Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32007R1550

Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1550/2007 ta’ l- 20 ta’ Diċembru 2007 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 796/2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa

ĠU L 337, 21.12.2007, p. 79–84 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2009

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2007/1550/oj

21.12.2007   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea

L 337/79


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (KE) Nru 1550/2007

ta’ l-20 ta’ Diċembru 2007

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 796/2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ sostenn dirett taħt il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ sostenn għall-bdiewa

IL-KUMMISSJONI TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ,

Wara li kkunsidrat it-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 145 (ċ), (da), (l), (m), (n) u (p) tiegħu,

Billi:

(1)

Fir-rapport tagħha lill-Kunsill (2) dwar l-applikazzjoni tas-sistema tal-kundizzjonalità, il-Kummissjoni identifikat numru ta’ aspetti li jistgħu jittejbu sabiex is-sistema ssir aktar effiċjenti u sabiex ir-regoli li jirregolaw din l-implimentazzjoni jiġu ssimplifikati. Sabiex jiddaħħal fis-seħħ dan it-titjib, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 (3) għandu jiġi emendat f’diversi aspetti.

(2)

L-Artikolu 143bb tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 jipprovdi għal pagament separat għall-frott u l-ħaxix fl-Istati Membri li japplikaw l-iskema ta’ pagament uniku għaż-żona kif provdut fl-Artikolu 143b ta’ l-istess Regolament. Minħabba n-natura tiegħu, dan il-pagament m’għandux x’jaqsam maż-żona agrikola. Għaldaqstant, il-provvedimenti li għandhom x’jaqsmu ma’ l-applikazzjoni waħdanija skond ir-Regolament (KE) Nru 796/2004 ma japplikawx għal dik l-iskema ta’ pagament. B’hekk, it-tifsira ta’ l-iskemi ta’ għajnuna relatati maż-żona għandha tiġi emendata kif xieraq u għandu jsir provvediment għal proċedura ta’ applikazzjoni xierqa.

(3)

Id-dispożizzjonijiet rigward il-pagament għaz-zokkor kif provduti fil-Kapitolu 10e tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 m’għadhomx jgħoddu u għandhom jitħassru.

(4)

Id-data għall-iffissar tal-proporzjon ta’ mergħa permanenti li għandha tinżamm fil-livell ta’ l-Stati Membri għandha tiġi stabbilita għall-Bulgarija u r-Rumanija. Għandha wkoll tiġi pprovduta l-aħħar data sa meta t-tagħrif dwar dan il-proporzjon għandu jiġi mgħarraf lill-Kummissjoni.

(5)

Wara l-introduzzjoni tal-pagament tranżitorju għall-frott u l-ħaxix kif provdut fil-Kapitolu 10 g tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u tal-pagament tranżitorju għall-frott artab kif provdut fil-Kapitolu 10h ta’ l-istess Regolament, ir-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandu jiġi emendat f’dak li għandu x’jaqsam mal-proċedura ta’ l-applikazzjoni.

(6)

Wara l-introduzzjoni ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni u d-diżakkoppjament tal-pagament relatat maż-żona, m’għadux meħtieġ li l-verifiki fuq il-post għal dawk il-pagamenti ma jkunux imħabbra fil-każijiet kollha. Irid jiġi ċċarat ukoll meta m’għandhomx jitħabbru verifiki fuq il-post dwar il-konformità [kundizzjonalità], partikularment sabiex jiġi evitat il-ħabi ta’ nuqqas ta’ konformità jew ta’ irregolarità.

(7)

L-esperjenza wriet li hemm bżonn ta’ iktar flessibbiltà meta tintlaħaq ir-rata minima ta’ kontroll għall-verifiki għall-konformità. L-Istat Membru għandu jkollu l-għażla li jilħaq ir-rata minima mhux biss fil-livell ta’ l-awtorità kompetenti ta’ kontroll imma wkoll fil-livell ta’ l-aġenzija tal-ħlas jew fil-livell ta’ att jew standard jew ta’ grupp ta’ atti jew ta’ standards. Barra minn hekk, meta kampjun ikollu jitwessa’ iktar mir-rata minima ta’ kontroll wara li jinstab numru kbir ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, dik l-estensjoni għandha tkun immirata lejn l-atti u l-istandards ikkonċernati u mhux lejn iż-żona kollha suġġetta għall-konformità. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet rilevanti fir-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandhom jiġu emendati kif inhu xieraq.

