Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32009D0017

    2009/17/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad- 19 ta’ Diċembru 2008 dwar it-twaqqif tal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema

    ĠU L 8, 13.1.2009, p. 26–28 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (HR)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 25/05/2021; Imħassar b' 32021D0609(01)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2009/17(2)/oj

    13.1.2009   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

    L 8/26


    DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI

    tad-19 ta’ Diċembru 2008

    dwar it-twaqqif tal-Kumitat ta’ Esperti dwar l-Istazzjonar tal-Ħaddiema

    (2009/17/KE)

    IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 1996 dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, timponi obbligi ċari fir-rigward tal-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet nazzjonali, u titfa’ r-responsabbiltà li jinħolqu l-kundizzjonijiet meħtieġa għal kooperazzjoni bħal din fuq l-Istati Membri. Barra minn hekk, din id-Direttiva tistabbilixxi obbligu ċar għall-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri xierqa ħalli t-tagħrif dwar it-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg ikun ġeneralment disponibbli, mhux biss lill-fornituri tas-servizzi barranin, iżda wkoll lill-ħaddiema stazzjonati kkonċernati.

    (2)

    Fil-Komunikazzjoni tagħha lill-Kunsill, il-Parlament Ewropew, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni intitolata “L-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-għoti ta’ servizzi: li jiġu massimizzati l-benefiċċji u l-potenzjal tagħha filwaqt li tiggarantixxi l-protezzjoni tal-ħaddiema” (2) tat-13 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha biex tistabbilixxi Kumitat ta’ livell għoli sabiex ikun ta’ appoġġ u jassisti lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jiskambjaw prassi tajba, biex jiġi istituzzjonalizzat il-Grupp informali attwali ta’ Esperti tal-Gvern u biex jinvolvi b’mod formali l-imsieħba soċjali b’mod regolari.

    (3)

    Fir-Rakkomandazzjoni tagħha tat-3 ta’ April 2008 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva msaħħa fil-kuntest tal-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni ta’ servizzi (3), il-Kummissjoni wriet li l-Istati Membri għandhom jipparteċipaw b’mod attiv fi proċess sistematiku u formali ta’ identifikazzjoni u skambju ta’ prassi tajba fil-qasam tal-impjieg ta’ ħaddiema permezz ta’ kwalunkwe forum ta’ kooperazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni għal dak il-għan.

    (4)

    Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2008 stiednu lill-Kummissjoni biex tistituzzjonalizza l-grupp informali dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema billi twaqqaf kumitat ta’ esperti.

    (5)

    Il-Kumitat li se jitwaqqaf għandu, skont l-istess deċiżjonijiet tal-Kunsill, jinvolvi ruħu mal-awtoritajiet pubbliċi responsabbli għal kontroll, bħal spettorati tal-impjiegi, kif ukoll, f’livelli xierqa u f’konformità mal-liġi u l-prassi nazzjonali, jinvolvi l-imsieħba soċjali b’mod formali u regolari, b’mod partikolari rappreżentanti tal-imsieħba soċjali fis-setturi b’inċidenza għolja ta’ rikors għall-ħaddiema stazzjonati.

    (6)

    Huwa għalhekk meħtieġ li jitwaqqaf Kumitat ta’ esperti fil-qasam tal-istazzjonar tal-ħaddiema u li jiġu definiti l-ħidmiet tiegħu, ir-responsabbiltajiet u l-istruttura.

    (7)

    Il-Kumitat ta’ esperti għandu, inter alia, jagħti appoġġ u jassisti lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jiskambjaw prassi tajba, jippromwovi skambju ta’ informazzjoni rilevanti, jeżamina kwalunkwe mistoqsija u diffikultà li tista’ tinqala’ fl-applikazzjoni prattika tal-leġiżlazzjoni tal-istazzjonar tal-ħaddiema, kif ukoll l-infurzar tiegħu fil-prattika, u jsegwi mill-qrib il-progress miksub fit-titjib kemm tal-aċċess għal informazzjoni u tal-kooperazzjoni amministrattiva, inkluż l-iżvilupp ta’ sistema possibbli elettronika ta’ skambju ta’ informazzjoni.

    (8)

    Il-Kumitat għandu jkun magħmul minn esperti li jirrappreżentaw l-awtoritajiet nazzjonali, li f’kull Stat Membru huma responsabbli għal, inkarigati jew involuti fl-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-monitoraġġ tar-regoli applikabbli għall-istazzjonar tal-ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta’ servizzi. Esperti bħal dawn għandhom ikunu kapaċi jirriflettu l-firxa sħiħa ta’ għarfien, kompetenzi u esperjenza madwar l-oqsma ta’ politika differenti kkonċernati. Skont il-liġi u l-prassi nazzjonali, awtoritajiet speċjalizzati responsabbli għall-kontroll ta’ leġiżlazzjoni, bħal spettorati tal-impjiegi, kif ukoll imsieħba soċjali, jistgħu jkunu rappreżentati fil-Kumitat.

