EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22020D1223

Rakkomandazzjoni Nru 1/2020 tal-Kumitat Doganali stabbilit skont il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra tat-8 ta’ Diċembru 2020 dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Protokoll dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

PUB/2020/998

ĠU L 434, 23.12.2020, p. 67–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

ELI: http://data.europa.eu/eli/reco/2020/1/oj

23.12.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 434/67


RAKKOMANDAZZJONI Nru 1/2020 TAL-KUMITAT DOGANALI STABBILIT SKONT IL-FTEHIM TA’ KUMMERĊ ĦIELES BEJN L-UNJONI EWROPEA U L-ISTATI MEMBRI TAGĦHA, MIN-NAĦA WAĦDA, U R-REPUBBLIKA TAL-KOREA, MIN-NAĦA L-OĦRA

tat-8 ta’ Diċembru 2020

dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 27 tal-Protokoll dwar id-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

IL-KUMITAT DOGANALI,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles (minn hawn ’il quddiem, “il-Ftehim”) bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa waħda, u r-Repubblika tal-Korea, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari l-Artikoli 15.2(1)(c) u 6.16(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 27 tal-Protokoll tal-Ftehim, li jikkonċerna d-definizzjoni ta’ “prodotti oriġinarji” u metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (minn hawn ’il quddiem “il-Protokoll”), jistabbilixxi l-proċedura għall-verifika tal-provi tal-oriġini u l-kompiti u r-responsabbiltajiet tal-awtoritajiet doganali tal-Partijiet li jimportaw u li jesportaw.

(2)

L-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Korea (minn hawn ’il quddiem “il-Partijiet”) identifikaw il-ħtieġa għal fehim komuni tal-karatteristiċi ewlenin tal-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Artikolu 27 tal-Protokoll u tal-passi differenti f’din il-proċedura. Tali fehim komuni jenħtieġ li jkun fl-interess tal-awtoritajiet doganali li huma responsabbli sabiex jiżguraw il-konformità mar-regoli tal-oriġini u sabiex jiżguraw it-trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi soġġetti għal tali verifika, fit-territorju ta’ kull Parti.

(3)

Il-Kumitat Doganali huwa mogħti s-setgħa permezz tal-Artikolu 6.16(5) tal-Ftehim sabiex jifformula rakkomandazzjonijiet li huwa jqis meħtieġa għall-kisba tal-objettivi komuni u għall-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi stabbiliti fil-Protokoll. Il-Partijiet iqisu li jkun xieraq li l-Kumitat Doganali jifformula rakkomandazzjoni għal fehim komuni u għall-implimentazzjoni tajba tal-proċedura ta’ verifika stabbilita fl-Artikolu 27 tal-Protokoll.

B’DAN JIRRAKKOMANDA:

1.   Il-karatteristiċi ewlenin tal-proċedura ta’ verifika

(1)

Il-karatteristiċi ewlenin tal-proċedura ta’ verifika tal-Artikolu 27 jinqasmu fi tnejn: din hija sistema tal-hekk imsejħa “verifika indiretta” u hija bbażata fuq fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet.

(2)

“Verifika indiretta” tfisser li l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta ma jwettqux il-verifiki huma stess iżda jibagħtu talba għal verifika lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta u hija r-responsabbiltà ta’ din tal-aħħar li twettaq il-verifika billi tikkuntattja lill-esportatur. Ir-riżultat tal-verifika jintbagħat mill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta. Ir-raġuni hija li l-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta, fejn tinħareġ il-prova tal-oriġini (dikjarazzjoni tal-oriġini), huma fl-aħjar pożizzjoni biex jivverifikaw din il-prova minħabba l-qrubija għall-esportatur (għarfien tal-attivitajiet u tal-istorja tal-esportatur, faċilità tal-aċċess għall-informazzjoni, familjarità mas-sistema kontabilistika nazzjonali, l-ebda ostaklu tal-lingwa). Għalhekk, huwa primarjament f’idejn l-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta biex jiddeterminaw jekk il-prodotti kkonċernati humiex oriġinarji jew le, skont ir-regoli tal-oriġini applikabbli.