(8)

Barra minn hekk, l-esperjenza wriet li l-għażla ta’ kampjun ta’ kontroll għall-verifiki fuq il-post tista’ titjieb jekk tħalli 'l dan il-kampjun jintgħażel mhux biss fil-livell ta’ l-awtorità kompetenti ta’ kontroll imma wkoll fil-livell ta’ l-aġenzija tal-ħlas jew għal kull att jew standard.

(9)

L-eżistenza ta’ rati ta’ kontroll li jvarjaw kif provdut fil-leġiżlazzjoni speċifika dwar il-kontroll tal-konformità tagħmilha aktar bi tqila għall-Istati Membri li jorganizzaw il-kontrolli. Għaldaqstant, għandha tiddaħħal rata waħda ta’ kontroll għal verifiki fuq il-post għall-konformità. Minkejja dan, kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ konformità li jinstab matul il-verifiki fuq il-post skond il-leġiżlazzjoni settorjali għandu jiġi rrappurtat u segwit skond il-konformità.

(10)

It-teħid ta’ kampjuni ta’ verifiki fuq il-post għall-konformità jista’ jitjieb billi titqies fl-analiżi tar-riskju l-parteċipazzjoni tal-bdiewa fis-sistema konsultattiva għar-rziezet [azjendi agrikoli] kif provduta fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, flimkien mal-parteċipazzjoni tagħhom f’sistemi ta’ ċertifikazzjoni relevanti. Madanakollu, meta titqies dik il-parteċipazzjoni għandu jintwera li l-bdiewa li qed jieħdu sehem f’dawk l-iskemi jirrappreżentaw riskju iżgħar minn dawk li ma jkunux qed jieħdu sehem fihom.

(11)

Biex tiżgura element ta’ kwalità rappreżentattiva fil-kampjun li ser jingħażel għall-verifiki fuq il-post għall-konformità, ċerta parti mill-kampjun għandha tingħażel b’mod każwali. F’każ li n-numru ta’ verifiki fuq il-post għall-konformità jiżdied, għandu wkoll ikun jista’ jiżdied il-perċentwal tal-bdiewa li jintgħażlu b’mod każwali għal dawk il-verifiki.

(12)

Sabiex ikun possibbli wkoll li l-verifiki fuq il-post għall-konformità jinbdew kemm jista’ jkun kmieni fis-sena, anke qabel ma l-informazzjoni kollha dwar il-formoli ta’ l-applikazzjoni tkun disponibbli, l-għażla parzjali tal-kampjun ta’ kontroll, ibbażata fuq l-informazzjoni diġà disponibbli, għandha tkun possibbli.

(13)

Ġeneralment, il-verifiki fuq il-post għall-konformità jkunu jeħtieġu numru ta’ żjajjar fl-istess razzett. Il-verifiki jistgħu jkunu limitati għal żjara waħda ta’ kontroll sabiex jitnaqqas il-piż tagħhom fuq il-bdiewa u l-amministrazzjonijiet. Iż-żmien meta tkun se ssir dik iż-żjara għandu jiġi ċċarat. Minkejja dan, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li verifika rappreżentattiva u effettiva tal-ħtiġijiet u l-istandards li jkun għad iridu jiġu vverifikati titwettaq fl-istess sena kalendarja.

(14)

Rigward verifiki fuq il-post għall-kriterji ta’ eliġibbiltà, ġie ppruvat li l-possibbiltà li verifiki jkunu limitati għal kampjun miż-żona li trid tiġi vverifikata hija effettiva. Għaldaqstant jixraq li din il-possibbiltà titwessa’, għall-verifiki fuq il-post għall-konformità, fejn dan huwa l-każ. Madanakollu, meta l-verifika tal-kampjun tikxef każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, il-kampjun li jkun ġie vverifikat għandu jitwessa’. Dan il-prinċipju għandu japplika wkoll fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-att u l-istandard tipprovdi għal dan it-tip ta’ verifika.

