EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1070

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1070 tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar l-ispeċifikazzjoni tal-karatteristiċi tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/4872

ĠU L 234, 21.7.2020, p. 11–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 14/08/2024

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1070/oj

21.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 234/11


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1070

tal-20 ta’ Lulju 2020

dwar l-ispeċifikazzjoni tal-karatteristiċi tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira skont l-Artikolu 57(2) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva (UE) 2018/1972 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2018 li tistabbilixxi l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(2) tagħha,

Billi:

(1)

Kif rikonoxxut mid-Direttiva (UE) 2018/1972, peress li l-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira aktarx ikollhom impatt pożittiv fuq l-użu tal-ispettru tar-radju u fuq l-iżvilupp ta’ komunikazzjonijiet bla fili fl-Unjoni, jenħtieġ li l-introduzzjoni ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira tiġi faċilitata permezz ta’ reġim ta’ introduzzjoni li jkun eżentat mill-permess.

(2)

Punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira jinkludi elementi operazzjonali differenti, fosthom unità tal-ipproċessar tas-sinjali, unità tal-frekwenza tar-radju, sistema tal-antenni, konnessjonijiet tal-kejbil u l-kejsing. F’xi każijiet, is-sistema tal-antenni jew xi partijiet minnha jistgħu jiġu installati b’mod separat mill-elementi l-oħra ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira u jiġu konnessi b’kejbil iddedikat wieħed jew aktar. Dan il-kunċett jintuża għas-sistemi distribwiti tal-antenni jew għal sistema tar-radju distribwita li tintuża minn operatur wieħed jew aktar. Punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira jista’ jiġi ddisinjat biex iservi żewġ utenti tal-ispettru tar-radju jew aktar.

(3)

Sabiex jiġu żgurati l-aċċettazzjoni pubblika u introduzzjoni sostenibbli, il-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira soġġetti għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jenħtieġ ikollhom impatt viżiv minimu. Biex jinkiseb dan, jenħtieġ li jkunu inviżibbli għall-pubbliku ġenerali jew li jiġu mmuntati b’mod li ma jkunx ta’ tfixkil viżiv fuq l-istruttura ta’ appoġġ tagħhom. L-operat tagħhom jenħtieġ jiżgura wkoll livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, kif stabbilit fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE (2).

(4)

Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) tipprevedi li t-tagħmir tar-radju, li jinkludi punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, irid jinbena b’tali mod li jiżgura l-protezzjoni tas-saħħa u s-sikurezza tan-nies.

(5)

Il-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li huma soġġetti għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 jenħtieġ jiġu ddefiniti f’termini tal-volum massimu, ir-restrizzjonijiet fuq il-piż u l-potenza massima tal-emissjonijiet. L-għażla tal-volum massimu biex jiġi delimitat l-impatt viżiv ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira jenħtieġ tippermetti l-flessibbiltà u l-adattabbiltà tad-disinn għall-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-istruttura ta’ sapport.

(6)

L-istudju dwar ir-“Reġim ta’ Introduzzjoni Ħafif għal Punti tal-Aċċess Bla Fili f’Żona Żgħira (SAWAPs) (4)” tal-Kummissjoni juri li l-limitu tal-volum ta’ 30 litru jkun biżżejjed biex jinkludi l-elementi ewlenin ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, filwaqt li jiġi żgurat il-karattru diskret tiegħu. Dak il-volum massimu jenħtieġ japplika għal kwalunkwe introduzzjoni ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jservi utent tal-ispettru tar-radju wieħed jew aktar, kif ukoll għal bosta punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jikkondividu sit infrastrutturali b’superfiċe żgħira, bħal arblu tad-dawl, dawl tat-traffiku, billboard jew sinjal ta’ waqfa tal-karozza tal-linja, li minħabba d-dimensjonijiet fiżiċi tagħhom jew ir-replikazzjoni densa tagħhom f’żona partikolari, jew it-tnejn li huma, aktarx jiġġeneraw konfużjoni viżiva.

(7)

Il-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira jenħtieġ jikkonformaw mal-istandard Ewropew EN 62232:2017 (5)“Determination of RF field strength, power density and specific absorption rate (SAR) in the vicinity of radiocommunication base stations for the purpose of evaluating human exposure”. Dak l-istandard jipprovdi metodoloġija għall-installazzjoni ta’ stazzjonijiet bażi li tqis il-potenza tal-emissjonijiet tagħhom għall-iskop tal-evalwazzjoni tal-esponiment uman għall-kampijiet elettromanjetiċi (“EMF”) u huwa konformi mal-limiti stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE. Dak l-istandard issir referenza għalih ukoll fit-Taqsima 6.1 tal-istandard armonizzat Ewropew EN 50401:2017 “Product standard to demonstrate the compliance of base station equipment with radiofrequency electromagnetic field exposure limits (110 MHz - 100 GHz), when put into service”, b’rabta mal-valutazzjoni tal-konformità tal-punt tal-aċċess bla fili li jkun tqiegħed fis-servizz fl-ambjent operattiv tiegħu bil-limiti ta’ esponiment għall-EMF stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE.