(3)

Il-“verifika tal-provi tal-oriġini” ssir abbażi tal-fiduċja reċiproka bejn l-awtoritajiet doganali tal-Partijiet. Hawnhekk, “fiduċja reċiproka” timplika li l-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta jenħtieġ li jivverifikaw bir-reqqa l-kwistjonijiet ippreżentati mill-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta, u jikkomunikaw ir-riżultati ta’ din il-verifika lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta, li tiddependi mir-riżultati tal-ħidma mwettqa mill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta. Madankollu, l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta xorta għandhom id-dritt li jitolbu informazzjoni addizzjonali lill-Parti li tesporta jekk iqisu li t-tweġiba ma tkunx kompluta biżżejjed jew li ma tippermettix li wieħed jifhem il-pożizzjoni espressa mill-Parti li tesporta. Id-dettalji dwar liema informazzjoni tista’ tintalab mill-Parti li timporta lill-Parti li tesporta huma elaborati aktar taħt it-Taqsimiet 2.4.2 (Sejbiet u Fatti) u 2.4.3 (Informazzjoni Suffiċjenti).

2.   Passi differenti fil-proċedura ta’ verifika

2.1.   It-tnedija ta’ talba għal verifika

(4)

L-awtoritajiet Doganali tal-Parti li timporta jistgħu jniedu talba għal verifika sussegwenti tal-provi tal-oriġini meta jkollhom dubji raġonevoli dwar:

l-awtentiċità tad-dokumenti. Eżempju: dubji dwar jekk il-fattura li fiha d-dikjarazzjoni tal-oriġini hijiex fattura falza magħmula mill-importatur jew mill-esportatur bl-għan li jibbenefika minn oriġini preferenzjali;

l-istatus oriġinarju tal-prodott ikkonċernat. Eżempju: dubji dwar jekk il-prodotti jissodisfawx il-kriterji li jiddeterminaw l-oriġini stabbiliti fl-Anness II tal-Protokoll (ir-Regoli Speċifiċi għall-Prodotti);

jew

l-issodisfar tar-rekwiżiti l-oħra tal-Protokoll relatati mal-provi tal-oriġini. Eżempju: dubji dwar jekk l-esportatur kellux jew għadx għandu l-istatus ta’ esportatur approvat.

(5)

Minbarra l-każijiet ta’ dubju raġonevoli dwar l-elementi msemmija hawn fuq, l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta għandhom il-possibbiltà li jniedu talba għal verifika għal każijiet magħżula b’mod aleatorju. Dan ikopri l-każijiet li ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tat-tliet (3) elementi msemmija hawn fuq koperti mid-dubju raġonevoli.

2.2.   Bgħit tat-talba għal verifika

(6)

L-awtoritajiet Doganali tal-Parti li timporta għandhom jibagħtu t-talba għal verifika lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta responsabbli għall-verifika tal-provi tal-oriġini. It-talba tindika jekk tkunx tnediet b’mod aleatorju jew fuq il-bażi ta’ dubji raġonevoli. Il-paragrafu 3 tal-Artikolu 27 jipprevedi li t-talba tkun tindika, fejn xieraq, ir-raġunijiet għall-investigazzjoni.

(7)

L-indikazzjoni tar-raġunijiet għall-investigazzjoni tippermetti lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta jindirizzaw it-talba bl-aktar mod effiċjenti f’termini ta’ kostijiet u ta’ piż amministrattiv.

(8)

Min-naħa l-oħra, jekk l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta jitolbu investigazzjoni b’mod aleatorju, ma jkollhomx għalfejn jindikaw raġuni għall-investigazzjoni.

(9)

Madankollu, f’konformità mal-paragrafu 3 tal-Artikolu 27, il-provi tal-oriġini jew kopja ta’ dawn id-dokumenti tal-prodotti soġġetti għall-investigazzjoni jenħtieġ li jintbagħtu lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta.

2.3.   Eżekuzzjoni tal-Verifika

(10)

Permezz tas-sistema ta’ verifika indiretta, il-verifika tal-provi tal-oriġini magħmula mill-esportaturi fil-Parti li tesporta taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta. Madankollu, bl-applikazzjoni tal-Paragrafu 8 tal-Artikolu 27 (għal aktar dettalji ara 2.9, Inkjesta Konġunta), l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta jistgħu, f’ċerti kundizzjonijiet, ikunu involuti fil-proċess ta’ verifika fit-territorju tal-Parti li tesporta.

(11)

F’każ ta’ verifika tal-provi tal-oriġini pprovduti mill-importatur, l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta jniedu talba għal verifika lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta. L-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta ma jitolbux lill-importatur sabiex jiġbor l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafi 2.4.2 u 2.4.3 huwa stess mingħand l-esportatur.

(12)

Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27 ma jipprevedux li l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta jistgħu jitolbu direttament lill-esportaturi sabiex jipprovdulhom data jew informazzjoni.