(15)

Sabiex il-verifiki fuq il-post jiġu ssimplifikati u sabiex il-ħiliet ta’ kontroll eżistenti jintużaw aħjar, għandu jkun provdut li verifiki fil-livell tar-rziezet ikunu mibdula permezz ta’ verifiki amministrattivi jew verifiki fil-livell ta’ l-obbligi, meta l-effettività tal-kontrolli hija ta’ l-inqas daqs dik milħuqa meta l-verifiki jkunu mwettqa fuq il-post.

(16)

Barra minn hekk, għandu jkun possibbli wkoll għal Stat Membru li juża indikaturi oġġettivi speċifiċi għal ċerti ħtiġijiet jew standards meta jsiru l-verifiki fuq il-post. Dawk l-indikaturi għandhom ikunu marbutin direttament mal-ħtiġijiet jew l-istandards li jirrappreżentaw u għandhom ikopru l-aspetti kollha li jridu jiġu vverifikati.

(17)

L-Artikolu 66 tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 jipprovdi li t-tnaqqis possibbli wara li jiġi stabbilit każ ta’ nuqqas ta’ konformità ser jibda japplika fl-istess sena kalendarja li fiha tiddaħħal l-applikazzjoni. Naturalment, il-verifika fuq il-post għandha titwettaq fl-istess sena li fiha tkun iddaħħlet l-applikazzjoni. Dan għandu jkun iċċarat fir-Regolament (KE) Nru 796/2004.

(18)

Il-bdiewa għandhom jiġu mgħarrfa dwar xi nuqqas ta’ konformità li jkun stabbilit wara verifika fuq il-post. Huwa xieraq li jkun hemm provvediment għal ċertu perjodu ta’ żmien limitat li fih il-bdiewa għandhom jirċievu din l-informazzjoni. Madanakollu, anke jekk jinqabeż dan il-limitu ta’ żmien, il-bdiewa kkonċernati ma għandhomx id-dritt li jevitaw il-konsegwenzi normali ta’ dik in-nuqqas ta’ konformità stabbilita.

(19)

Id-dispożizzjonijiet attwali dwar it-tnaqqis li għandu jiġi applikat f’sitwazzjoni ta’ każijiet ripetuti ta’ nuqqas ta’ konformità, ma jqisux l-andament għall-aħjar jew għall-agħar tan-nuqqas ta’ konformità ripetut. Sabiex jinkuraġġixxi t-titjib u jipprova jwaqqaf is-sitwazzjoni milli tmur għall-agħar, il-perċentwal li għandu jiġi ffissat u mmultiplikat bil-fattur ta’ tlieta għall-ewwel repetizzjoni għandu jqis dawn il-bidliet.

(20)

L-introduzzjoni ta’ l-iskemi ta’ għajnuna ġodda għal pagamenti diretti teħtieġ tiġdid tar-referenzi għal-livelli massimi baġitarji msemmija fl-Artikolu 71a tar-Regolament (KE) Nru 796/2004.

(21)

F’ċerti każijiet, intitolamenti mogħtija bi żball jikkorrispondu għal ammonti żgħar ħafna u jkun meħtieġ piż amministrattiv sostanzjali biex jerġgħu jinkisbu. Fid-dawl tas-simplifikazzjoni u tal-bilanċ bejn il-piż amministrattiv u l-ammont li jrid jerġa’ jinkiseb, hija ġustifikata l-introduzzjoni ta’ ammont minimu li jwassal għall-kisba mill-ġdid ta’ dan l-ammont.

(22)

L-emendi pprovduti f’dan ir-Regolament jikkonċernaw l-applikazzjonijiet għall-għajnuna relatati mas-snin jew perjodi ta’ primjums li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2008. Għalhekk, dan ir-Regolament għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2008.

(23)

Ir-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandu għalhekk jiġi emendat kif xieraq.

