EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62016CN0380

Kawża C-380/16: Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja

OJ C 314, 29.8.2016, p. 14–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.8.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 314/14


Rikors ippreżentat fit-8 ta’ Lulju 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika tal-Ġermanja

(Kawża C-380/16)

(2016/C 314/20)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: M. Owsiany-Hornung u M. Wasmeier, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Ġermanja

Talbiet

tikkonstata, fid-dawl tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 258 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 73 kif ukoll taħt l-Artikoli 306 sa 310 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, peress li hija teskludi mill-iskema speċjali tal-aġenti tal-ivvjaġġar is-servizzi tal-ivvjaġġar ipprovduti lill-persuni taxxabbli li jużaw dawn is-servizzi għall-ħtiġijiet tal-impriża tagħhom u peress li hija tawtorizza lill-aġenti tal-ivvjaġġar, sa fejn din l-iskema speċjali tapplika għalihom, jistabbilixxu rata fissa ta’ taxxa għal kategoriji ta’ provvisti ta’ servizzi u għal kull perijodu taxxabbli;

tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Ir-rikorrenti ssostni li l-iskema prevista fil-Ġermanja għall-kalkolu tat-taxxa fuq il-valur miżjud marbuta mas-servizzi tal-ivvjaġġar ma hijix konformi mad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1). Din id-direttiva tipprevedi, fl-Artikoli 306 sa 310, skema speċjali li tassimila għal provvista ta’ servizzi unika d-diversi servizzi li aġenzija tal-ivvjaġġar tipprovdi lil klijent għall-vjaġġ tiegħu. Hija tqis li l-leġiżlazzjoni Ġermaniża tiddevja minn dan b’mod inaċċettabbli.

L-ewwel nett, hija tindika li ma huwiex aċċettabbli li jiġu esklużi mill-benefiċċju tal-iskema speċjali persuni taxxabbli li jużaw servizzi għall-ħtiġijiet tal-impriża tagħhom. Hija żżid li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fis-sentenza tagħha tas-26 ta’ Settembru 2013, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-189/11 (2), li l-iskema speċjali għandha tiġi applikata mhux biss għas-servizzi pprovduti lil konsumaturi finali privati, iżda wkoll għas-servizzi pprovduti lil imprendituri taxxabbli. Mill-perspettiva tagħha, l-Istati Membri ma għandhomx il-fakultà li jirrestrinġu din l-iskema speċjali għas-servizzi pprovduti lil konsumaturi finali privati.

It-tieni nett, hija ssostni li l-metodu ta’ kalkolu previst fil-leġiżlazzjoni Ġermaniża fil-qasam tal-VAT ma huwiex konformi mad-Direttiva 2006/112. Konformement mal-Artikoli 73 u 306 sa 310 ta’ din id-direttiva, il-bażi taxxabbli għandha tiġi stabbilita separatament għal kull vjaġġ. B’mod kuntrarju, il-leġiżlazzjoni Ġermaniża tawtorizza kalkolu b’rata fissa tal-marġni ta’ profitt għal “kategoriji ta’ servizzi” jew għall-vjaġġi kollha ta’ perijodu speċifiku. Fil-fehma tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat ukoll fis-sentenza ċċitata li tali impożizzjoni b’rata fissa ma hijiex konformi mas-sistema komuni tal-VAT.


(1)  ĠU 2006, L 347, p. 1.

(2)  EU:C:2013:587.


Top