(13)

Madankollu, dawn id-dispożizzjonijiet ma jipprekludux lill-importaturi u lill-esportaturi taż-żewġ partijiet, b’kunsens reċiproku u fuq bażi volontarja, milli jiskambjaw data jew informazzjoni ma’ xulxin u jippreżentawhom lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta. L-iskambju jew il-preżentazzjoni ta’ tali data mhumiex obbligatorji u kwalunkwe rifjut li tingħata l-informazzjoni mhuwiex raġuni għaċ-ċaħda ta’ preferenza mingħajr verifika. Mhumiex parti mill-proċess ta’ verifika.

(14)

L-evidenza tat-trasport dirett ippreżentata fir-rigward tal-Artikolu 13 ma titqiesx bħala prova tal-oriġini u bħala tali mhijiex ikkonċernata mill-verifika tal-provi tal-oriġini tal-Artikolu 27.

2.4.   Trattament tar-Riżultati tal-verifika

(15)

L-awtoritajiet Doganali tal-Parti li tesporta jinformaw lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta dwar ir-riżultati tal-verifika, inklużi s-sejbiet u l-fatti, malajr kemm jista’ jkun. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-awtoritajiet Doganali tal-Parti li tesporta jimminimizzaw kemm jista’ jkun il-ħin tar-rispons għat-talbiet ta’ verifika li jikkonċernaw il-validità ta’ status ta’ esportatur approvat.

2.4.1.   Mezzi awżiljarji ta’ komunikazzjoni

(16)

Il-komunikazzjoni tat-talbiet għall-verifika u tan-notifiki tar-riżultati tagħhom bejn l-awtoritajiet doganali taż-żewġ Partijiet issir permezz tal-posta konvenzjonali. B’mod parallel, l-awtoritajiet doganali taż-żewġ Partijiet jistgħu jużaw mezzi awżiljarji bħall-posta elettronika sabiex jikkomunikaw malajr u jiżguraw li t-talbiet jew it-tweġibiet jaslu għand id-destinatarju fil-Parti rilevanti.

2.4.2.   Is-sejbiet u l-fatti

(17)

It-termini “sejbiet u fatti” jfissru li t-tweġiba dwar il-verifika pprovduta mill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta tinkludi xi dettalji dwar il-proċedura ta’ verifika mwettqa minnhom. L-ambitu tal-applikazzjoni tas-“sejbiet u l-fatti” huwa limitat għall-elementi li ġejjin:

il-konklużjoni dwar l-awtentiċità tad-dokumenti, l-istatus oriġinarju tal-prodotti kkonċernati jew is-sodisfar tar-rekwiżiti l-oħra tal-Protokoll;

id-deskrizzjoni tal-prodott soġġett għall-eżami u l-klassifikazzjoni tariffarja rilevanti għall-applikazzjoni tar-regola tal-oriġini;

kif ukoll

informazzjoni dwar il-mod li bih sar l-eżami (meta u kif).

2.4.3.   Informazzjoni suffiċjenti

(18)

Fil-każ ta’ verifika b’mod aleatorju, l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta ma jitolbux aktar informazzjoni minn dik li hija elenkata fil-punt 2.4.2 (sejbiet u fatti) lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta.

(19)

Fil-każ ta’ verifiki fuq il-bażi ta’ dubji raġonevoli, jekk l-informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta titqies mill-awtoritajiet kompetenti tal-Parti li timporta bħala insuffiċjenti għad-determinazzjoni tal-awtentiċità tad-dokumenti jew tal-oriġini reali tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta jistgħu jitolbu informazzjoni addizzjonali lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta. L-informazzjoni addizzjonali mitluba ma tistax tmur lil hinn mil-lista li ġejja:

jekk il-kriterju tal-oriġini kien “miksub kompletament”, il-kategorija applikabbli (bħall-ħsad, l-estrazzjoni, is-sajd u l-post tal-produzzjoni);

jekk il-kriterju tal-oriġini kien ibbażat fuq metodu ta’ valur, il-valur tal-prodott finali kif ukoll il-valur ta’ dak kollu mhux oriġinarju użat fil-produzzjoni;

jekk il-kriterju tal-oriġini kien ibbażat fuq tibdiliet fil-klassifikazzjoni tariffarja, lista tal-materjali mhux oriġinarji kollha inkluża l-klassifikazzjoni tariffarja tagħhom (f’format ta’ żewġ (2) ċifri, ta’ erba’ (4) ċifri jew ta’ sitt (6) ċifri skont il-kriterji tal-oriġini);