(24)

Il-miżuri pprovduti f’dan ir-Regolament huma konformi ma’ l-opinjoni tal-Kumitat ta’ Ġestjoni għall-Pagamenti Diretti,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 796/2004 għandu jiġi emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

Il-punt 12 jinbidel b’dan li ġej:

“(12)

‘Skemi ta’ għajnuna relatati maż-żona’: għandha tfisser l-iskema ta’ ħlas waħdieni, il-ħlas tal-ħops lill-gruppi ta’ produtturi magħrufa, imsemmi fit-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 68a tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u l-iskemi ta’ għajnuna kollha mwaqqfa taħt it-Titoli IV u IVa ta’ dak ir-Regolament, ħlief dawk stabbiliti taħt il-Kapitoli 7, 10f, 11 u 12 ta’ dak it-Titolu IV, ħlief il-pagament separat għaz-zokkor stabbilit fl-Artikolu 143b(a) ta’ dak ir-Regolament u ħlief għall-pagament separat għall-frott u l-ħaxix stabbilit fl-Artikolu 143bb ta’ dak ir-Regolament;”

(b)

Il-punt 32 jinbidel b’dan li ġej:

“(32)

‘Att’: għandha tfisser kull waħda mid-Direttivi u r-Regolamenti individwali elenkati fl-Anness III tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003; iżda, id-Direttivi u r-Regolamenti elenkati fil-punti 7 u 8 ta’ l-Anness III ta’ dak ir-Regolament għandhom jistabbilixxu att waħdieni;”

(2)

Fl-Artikolu 3, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Għall-Bulgarija u r-Rumanija, il-proporzjon ta’ referenza għandu jiġi stabbilit kif ġej:

(a)

l-art taħt mergħa permanenti se tkun l-art taħt mergħa permanenti ddikjarata mill-bdiewa fl-2007 skond l-Artikolu 14(1) ta’ dan ir-Regolament;

(b)

iż-żona totali agrikola għandha tkun iż-żona totali agrikola ddikjarata mill-bdiewa fl-2007.”

(3)

Fl-Artikolu 13 jiżdied il-paragrafu li ġej qabel il-paragrafu 14:

“13a.   F’każ ta’ applikazzjoni għal pagamenti tranżitorji għall-frott u l-ħaxix kif provdut fil-Kapitolu 10 g tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, jew applikazzjoni għal pagamenti tranżitorji għall-frott artab kif provdut fil-Kapitolu 10h ta’ dak it-Titolu, l-applikazzjoni waħdiena għandu jkun fiha kopja tal-kuntratt ta’ l-ipproċessar jew ta’ l-impenn ta’ provvista skond l-Artikolu 171da tar-Regolament (KE) Nru 1973/2004.

L-Istati Membri jistgħu jipprovdu li l-informazzjoni fl-ewwel subparagrafu tista’ tintbagħat apparti, sa data iktar tard, li ma għandhiex tkun iktar tard mill-1 ta’ Diċembru tas-sena li fiha tintbagħat l-applikazzjoni.”

(4)

Fit-Titolu II tal-Parti II, it-titlu tal-Kapitolu IIIa jinbidel b’dan li ġej:

 

“GĦAJNUNA GĦALL-PRODUTTURI TAL-PITRAVI ZOKKRIJA U TAL-KANNAMIELA, PAGAMENT SEPARAT GĦAZ-ZOKKOR U PAGAMENT SEPARAT GĦALL-FROTT U L-ĦAXIX”

(5)

L-Artikolu 17a huwa emendat kif ġej:

(a)

It-titlu jinbidel b’dan li ġej:

“Ħtiġijiet marbuta ma’ l-applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-produtturi tal-pitravi zokkrija u tal-kannamiela, mal-pagament separat għaz-zokkor u mal-pagament separat għall-frott u l-ħaxix”

(b)

Fil-paragrafu 1, il-kliem tal-bidu għandhom jinbidlu b’dan li ġej:

“Bdiewa li japplikaw għall-għajnuna għall-produtturi tal-pitravi zokkrija u tal-kannamiela, kif provdut fil-Kapitolu 10f tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, bdiewa li japplikaw għall-pagament separat għaz-zokkor kif provdut fl-Artikolu 143ba ta’ dak ir-Regolament u bdiewa li japplikaw għall-pagament separat għall-frott u l-ħaxix kif provdut fl-Artikolu 143bb ta’ dak ir-Regolament, għandhom idaħħlu applikazzjoni għall-għajnuna li jkun fiha t-tagħrif kollu meħtieġ biex l-eliġibbiltà tagħhom għall-għajnuna tiġi stabbilita, u b’mod partikulari:”