(8)

L-Istandard EN 62232:2017 japplika għat-tipi kollha ta’ stazzjonijiet bażi maqsuma f’ħames klassijiet ta’ installazzjoni li jikkorrispondu rispettivament għal-limiti differenti tal-potenza iżotropika radjata ekwivalenti tagħhom (EIRP) ta’ ftit milliwatts (il-Klassi E0), 2 Watts (il-Klassi E2), 10 Watts (il-Klassi E10), 100 Watt (il-Klassi E100) u iżjed minn 100 Watt (il-Klassi E+). Minn dawk il-klassijiet, filwaqt li jitqiesu d-distanzi ta’ sikurezza tal-installazzjonijiet li jridu jiġu rispettati skont dak l-istandard u peress li d-Direttiva (UE) 2018/1972 tipprevedi li l-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira jenħtieġ li jkunu tagħmir b’potenza baxxa, dan ir-Regolament jenħtieġ japplika biss għall-klassijiet ta’ installazzjoni E0, E2 u E10. It-tabella 2 tal-klawżola 6.2.4 ta’ EN 62232:2017 tirrekjedi li l-aktar parti radjanti baxxa tal-antenna tal-Klassi E10 ikollha għoli ta’ mill-inqas 2,2 metri ’l fuq mill-passaġġ tal-pubbliku ġenerali biex tkun żgurata distanza ta’ mill-inqas 20 cm bejn il-post tal-antenna prinċipali u l-ġisem ta’ persuna twila 2 m (6).

(9)

Għal raġunijiet estetiċi, l-installazzjoni fuq ġewwa ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira tal-Klassi E10, li aktarx jużaw il-limitu massimu tal-volum ta’ 30 litru, jenħtieġ jiġu permessi biss fi spazji kbar fuq ġewwa b’saqaf għoli mill-inqas 4 metri, bħall-mużewijiet, il-grawnds, iċ-ċentri tal-konvenzjonijiet, l-ajruporti, l-istazzjonijiet tal-metro, l-istazzjonijiet ferrovjarji, jew iċ-ċentri kummerċjali.

(10)

Punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira ma jridx jipperikola l-istabbiltà tal-istruttura sħiħa ta’ support li huwa installat fuqha, u għalhekk ma jrid jimponi l-ebda tisħiħ strutturali tal-istruttura ta’ support użata, la minħabba l-piż u lanqas minħabba l-forma tiegħu.

(11)

Sabiex jippermetti s-superviżjoni u l-monitoraġġ mill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari f’każijiet ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira biswit xulxin jew kolokati, kull operatur li jintroduċi punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira tal-Klassi E2 jew E10 f’konformità mal-karatteristiċi stabbiliti f’dan ir-Regolament għandu jinforma fil-pront lill-awtorità kompetenti dwar l-installazzjoni. Għal dan il-għan, l-operatur għandu jissottometti notifika, mhux aktar tard minn ġimagħtejn wara l-installazzjoni, lill-awtorità kompetenti dwar l-installazzjoni, li tinkludi l-post u l-karatteristiċi tekniċi ta’ dawk il-punti ta’ aċċess kif ukoll dikjarazzjoni ta’ konformità tal-installazzjoni mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-Regolament. Sabiex jiġi żgurat li l-proċess ikun faċli fl-Istati Membri kollha, din in-notifika għandha tiġi sottomessa lil punt waħdieni ta’ informazzjoni, bħal dak stabbilit skont id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(12)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-livelli aggregati tal-EMF li jirriżultaw mill-kolokazzjoni jew mill-aggregazzjoni f’żona lokali tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira koperti mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972, kif ukoll tipi oħra ta’ stazzjonijiet bażi, sabiex tiġi żgurata l-konformità tagħhom mal-limiti aggregati tal-esponiment applikabbli f’konformità mad-dritt tal-Unjoni b’mezzi oħra għajr il-permessi individwali relatati mal-introduzzjoni ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira.

(13)

Peress li huma previsti żviluppi ulterjuri tal-istandards rilevanti, jekk dawn se jkopru l-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jħaddmu sistemi ta’ antenni attivi, tali punti tal-aċċess jenħtieġ li, f’dan l-istadju, ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-reġim tal-introduzzjoni li jkun eżenti mill-permess.