jekk il-kriterju tal-oriġini kien ibbażat fuq il-piż, il-piż tal-prodott finali kif ukoll il-piż tal-materjali mhux oriġinarji rilevanti użati fil-prodott finali;

jekk il-kriterju tal-oriġini kien ibbażat fuq ipproċessar speċifiku, deskrizzjoni ta’ dak l-ipproċessar speċifiku li ta l-oriġini lil dak il-prodott partikolari; u

jekk tiġi applikata r-regola tat-tolleranza, il-valur jew il-piż tal-prodotti finali u l-valur jew il-piż tal-materjali mhux oriġinarji użati fil-produzzjoni tal-prodotti finali.

(20)

Jekk tweġiba ma jkunx fiha l-informazzjoni suffiċjenti msemmija hawn fuq sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta jkunu jistgħu jiddeterminaw l-awtentiċità tad-dokumenti inkwistjoni jew l-oriġini reali tal-prodotti, l-awtoritajiet doganali rikjedenti għandhom jiċħdu d-dritt għall-preferenza, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali (Ara t-Taqsima 2.7 dwar Ċirkustanzi Eċċezzjonali).

(21)

L-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta ma jridux jibagħtu lill-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta l-informazzjoni kunfidenzjali li d-divulgazzjoni tagħha titqies mill-esportatur li tixħet f’riskju l-interessi kummerċjali tiegħu. In-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali ma tkunx raġuni unika sabiex l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta jirrifjutaw id-dritt għall-preferenza, dment li l-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta jipprovdu r-raġunijiet għalfejn ma jibagħtux l-informazzjoni kunfidenzjali u jagħtu prova tal-istatus oriġinarju tal-merkanzija, għas-sodisfazzjon tal-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta.

2.5.   Skadenza għat-tweġib ta’ talba għal verifika

(22)

Il-paragrafu 6 tal-Artikolu 27 jistipula li r-riżultati tal-verifika jridu jiġu kkomunikati mill-aktar fis possibbli.

(23)

Il-paragrafu 7 tal-Artikolu 27 jistabbilixxi li l-Parti li timporta jenħtieġ li, fil-prinċipju, tirrifjuta d-dritt għall-preferenza iżda biss meta jkunu ssodisfati żewġ kundizzjonijiet fl-istess ħin:

it-talba għal verifika tkun saret abbażi ta’ dubji raġonevoli;

kif ukoll

ma jkun hemm l-ebda tweġiba fi żmien 10 xhur mid-data tat-talba għal verifika jew jekk it-tweġiba ma jkunx fiha biżżejjed informazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-awtentiċità tad-dokument inkwistjoni jew l-oriġini vera tal-prodotti.

(24)

Din id-dispożizzjoni timplika li, għal każijiet magħżula b’mod aleatorju għall-verifika, il-Parti li timporta ma tistax tirrifjuta id-dritt għall-preferenza mingħajr it-tweġiba mill-Parti li tesporta.

2.5.1.   L-iskadenza fil-każ ta’ verifika b’mod aleatorju

(25)

L-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta jagħmlu l-aħjar li jistgħu sabiex iwieġbu għall-verifiki b’mod aleatorju fi żmien 12-il xahar. Madankollu, peress li l-Artikolu 27 ma jiddefinixxix skadenza għall-verifiki b’mod aleatorju, l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta ma jistgħux jirrifjutaw il-preferenza minħabba l-unika raġuni li l-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta ma jkunux ipprovdew tweġiba fi żmien 12-il xahar dwar talba għal verifika b’mod aleatorju.

2.5.2.   L-iskadenza għat-talbiet għal verifika fil-każ ta’ dubji raġonevoli

(26)

Għal każijiet magħżula abbażi ta’ dubji raġonevoli, il-Parti li timporta għandha tirrifjuta d-dritt għall-preferenza meta ma jkun hemm l-ebda tweġiba fi żmien 10 xhur mid-data tat-talba għal verifika, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali.

2.6.   Tibdil tar-riżultati

(27)

F’ċerti eċċezzjonijiet, ir-riżultati ta’ verifika jistgħu jitbiddlu mill-awtorità doganali tal-Parti li tesporta. It-tbiddil tat-tweġiba oriġinali jsir fi żmien 10 xhur mid-data tat-talba għal verifika.