(ċ)

Il-paragrafu 2 jinbidel b’dan li ġej:

“2.   L-applikazzjoni għall-għajnuna għall-produtturi tal-pitravi zokkrija u tal-kannamiela, għall-pagament separat għaz-zokkor jew għall-pagament separat għall-frott u l-ħaxix rispettivament għandhom jiddaħħlu sa data li għandha tiġi deċiża mill-Istati Membri, li ma għandhiex tkun iktar tard mill-15 ta’ Mejju u, fil-każ ta’ l-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja, mhux iktar tard mill-15 ta’ Ġunju.”

(6)

Fil-Kapitolu I tat-Titolu III tal-Parti II, jiżdied l-Artikolu 23a li ġej:

“Artikolu 23a

1.   Jistgħu jitħabbru verifiki fuq il-post, bil-kundizzjoni li l-għan tal-kontroll ma jkunx mhedded. L-aħbar se tkun strettament limitata għall-perjodu minimu taż-żmien meħtieġ u ma għandhiex taqbeż l-erbatax-il ġurnata.

Madanakollu, għal verifiki fuq il-post li għandhom x’jaqsmu ma’ applikazzjonijiet għall-għajnuna għall-bhejjem ta’ l-irziezet, l-avviż imsemmi fl-ewwel subparagrafu m’għandux jaqbeż it-48 siegħa ħlief f’każijiet ġustifikati kif xieraq. Barra minn hekk, fil-każ fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-atti u l-istandards relevanti għall-konformità teħtieġ li l-verifiki fuq il-post ma jkunux imħabbra, dawk ir-regoli għandhom jgħoddu wkoll fil-każ ta’ verifiki fuq il-post li għandhom x’jaqsmu mal-konformità.

2.   Fejn xieraq, il-verifiki fuq il-post li hemm provvediment dwarhom f’dan ir-Regolament u kull verifika oħra li dwarha hemm provvediment fir-regoli tal-Komunità għandhom jitwettqu fl-istess waqt.”

(7)

L-Artikolu 25 għandu jitħassar.

(8)

L-Artikoli 44 u 45 jinbidlu b’dan li ġej:

“Artikolu 44

Rata minima ta’ kontroll

1.   Fir-rigward tal-ħtiġijiet u l-istandards li għalihom hija responsabbli, l-awtorità kompetenti ta’ kontroll għandha twettaq verifiki fuq mill-inqas 1 % mill-bdiewa kollha li jressqu applikazzjoni għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-pagamenti diretti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u li għalihom hija responsabbli l-awtorità kompetenti ta’ kontroll kkonċernata.

Ir-rata minima ta’ kontroll imsemmija fl-ewwel subparagrafu tista’ tintlaħaq fil-livell ta’ kull awtorità kompetenti ta’ kontroll jew fil-livell ta’ kull att jew standard jew ta’ gruppi ta’ atti jew ta’ standards. Fil-każijiet fejn il-kontrolli ma jitwettqux mill-Aġenziji tal-Ħlas kif provdut fl-Artikolu 42, din ir-rata minima ta’ kontroll tista’ madanakollu tintlaħaq fil-livell ta’ kull Aġenzijia tal-Ħlas.

Fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-att u l-istandards diġà tiffissa rati minimi ta’ kontroll, dik ir-rata għandha tiġi applikata sa dak il-limitu minflok ir-rata minima msemmija fl-ewwel subparagrafu. L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu minflok li kwalunkwe każ ta’ nuqqas ta’ konformità misjub waqt kwalunkwe verifika fuq il-post taħt il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-atti u l-istandards li jitwettqu apparti l-kampjun imsemmi fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu rrappurtati lill-awtorità kompetenti ta’ kontroll li għandha taħt idejha l-atti u l-istandards ikkonċernati, u segwiti minnha stess. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu.