(14)

L-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jenħtieġ tiġi mmonitorjata b’mod regolari sabiex ir-rieżami tagħha jiġi ffaċilitat filwaqt li jitqies kull aġġornament tal-istandard Ewropew EN 62232, jew żviluppi rilevanti oħra fl-istandardizzazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-użu ta’ sistemi ta’ antenni attivi, l-evoluzzjoni teknoloġika fir-rigward tat-teknoloġija tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, il-ħtiġijiet b’rabta mal-appoġġ ta’ meded multipli u soluzzjonijiet kondiviżi (aktar minn operatur wieħed), kif ukoll kull aġġornament tar-Rakkomandazzjoni 1999/519/KE.

(15)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-miżuri nazzjonali dwar is-sikurezza, il-provvista tal-utilitajiet, ir-rispett tal-proprjetà privata inkluż id-dritt tas-sidien li jiddeterminaw l-użu tal-proprjetà tagħhom, kif ukoll rigward id-drittijiet ta’ passaġġ relatati mal-konnessjoni tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira f’konformità mad-dritt tal-Unjoni.

(16)

Dan ir-Regolament jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni ta’ kwalunkwe reġimi inqas restrittivi fil-livell nazzjonali għall-introduzzjoni ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira.

(17)

Billi d-Direttiva (UE) 2018/1972 issir applikabbli mill-21 ta’ Diċembru 2020, dan ir-Regolament għandu japplika mill-istess data.

(18)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Komunikazzjoni,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-karatteristiċi fiżiċi u tekniċi tal-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972.

Dan ir-Regolament ma għandux japplika għall-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira b’sistema ta’ antenna attiva.

Artikolu 2

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Potenza rradjata iżotropikament ekwivalenti (EIRP)” tfisser il-multiplikazzjoni tal-potenza fornuta lill-antenna u l-gwadann tal-antenna f’direzzjoni partikolari relattiva għal antenna iżotropika (gwadann assolut jew iżotropiku);

(2)

“sistema tal-antenni” tfisser parti fiżika ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li tirradja l-enerġija tal-frekwenza tar-radju biex tipprovdi konnettività bla fili lill-utenti finali;

(3)

“sistema ta’ antenna attiva (AAS)” tfisser sistema ta’ antenna fejn l-amplitudni jew il-fażi, jew it-tnejn li huma, bejn l-elementi tal-antenna jiġu aġġustati kontinwament biex iwasslu għal mudell tal-antenna li jvarja skont il-bidliet fi żmien qasir fl-ambjent tar-radju; dan jeskludi t-tiswir tar-raġġi fit-tul bħall-inklinazzjoni elettrika fissa dixxendenti; f’punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira li jkun mgħammar b’AAS, din tal-aħħar tkun integrata bħala parti mill-punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira;

(4)

“fuq ġewwa” tfisser kwalunkwe spazju, inkluż il-vetturi tat-trasport, li jkollhom saqaf jew xi struttura fissa jew li tiċċaqlaq jew apparat li kapaċi jkopri dak l-ispazju kollu, u bl-eċċezzjoni tal-bibien, it-twieqi u l-passaġġi, ikun magħluq kollu b’ħitan jew ġnub, b’mod permanenti jew temporanju, irrispettivament mit-tip ta’ materjal użat għas-saqaf, il-ħitan jew il-ġnub, u irrispettivament minn jekk l-istruttura tkunx permanenti jew temporanja;

(5)

“fuq barra” tfisser kwalunkwe spazju li ma jkunx fuq ġewwa.

Artikolu 3

1.   Il-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(1) tad-Direttiva (UE) 2018/1972 għandhom jikkonformaw mar-rekwiżiti tal-istandard Ewropew stabbiliti fil-punt B tal-Anness ta’ dan ir-Regolament u għandhom:

(a)

ikunu integrati b’mod sħiħ u sikur fl-istruttura ta’ support tagħhom, u għalhekk ikunu inviżibbli għall-pubbliku ġenerali; jew

(b)

jissodisfaw il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-punt A tal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

2.   Il-paragrafu 1 huwa mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-livelli aggregati tal-kampijiet elettromanjetiċi li jirriżultaw mill-kolokazzjoni jew mill-aggregazzjoni f’żona lokali ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, u li jiżguraw il-konformità mal-limiti aggregati applikabbli tal-esponiment għall-kampijiet elettromanjetiċi f’konformità mad-dritt tal-Unjoni b’mezzi oħra għajr permessi individwali relatati mal-introduzzjoni ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira.

