EUR-Lex Prístup k právu Európskej únie
Tento dokument je výňatok z webového sídla EUR-Lex
Dokument 32017D0126
Commission Decision (EU) 2017/126 of 24 January 2017 amending Decision 2013/448/EU as regards the establishment of a uniform cross-sectoral correction factor in accordance with Article 10a of Directive 2003/87/EC of the European Parliament and of the Council (Text with EEA relevance. )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/126 tal-24 ta' Jannar 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2013/448/UE fir-rigward tal-istabbiliment ta' fattur ta' korrezzjoni transsettorjali uniformi f'konformità mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/126 tal-24 ta' Jannar 2017 li temenda d-Deċiżjoni 2013/448/UE fir-rigward tal-istabbiliment ta' fattur ta' korrezzjoni transsettorjali uniformi f'konformità mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Test b'rilevanza għaż-ŻEE. )
C/2017/0367
ĠU L 19, 25.1.2017, s. 93 – 95
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
Účinné
25.1.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 19/93 |
DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2017/126
tal-24 ta' Jannar 2017
li temenda d-Deċiżjoni 2013/448/UE fir-rigward tal-istabbiliment ta' fattur ta' korrezzjoni transsettorjali uniformi f'konformità mal-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għan-negozjar ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 10a(5) tagħha,
Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2011/278/UE tas-27 ta' April 2011 li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u b'mod partikolari l-Artikolu 15(3) tagħha,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE jistabbilixxi ammont annwali massimu ta' kwoti li huwa l-bażi biex jiġu kkalkulati l-allokazzjonijiet mingħajr ħlas għall-installazzjonijiet mhux koperti bl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE. Dan l-ammont huwa s-somma taż-żewġ elementi rispettivament deskritti fil-punti (a) u (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE. |
(2) |
Biex ikun żgurat li l-ammont annwali massimu ta' kwoti ma jinqabiżx, fattur ta' korrezzjoni transsettorjali jiġi applikat jekk ikun meħtieġ, u dan inaqqas b'mod uniformi l-allokazzjonijiet għall-installazzjonijiet kollha eliġibbli biex jirċievu allokazzjonijiet bla ħlas. |
(3) |
F'konformità mal-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE, il-Kummissjoni tiddetermina l-fattur ta' korrezzjoni transettorjali billi tqabbel il-limitu stabbilit bl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE mas-somma tal-ammonti totali annwali preliminari ta' allokazzjonijiet għall-installazzjonijiet kollha koperti bid-Direttiva 2003/87/KE fit-territorju tal-Istati Membri. |
(4) |
Il-Kummissjoni ddeterminat, fid-Deċiżjoni 2013/448/UE (3) fattur ta' korrezzjoni transsettorjali uniformi, ippreżentat fl-Artikolu 4 tagħha u l-Anness II tagħha. |
(5) |
Il-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha tat-28 ta' April 2016 dwar il-każijiet konġunti C-191/14. C-192/14, C-295/14, C-389/14 u C-391/14 sa C-393/14, sabet li l-Kummissjoni, meta kienet qed tistabbilixxi l-ammont annwali massimu ta' kwoti f'konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE ma messiex qieset l-emissjonijiet li rriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE mill-2013 peress li dawk l-emissjonijiet kienu ġenerati minn installazzjonijiet koperti bl-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet. B'konsegwenza ta' dan, il-Qorti kkonkludiet li l-Kummissjoni ma ddeterminatx l-ammont annwali massimu ta' kwoti f'konformità mar-rekwiżiti tal-punt (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u li l-fattur transkorrezzjonali uniformi stabbilit fl-Artikolu 4 u fl-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448/UE kien imur ukoll kontra dawk id-dispożizzjonijiet. L-Artikolu 4 u l-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448/UE b'hekk kienu invalidati mill-Qorti. |