2.   Jekk il-verifiki fuq il-post jikxfu livell imdaqqas ta’ nuqqas ta’ konformità ma’ att jew standard partikulari, in-numru ta’ verifiki fuq il-post li jkollhom jitwettqu għal dan l-att jew l-istandard fil-perjodu ta’ kontroll li jkun imiss għandu jiżdied.

Artikolu 45

Għażla tal-kampjun ta’ kontroll

1.   Mingħajr preġudizzju għall-verifiki mwettqa bħala segwiment ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità miġjuba għall-attenzjoni ta’ l-awtorità kompetenti tal-kontroll b’xi mod ieħor, l-għażla ta’ kull kampjun ta’ rziezet li għandhom jiġu vverifikati skond l-Artikolu 44 għandha tkun ibbażata, fejn huwa l-każ, fuq analiżi tar-riskju skond il-leġiżlazzjoni applikabbli, jew fuq analiżi tar-riskju adattata għall-ħtiġijiet jew għall-istandards. Dik l-analiżi tar-riskju tista’ tkun ibbażata fuq il-livell tar-razzett individwali jew fuq il-livell tal kategoriji ta’ rziezet jew ta’ żoni ġeografiċi jew, fil-każ tal-punt (b) tat-tieni subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu, fuq il-livell ta’ l-obbligi.

L-analiżi tar-riskju tista’ tqis waħda jew tnejn mill-punti li ġejjin:

(a)

il-parteċipazzjoni tal-bidwi fis-sistema konsultattiva għar-rziezet kif provduta fl-Artikoli 13 u 14 tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003;

(b)

il-parteċipazzjoni tal-bidwi f’sistema ta’ ċertifikazzjoni jekk l-iskema in kwistjoni tkun relevanti għall-ħtiġijiet u l-istandards ikkonċernati.

1a.   Biex jiġi pprovdut l-element ta’ kwalità rappreżentattiva, bejn 20 % u 25 % tan-numru minimu ta’ bdiewa li għandu jsirulhom verifiki fuq il-post kif provdut fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 44(1) għandhom jintgħażlu b’mod każwali.

Madanakollu, jekk in-numru ta’ bdiewa li għandu jsirulhom verifiki fuq il-post jaqbeż in-numru minimu ta’ bdiewa li għandu jsirulhom verifiki fuq il-post kif provdut fl-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 44(1), il-perċentwal ta’ bdiewa magħżula b’mod każwali fil-kampjun addizzjonali ma għandux jaqbeż il-25 %.

1b.   Fejn xieraq, l-għażla parzjali tal-kampjun ta’ kontroll tista’ ssir qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ l-applikazzjoni in kwistjoni, ibbażata fuq l-informazzjoni li hija diġà disponibbli. Il-kampjun proviżorju għandu jitlesta meta jkunu disponibbli l-applikazzjonijiet relevanti kollha.

2.   Il-kampjuni tal-bdiewa li jridu jiġu ċċekkjati skond l-Artikolu 44 għandhom ikunu magħżula mill-kampjuni tal-bdiewa li kienu diġà ntgħażlu skond l-Artikoli 26 u 27 u li għalihom japplikaw il-ħtiġijiet jew l-istandards relevanti.

3.   B’deroga mill-paragrafu 2, il-kampjuni ta’ bdiewa li jridu jiġu vverifikati skond l-Artikolu 44 jistgħu jintgħażlu minn fost il-popolazzjoni ta’ bdiewa li jibagħtu applikazzjonijiet għall-għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna għall-pagamenti diretti skond it-tifsira ta’ l-Artikolu 2(d) tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 u li għandhom l-obbligu li jħarsu l-ħtiġijiet jew l-istandards relevanti.