2.7.   Ċirkustanzi eċċezzjonali

(28)

Madankollu, anke jekk iż-żewġ kundizzjonijiet imsemmija hawn fuq għar-rifjut tad-dritt għall-preferenza jkunu ssodisfati, it-test tal-paragrafu 7 tal-Artikolu 27 jistipula li l-għoti ta’ trattament preferenzjali jibqa’ possibbli fuq il-bażi tal-klawżola ta’ “ċirkustanzi eċċezzjonali”.

(29)

Tabilħaqq, il-Parti li timporta tkompli żżomm id-diskrezzjoni li tiddeċiedi jekk ikunx hemm ċirkustanzi eċċezzjonali li jiġġustifikaw il-fatt li t-trattament preferenzjali m’għandux jiġi miċħud bħala tali.

(30)

Iċ-ċirkustanzi eċċezzjonali jinkludu b’mod partikolari s-sitwazzjonijiet li ġejjin:

Il-Parti li tesporta ma tkunx f’pożizzjoni li tipprovdi tweġiba għat-talba għal verifika ppreżentata mill-Parti li timporta fil-każ ta’:

(a)

inċidenti li l-esportatur ma setax raġonevolment ikun mistenni jipprevedi bħal nirien, għargħar jew diżastri naturali oħra, gwerra, rewwixta, attakk, strajk u oħrajn simili, li rriżultaw f’telf parzjali jew sħiħ tad-dokumenti ġustifikattivi tal-oriġini jew id-dewmien fil-preżentazzjoni ta’ dawn id-dokumenti; jew

(b)

it-tweġiba tkun ġiet ittardjata minħabba kawżi mhux kontrollabbli bħal proċedura tal-appell amministrattiv jew ġudizzjarju skont il-liġijiet u r-regolamenti tal-Parti għalkemm l-esportatur u l-awtorità doganali tal-Parti li tesporta jkunu għamlu d-diliġenza dovuta tagħhom f’konformità mal-obbligi skont dan il-Protokoll.

Jekk ikun instab li t-talba jew it-tweġiba għat-talba ma laħqux id-destinazzjoni tagħhom minħabba żbalji li saru mill-awtoritajiet involuti.

It-talba jew it-tweġiba għat-talba għal verifika ma jkunux waslu minħabba problemi fil-mezzi ta’ komunikazzjoni (eż. tibdil fl-indirizz tal-persuna responsabbli mill-verifika, ir-ritorn ta’ posta minħabba żbalji amministrattivi tal-awtoritajiet postali, eċċ.).

2.8.   Tfakkira

(31)

Meta ma tkun għadha waslet l-ebda tweġiba, huwa rrakkomandat li l-awtoritajiet doganali tal-Parti li timporta jibagħtu tfakkira lill-Parti li tesporta qabel ma jintemm il-perjodu ta’ 10 xhur.

(32)

Huwa rakkomandat li l-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta li ma jkunux f’pożizzjoni li jwieġbu fi żmien l-iskadenza ta’ 10 xhur jinformaw lill-awtorità rikjedenti b’dan qabel l-iskadenza bi stima ta’ kemm ikun għad fadal sabiex titlesta l-proċedura ta’ verifika tagħhom u r-raġuni għad-dewmien tat-tweġiba.

2.9.   Investigazzjoni Konġunta

(33)

Il-paragrafu 8 tal-Artikolu 27 jipprevedi li l-Parti li timporta tista’ tkun preżenti f’verifika tal-oriġini mmexxija mill-awtoritajiet doganali tal-Parti li tesporta u li, f’każ bħal dan, iż-żewġ Partijiet jirreferu għall-Artikolu 7 tal-Protokoll dwar l-Assistenza Amministrattiva Reċiproka (il-Protokoll dwar l-MAA, (Mutual Administrative Assistance)) fil-qasam Doganali għall-eżekuzzjoni tat-talba ta’ parteċipazzjoni mill-Parti li timporta. F’każijiet bħal dawn, japplikaw il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 7. B’mod partikolari, l-Artikolu 7(4) tal-Protokoll dwar l-MAA jistipula li huma biss l-uffiċjali debitament awtorizzati tal-Parti li timporta li jistgħu jkunu preżenti fl-investigazzjonijiet mwettqa fit-territorju tal-Parti li tesporta, u li l-kundizzjonijiet tal-investigazzjoni konġunta jiġu stabbiliti mill-Parti li tesporta.

Għall-Kumitat Doganali UE-Korea

F’isem l-Unjoni Ewropea

Jean-MichelGRAVE

Brussell, it-8 ta’ Diċembru 2020

F’isem ir-Repubblika tal-Korea

PARKJihoon

Sejong, it-8 ta’ Diċembru 2020


Top