju-131.

(7)

Biex jiġi ffaċilitat il-ħruġ tal-attestazzjonijiet, huwa xieraq li tiġi awtorizzata l-awtorità kompetenti biex taħtar istanza li hija awtorizzata biex tiffirma f’ċerti każijiet l-attestazzjonijiet skont l-awtorità u s-superviżjoni tal-awtorità kompetenti tal-Ġappun.

(8)

Huwa għalhekk xieraq li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 961/2011 jiġi emendat skont dan.

(9)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dispożizzjonijiet emendatorji

Ir-Regolament (UE) Nru 961/2011 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’li ġej:

“3.   Kull kunsinna ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1 għandha tkun akkumpanjata b’dikjarazzjoni, li tafferma li:

(a)

il-prodott inħasad u/jew ġie pproċessat qabel il-11 ta’ Marzu 2011, jew

(b)

il-prodott joriġina u hu konsenjat minn prefettura għajr dawk ta’ Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, jew

(c)

il-prodott ġie konsenjat mill-prefetturi ta’ Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, iżda ma joriġinax f’wieħed minn dawn il-prefetturi u ma ġiex espost għal radjuattività matul it-tranżitu, jew

(d)

fil-każ li l-prodott joriġina mill-prefetturi ta’ Fukushima, Gunma, Ibaraki, Tochigi, Miyagi, Yamanashi, Saitama, Tokyo, Chiba, Kanagawa u Shizuoka, il-prodott ma fihx livelli tar-radjonuklidi ċesju-134 u ċesju-137 li jaqbżu l-livelli massimi previsti fl-Anness II ta’ dan ir-Regolament.”

(2)

Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’li ġej:

“5.   Id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha titfassal skont il-mudell stabbilit fl-Anness I. Għall-prodotti msemmija fil-punti (a), (b) jew (c) tal-paragrafu 3, id-dikjarazzjoni għandha tkun iffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompetenti tal-Ġappun jew minn rappreżentant awtorizzat ta’ istanza awtorizzata mill-awtorità kompetenti tal-Ġappun taħt l-awtorità u s-superviżjoni tal-awtorità kompetenti. Għall-prodotti msemmija fil-punt (d) tal-paragrafu 3, id-dikjarazzjoni għandha tiġi ffirmata minn rappreżentant awtorizzat tal-awtorità kompententi tal-Ġappun u għandha tkun akkumpanjata minn rapport analitiku li fih ir-riżultati tal-ikkampjunar u l-analiżi.”

(3)

Fl-Artikolu 5, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’li ġej:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti tal-post ta’ spezzjoni fuq il-fruntiera jew tal-punt tad-dħul magħżul għandhom iwettqu:

(a)

kontrolli tad-dokumenti fuq il-kunsinni kollha ta’ prodotti msemmija fl-Artikolu 1, u

(b)

kontrolli fiżiċi u tal-identità, inkluża analiżi tal-laboratorju għall-preżenza ta’ ċesju-134 u ċesju-137, fuq minn tal-anqas:

10 % tal-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(3)(d) u

20 % tal-kunsinni tal-prodotti msemmija fl-Artikolu 2(3)(b) u (c)”.

(4)

Fl-Artikolu 10, it-tieni subparagrafu, id-data 31 ta’ Diċembru 2011 tinbidel bid-data 31 ta’ Marzu 2012.

(5)

L-Anness I jinbidel bit-test stipulat fl-Anness ma’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Diċembru 2011.

Għall-Kummissjoni

Il-President

José Manuel BARROSO


(1)  ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1.

(2)  ĠU L 252, 28.9.2011, p. 10.


ANNESS

“ANNESS I

Image

Test ta 'immaġni

Image

Test ta 'immaġni

Top