F’dak il-każ:

(a)

fejn ikun deċiż, fuq il-bażi ta’ l-analiżi tar-riskju applikata fil-livell tar-rziezet, li dawk il-bdiewa li ma jibbenefikawx minn għajnuna diretta jirrappreżentaw riskju ogħla minn dawk li applikaw għall-għajnuna, dawk il-bdiewa li applikaw għall-għajnuna jistgħu jinbidlu b’dawk li ma kinux ibbenefikaw minnha; f’dak il-każ, in-numru totali ta’ bdiewa vverifikati għandu, madanakollu, jilħaq ir-rata ta’ kontroll li dwarha hemm provvediment fl-Artikolu 44(1); ir-raġunijiet għal dan it-tip ta’ tibdil għandhom ikunu ġustifikati u dokumentati kif imiss;

(b)

jekk tkun iktar effettiva, l-analiżi tar-riskju tista’ titwettaq fil-livell ta’ l-obbligi, b’mod partikulari l-biċċeriji, il-kummerċjanti u l-fornituri, iktar milli fil-livell tar-rziezet; f’dak il-każ, in-numru ta’ bdiewa vverifikati b’dan il-mod jista’ jingħadd mar-rata ta’ kontroll li dwarha hemm provvediment fl-Artikolu 44(1).

4.   Jista’ jiġi deċiż li s-sistema titkompla b’taħlita tal-proċeduri msemmija fil-paragrafi 2 u 3 f’każ li taħlita ta’ dan it-tip iżżid l-effettività tas-sistema ta’ kontroll.”

(9)

L-Artikolu 47 huwa emendat kif ġej:

(a)

Fil-paragrafu 1, jiżdiedu is-subparagrafi li ġejjin:

“Minkejja l-ewwel subparagrafu, meta r-rata minima ta’ kontroll tintlaħaq fil-livell ta’ kull att jew standard jew ta’ gruppi ta’ atti jew ta’ standards kif provduti fit-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 44(1), il-bdiewa magħżula għandhom jiġu vverifikati għall-konformità tagħhom ma’ l-att jew l-istandard jew mal-gruppi ta’ atti jew ta’ standards in kwistjoni.

Ġeneralment, kull bidwi magħżul għal verifika fuq il-post għandu jiġi ċċekkjat fi żmien meta l-biċċa l-kbira tal-ħtiġijiet u ta’ l-istandards li għalihom intgħażel ikunu jistgħu jiġu vverifikati. Madanakollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li livell xieraq ta’ kontroll għal kull ħtieġa u għal kull standard jintlaħaq matul is-sena.”

(b)

Il-paragrafu li ġej għandu jiddaħħal wara l-paragrafu 1:

“1a.   Fejn hu xieraq, il-verifiki fuq il-post għandhom ikopru l-art agrikola kollha ta’ l-azjenda. Madanakollu, il-verifika attwali fl-għalqa bħala parti minn verifika fuq il-post tista’ tkun limitata għal kampjun ta’ mill-inqas nofs il-ħbula tar-raba’ kollha li għandhom x’jaqsmu mal-ħtieġa jew ma’ l-istandard fuq iż-żamma, dejjem jekk kampjun ta’ dan it-tip jiżgura livell ta’ kontroll rappreżentattiv u ta’ min joqgħod fuqu f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħtiġijiet u l-istandards. Meta dan il-kampjun jikxef każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità, il-kampjun tal-ħbula tar-raba’ vverifikat għandu jitkabbar.

Barra minn hekk, fejn il-leġiżlazzjoni applikabbli għall-att u l-istandards tipprovdi għaliha, il-verifika attwali għall-konformità mal-ħtiġijiet u l-istandards bħala parti minn verifika fuq il-post tista’ tkun limitata għal kampjun rappreżentattiv ta’ l-affarijiet li jridu jiġu ċċekkjati. Madanakollu, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-verifiki jitwettqu għal kull ħtieġa u kull standard li għalih il-konformità tista’ tiġi vverifikata fil-mument taż-żjara.”

(ċ)

Għandhom jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:.

“3.   Dejjem jekk l-Istat Membru jiżgura li l-effettività tal-kontrolli hija mill-inqas daqs dik milħuqa meta l-kontrolli jitwettqu permezz ta’ verifiki fuq il-post, kontrolli fil-livell tar-rziezet jistgħu jinbidlu b’verifiki amministrattivi jew b’verifiki fil-livell ta’ l-obbligi kif imsemmi fil-punt (b) tat-tieni subparagrafu ta’ l-Artikolu 45(3).