    (9)

    Il-Kumitat għandu jinvolvi wkoll b’mod formali u regolari lill-imsieħba soċjali f’livell Ewropew, b’mod partikolari dawk li jirrappreżentaw setturi b’inċidenza ogħla ta’ rikors ta’ ħaddiema stazzjonati, bħal xogħol ta’ kostruzzjoni, xogħol temporanju f’aġenzija, xogħol ta’ forniment tal-ikel, agrikoltura u trasport. Il-Kumitat għandu jkun kapaċi wkoll joqgħod fuq il-kompetenza ta’ professjonisti b’kompetenzi speċifiċi dwar kwistjoni partikolari inkluża bħala suġġett tal-aġenda tiegħu.

    (10)

    Ir-Rappreżentanti tal-Istati EEA/EFTA, l-awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, il-pajjiżi ta’ adeżjoni u dawk kandidati u l-Iżvizzera għandu jkollhom permess biex jipparteċipaw bħala osservaturi.

    (11)

    Ir-regoli dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni mill-membri għandhom jiġu pprovduti, bla ħsara għar-regoli tal-Kummissjoni dwar is-sigurtà kif stabbilit fl-Anness għad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2001/844/KE, KEFA, Euratom (4).

    (12)

    Id-dejta personali relatata mal-membri għandha tkun ipproċessata b’konformità mar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment liberu ta’ din id-dejta (5).

    (13)

    L-ispejjeż maħruġa għandhom jiġu ffinanzjati skont id-Deċiżjoni Nru 1672/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 2006 li tistabbilixxi Programm Komunitarju għall-Impjiegi u għas-Solidarjetà Soċjali – Progress (6),

    IDDEĊIDIET KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Kumitat espert imsemmi “Il-Kumitat ta’ Esperti dwar l-istazzjonar tal-ħaddiema”, minn hawn ‘il quddiem imsejjaħ “il-Kumitat”, hu b’dan imwaqqaf.

    Artikolu 2

    Ħidmiet

    Ix-xogħol tal-Kumitat għandu jkun li:

    (1)

    jagħti appoġġ u jassisti lill-Istati Membri biex jidentifikaw u jippromwovu l-iskambju ta’ esperjenza u prassi tajba;

    (2)

    jippromwovi l-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti, inkluża l-informazzjoni dwar il-forom eżistenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva (bilaterali) bejn l-Istati Membri u/jew l-imsieħba soċjali;

    (3)

    jeżamina kwalunkwe mistoqsija, diffikultà u kwistjonijiet speċifiċi li jistgħu jinqalgħu dwar l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni prattika tad-Direttiva 96/71/KE jew il-miżuri nazzjonali ta’ implimentazzjoni, kif ukoll l-infurzar tagħhom fil-prattika;

    (4)

    jeżamina kwalunkwe diffikultajiet li jistgħu jinqalgħu fl-applikazzjoni tal-Artikolu 3 (10) tad-Direttiva 96/71/KE;

    (5)

    jagħmel monitoraġġ tal-progress miksub fit-titjib kemm ta’ informazzjoni u ta’ kooperazzjoni amministrattiva, u f’dak il-kuntest, inter alia, jevalwa l-għażliet differenti għal appoġġ tekniku xieraq għall-iskambju ta’ informazzjoni meħtieġa biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva, inkluża s-sistema elettronika ta’ skambju ta’ informazzjoni;

    (6)

    jeżamina possibbiltajiet biex tiżdied il-konformità effettiva ma’, u l-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-ħarsien tal-pożizzjoni tagħhom, jekk meħtieġ;

    (7)

    jinvolvi ruħu f’eżami fil-fond ta’ problemi prattiċi ta’ infurzar transkonfinali, sabiex isolvi problemi eżistenti, itejjeb l-applikazzjoni prattika ta’ strumenti legali eżistenti kif ukoll itejjeb l-għajnuna reċiproka bejn l-Istati Membri, jekk meħtieġ.

    Artikolu 3

    Sħubija – Ħatra

    1.   Kull Stat Membru għandu jaħtar żewġ rappreżentanti lill-Kumitat. Jistgħu jaħtru wkoll żewġ sostituti.

    Waqt li jaħtru r-rappreżentanti tagħhom, l-Istati Membri għandhom jinvolvu lill-awtoritajiet pubbliċi, bħal spettorati tal-impjiegi, responsabbli għall-kontroll tal-leġiżlazzjoni applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati. Dawn jistgħu wkoll, f’konformità mal-liġi u/jew prassi nazzjonali, jinvolvu l-imsieħba soċjali.

    2.   Rappreżentanti taż-żewġ naħat tal-industrija f’livell Komunitarju, kif ukoll rappreżentanti tal-imsieħba soċjali fis-setturi b’inċidenza għolja ta’ rikors għall-ħaddiema stazzjonati, jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kumitat bħala osservaturi, skont il-proċeduri stabbiliti mill-organizzazzjonijiet u l-Kummissjoni.