3.   L-operaturi li jkunu introduċew punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira tal-Klassijiet E2 jew E10 li jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafu 1, għandhom jinnotifikaw lill-awtorità nazzjonali kompetenti, fi żmien ġimagħtejn mill-introduzzjoni ta’ kull punt ta’ dan it-tip, dwar l-installazzjoni u l-post fejn jinsabu dawk il-punti ta’ aċċess u dwar ir-rekwiżiti li jissodisfaw skont dak il-paragrafu.

Artikolu 4

L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw u jirrappurtaw b’mod regolari lill-Kummissjoni, l-ewwel darba sal-31 ta’ Diċembru 2021, u kull sena minn hemm ’il quddiem, dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1), inkluż dwar it-teknoloġiji użati mill-punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira introdotti.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-21 ta’ Diċembru 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 321, 17.12.2018, p. 36.

(2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 1999/519/KE tat-12 ta’ Lulju 1999 dwar il-limitazzjoni tal-espożizzjoni tal-pubbliku ġenerali għal kampi elettromanjetiċi (0 Hz sa 300 GHz) (ĠU L 199, 30.7.1999, p. 59).

(3)  Id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).

(4)  Smart 2018/0017, https://op.europa.eu/en/publication-detail/-/publication/463e2d3d-1d8f-11ea-95ab-01aa75ed71a1/language-en/format-PDF/source-112125706

(5)  Applikabbli għall-medda tal-frekwenzi 110 MHz-100 GHz.

(6)  L-Anness C.3 ta’ EN 62232:2017.

(7)  Id-Direttiva 2014/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar miżuri biex tonqos l-ispiża għall-installazzjoni ta’ netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b’veloċità għolja (ĠU L 155, 23.5.2014, p. 1).


ANNESS

A.   Kundizzjonijiet imsemmija fil-punt (b) tal-Artikolu 3(1)

1.

Il-volum totali tal-parti ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira viżibbli għall-pubbliku ġenerali li jservi utent tal-ispettru tar-radju wieħed jew aktar ma għandux jaqbeż it-30 litru.

2.

Il-volum totali tal-partijiet ta’ bosta punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira viżibbli għall-pubbliku ġenerali li jikkondividu l-istess sit infrastrutturali ta’ superfiċe individwali delimitata, bħal arblu tad-dawl, dawl tat-traffiku, billboard jew sinjal ta’ waqfa tal-karozza tal-linja, ma għandux jaqbeż it-30 litru.

3.

Meta s-sistema ta’ antenni u elementi oħra tal-punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira, bħall-unità tal-frekwenza tar-radju, il-proċessur diġitali, l-unità tal-ħżin, is-sistema tat-tkessiħ, il-provvista tal-enerġija, il-konnessjonijiet tal-kejbils, l-elementi tal-backhaul jew l-elementi għall-ertjar u t-twaħħil jiġu installati separatament, kull parti minnhom li taqbeż it-30 litru għandha tkun inviżibbli għall-pubbliku ġenerali.

4.

Il-punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira għandu jkollu konsistenza viżiva mal-istruttura ta’ support u jkollu daqs proporzjonat fir-rigward tad-dimensjonijiet kumplessivi tal-istruttura ta’ support, forma koerenti, kuluri newtrali li jaqblu jew li jmorru mal-istruttura ta’ support, kif ukoll kejbils moħbija, u ma għandux joħloq konfużjoni viżiva flimkien ma’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira oħra li diġà jkunu installati fl-istess sit jew f’siti biswitu.

5.

Il-piż ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira u l-forma tiegħu ma għandhomx jimponu t-tisħiħ strutturali tal-istruttura ta’ support.

6.

Punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira tal-klassi tal-installazzjoni E10 għandu jiġi introdott biss fi spazji fuq barra, jew fi spazji fuq ġewwa mdaqqsin b’saqaf għoli mill-inqas 4 m.

B.   Rekwiżiti tal-istandard Ewropew imsemmi fl-Artikolu 3(1)

1.

L-introduzzjoni ta’ punti tal-aċċess bla fili f’żona żgħira għandha tkun konformi mal-klassijiet tal-installazzjoni E0, E2 u E10 tat-Tabella 2 tal-klawżola 6.2.4 tal-istandard Ewropew EN 62232:2017 “Determination of RF field strength, power density and specific absorption rate (SAR) in the vicinity of radiocommunication base stations for the purpose of evaluating human exposure”.

2.

Fil-każ ta’ bosta sistemi ta’ antenni kolokati (jew partijiet minnhom) ta’ punt tal-aċċess bla fili f’żona żgħira wieħed jew aktar soġġetti għal dan ir-Regolament, il-kriterji għall-EIRP li jinsabu fl-istandard imsemmi fil-punt 1 għandhom japplikaw għat-total tal-EIRP tas-sistemi kollha ta’ antenni kolokati (jew partijiet minnhom).

Top