4.   Huma u jagħmlu l-verifiki fuq il-post, l-Istati Membri jistgħu jużaw indikaturi oġġettivi ta’ kontroll speċifiċi għal ċerti ħtiġijiet jew standards, kemm-il darba jiżguraw li l-effettività tal-kontroll tal-ħtieġa jew ta’ l-istandard ikkonċernat hija mill-inqas daqs dik ta’ verifiki fuq il-post li jsiru mingħajr l-użu ta’ l-indikaturi.

L-indikaturi għandhom ikunu marbutin direttament mal-ħtiġijiet jew l-istandards li jirrappreżentaw u għandhom ikopru l-aspetti kollha li jridu jiġu vverifikati meta jkunu qed jiġu vverifikati dak jew dawk il-ħtiġijiet jew l-istandards.

5.   Verifiki fuq il-post li għandhom x’jaqsmu mal-kampjun kif provdut fl-Artikolu 44(1) għandhom isiru fl-istess sena kalendarja li fiha jintbagħtu l-applikazzjonijiet għall-għajnuna.”

(10)

L-Artikolu 48(2) jinbidel b’dan li ġej:

“2.   Il-bidwi għandu jiġi mgħarraf dwar kwalunkwe nuqqas ta’ konformità stabbilit sa tliet xhur wara d-data tal-verifika fuq il-post.”

(11)

Fl-Artikolu 66(4), l-ewwel subparagrafu jinbidel b'dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonati skond l-Artikolu 67, fejn ikunu ġew stabbiliti każijiet ripetuti ta’ nuqqas ta’ konformità, il-perċentwal iffissat skond il-paragrafu 1 fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità ripetut, għandu, fir-rigward ta’ l-ewwel ripetizzjoni, jiġi mmultiplikat bil-fattur ta’ tlieta. Għal dan il-għan, fil każ fejn il-perċentwal kien iffissat skond il-paragrafu 2, l-Aġenzija tal-Ħlas għandha tistabbilixxi l-perċentwal li kien jiġi kieku applikat għan-nuqqas ripetut ta’ konformità mal-ħtieġa jew l-istandard ikkonċernat.”

(12)

Fl-Artikolu 71a(2), l-ewwel subparagrafu tal-punt (d) jinbidel b’dan li ġej:

“Fir-rigward ta’ l-iskemi ta’ għajnuna elenkati fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003 li għalihom huma ffissati livelli massimi baġitarji skond l-Artikoli 64(2), 70(2), 71(2), 110p(1), 143b(7), 143ba(2) u 143bc ta’ dak ir-Regolament, l-Istat Membru għandu jgħodd l-ammonti li joħorġu mill-applikazzjoni tal-punti (a), (b) u (ċ).”

(13)

Fl-Artikolu 73a, jiżdied il-paragrafu li ġej wara l-paragrafu 2a:

“2b.   L-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jerġgħux jiksbu lura intitolamenti mogħtija bi żball f’każ li l-ammont totali mogħti lill-bidwi bi żball ikun ta’ EUR 50 jew inqas. Barra minn hekk, fejn il-valur totali msemmi fil-paragrafu 2a jikkonċerna EUR 50 jew inqas, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li ma jerġgħux jaħdmu l-kalkolu mill-ġdid.”

(14)

Fl-Artikolu 76(2), jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Madanakollu, il-Bulgarija u r-Rumanija għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni komunikazzjoni dwar dik il-proporzjon ta’ l-art taħt mergħa permanenti fis-sena ta’ referenza 2007 msemmija fl-Artikolu 3(7) l-aktar tard sal-31 March 2008.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea.

Dan għandu japplika għall-applikazzjonijiet għall-għajnuna li jikkonċernaw is-snin jew il-perjodi ta’ primjums li jibdew mill-1 ta’ Jannar 2008.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, 20 ta’ Diċembru 2007.

Ghall-Kummissjoni

Mariann FISCHER BOEL

Membru tal-Kummissjoni


(1)  ĠU L 270, 21.10.2003, p. 1. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1276/2007 (ĠU L 284, 30.10.2007, p. 11).

(2)  COM(2007) 147 finali, 29.3.2007.

(3)  ĠU L 141, 30.4.2004, p. 18. Ir-Regolament kif emendat l-aħħar bir-Regolament (KE) Nru 972/2007 (ĠU L 216, 21.8.2007, p. 3).


Top