    Ir-rappreżentanti għandhom jinħatru mill-Kummissjoni, li taġixxi fuq proposta mill-imsieħba soċjali rilevanti fuq il-livell Komunitarju jew settorali.

    Dan il-grupp ta’ osservaturi għandu jiġbor fih massimu ta’ 20 membru magħmul kif ġej:

    ħames membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem fuq il-livell Komuntarju,

    ħames membri li jirrappreżentaw l-organizzazzjonijiet tal-ħaddiema fuq il-livell Komuntarju,

    massimu ta’ 10 rappreżentanti tal-imsieħba soċjali (maqsuma b’mod ugwali bejn l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u l-ħaddiema) f’setturi b’inċidenza għolja ta’ rikors għall-ħaddiema stazzjonati.

    3.   Ir-Rappreżentanti tal-Istati EEA/EFTA, l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, il-pajjiżi tal-adeżjoni u dawk kandidati u l-Iżvizzera jistgħu jattendu l-laqgħat b’mod ugwali tal-Kumitat bħala osservaturi.

    4.   L-ismijiet tal-membri jinġabru, jiġu pproċessati u ppubblikati skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

    Artikolu 4

    Il-ħidma

    1.   Il-Kummissjoni jkollha l-presidenza tal-Kumitat.

    2.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, jistgħu jitwaqqfu sottogruppi biex jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi skont it-termini ta’ referenza stabbiliti mill-Kumitat. Kif jintemm il-mandat tagħhom, it-tali sottogruppi għandhom jiġu xolti.

    3.   Bi ftehim mal-Kummissjoni, esperti, li jistgħu jinkludu rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali b’kompetenza speċifika f’suġġett li jkun qed jiġi diskuss, jistgħu jkunu mistiedna fuq bażi ta’ każ b’każ biex jipparteċipaw fid-deliberazzjonijiet tal-Kumitat jew tas-sottogrupp jekk dan ikun utli u/jew neċessarju.

    4.   Il-Kumitat u s-sottogruppi tiegħu għandhom normalment jiltaqgħu fl-istabbilimenti tal-Kummissjoni skont il-proċeduri u l-iskeda stabbilita. Dan jista’ jintalab biex jiltaqa’ f’postijiet oħra, b’mod partikolari fuq proposta minn Stat Membru li jixtieq jilqa’ lill-Kumitat jew lil wieħed mis-sottogruppi tiegħu b’konnessjoni ma’ avveniment ta’ interess partikolari għall-Kumitat, is-sottogrupp(i) tiegħu jew dak l-Istat Membru.

    Il-Kummissjoni għandha tipprovdi s-servizzi segretarjali. Uffiċjali oħrajn tal-Kummissjoni li għandhom interess speċifiku fil-proċeduri jistgħu jattendu l-laqgħat tal-Kumitat u s-sottogruppi tiegħu.

    5.   Il-Kumitat għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu abbażi tar-regoli standard ta’ proċeduri adottati mill-Kummissjoni.

    6.   L-informazzjoni miksuba permezz tal-parteċipazzjoni fid-deliberazzjonijiet tal-Kumitat jew ta’ sottogrupp għandha tinżamm mistura jekk, fil-fehma tal-Kummissjoni, dik l-informazzjoni tittratta kwistjonijiet kunfidenzjali.

    7.   Il-Kummissjoni tista’ tippubblika fuq l-Internet, fil-lingwa oriġinali tad-dokument ikkonċernat, kull sommarju, konklużjoni jew konklużjoni parzjali jew dokument ta’ ħidma tal-Kumitat.

    Artikolu 5

    Rimborż tal-ispejjeż

    L-ispejjeż tal-vjaġġ u, fejn meħtieġ, tal-għajxien imħallsa għall-membri, l-osservaturi u l-esperti mistiedna b’konnessjoni mal-attivitajiet tal-Kumitat għandhom jiġu rimborżati mill-Kummissjoni f’konformità mar-regoli tal-Kummissjoni dwar il-kumpens għal esperti esterni.

    Il-membri, l-osservaturi u l-esperti mistiedna mhumiex se jitħallsu għas-servizzi li jagħtu.

    Il-ħtiġijiet għar-riżorsi umani u amministrattivi għandhom jiġu koperti fi ħdan l-allokazzjoni li tista’ tingħata lid-Direttorat Ġenerali ta’ immaniġġjar fil-qafas tal-proċedura ta’ allokazzjoni annwali fid-dawl tar-restrizzjonijiet tal-baġit.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mill-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Brussell, 19 ta’ Diċembru 2008.

    Għall-Kummissjoni

    Vladimír ŠPIDLA

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.

    (2)  COM(2007) 304 finali.

    (3)  ĠU C 85, 4.4.2008, p. 1.

    (4)  ĠU L 317, 3.12.2001, p. 1.

    (5)  ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1.

    (6)  ĠU L 315, 15.11.2006, p. 1.


    Top