(6) |
Biex timplimenta din is-sentenza, il-Kummissjoni hija meħtieġa li tirrikalkola l-ammont annwali massimu ta' kwoti għal installazzjonijiet eliġibbli li jirċievu allokazzjonijiet bla ħlas fir-rigward tar-rekwiżiti tal-punt (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u, b'konsegwenza ta' dan, il-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali uniformi għandu jkun emendat skont dan. |
(7) |
Il-kalkolu mill-ġdid tal-ammont ta' kwoti msemmi fil-punt (b) tal-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE twettaq bl-użu tal-istess metodoloġija, bl-użu tal-istess dejta li ntużat għall-kalklolu inizjali fl-2013. F'konformità mas-sentenza tal-Qorti, billi l-Kummissjoni inizjalment kienet qieset l-emissjonijiet ġenerati minn installazzjonijiet koperti bl-EU ETS qabel l-1 ta' Jannar 2013 u li jirriżultaw mill-attivitajiet elenkati fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE mill-2013 biss, dawn kellhom jitneħħew mill-kalkolu tal-ammont annwali massimu ta' kwoti kif definit mill-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE. |
(8) |
Il-Kummissjoni użat bħala punt tat-tluq is-sottomissjonijiet uffiċjali inizjali mill-Istati Membri. Imbagħad, il-Kummissjoni kkonsultat lill-Istati Membri dwar is-sottomissjonijiet tagħhom ta' dejta dwar l-emissjonijiet u, kull fejn kien meħtieġ, talbet għal aktar kjarifiki. F'konformità mal-Artikolu 10a(5), tqiesu biss installazzjonijiet li għalihom emissjonijiet verifikati ġew sottomessi mill-Istati Membri. |
(9) |
Imbagħad, il-Kummissjoni neħħiet l-installazzjonijiet mill-kalkolu fejn wettqu attivitajiet koperti bid-Direttiva 2003/87/KE mill-2013 biss iżda li kienu diġà parti mill-iskema għan-negozjar ta' emissjonijiet qabel l-2013. L-emissjonijiet minn installazzjonijiet li ddaħħlu mill-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 24 tad-Direttiva 2003/87/KE qabel l-2013 tneħħew ukoll. |
(10) |
L-installazzjonijiet affettwati mid-data tal-ġbir tad-dejta inizjali sal-2013, kemm b'bidliet strutturali bħal fużjonijiet, qsim jew għeluq jew b'bidliet tekniċi biex b'hekk ma jkunux jistgħu jilħqu aktar il-livelli limiti rilevanti stabbiliti fl-Anness I tad-Direttiva 2003/87/KE xorta tqiesu fl-eżerċizzju ta' kalkolu mill-ġdid peress li dawn il-bidliet ma setgħux jiġu antiċipati fid-data tal-ġbir tad-dejta. L-installazzjonijiet esklużi mis-sistema skont l-Artikolu 27 tad-Direttiva 2003/87/KE tqiesu wkoll fil-kalkolu mill-ġdid għall-istess raġuni. |
(11) |
Tibdiliet li jikkoreġu l-iżbalji fil-Miżuri ta' Implimentazzjoni Nazzjonali tal-Istati Membri għall-perjodu 2013-2020 u implimentati sa tmiem l-2016 tqiesu fl-eżerċizzju tal-kalkolu mill-ġdid, peress li l-valuri korretti kellhom ikunu diġà fis-seħħ meta seħħ il-kalkolu oriġinali tal-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali. |
(12) |
Fis-sentenza tagħha tat-28 ta' April 2016, il-Qorti llimitat b'mod espliċitu l-effetti temporali tad-dikjarazzjoni ta' invalidità tal-Artikolu 4 u tal-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448/UE biex b'hekk, l-ewwel nett, is-sentenza ma tipproduċix effetti sa 10 xhur mid-data tal-għoti ta' din is-sentenza. B'hekk, il-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali stabbilit fid-Deċiżjoni 2013/448/UE huwa invalidu mill-1 ta' Marzu 2017. Barra minn hekk, il-miżuri addottati sa dik id-data abbażi tad-dispożizzjonijiet invalidati ma jistgħux jiġu kkontestati. |
(13) |
F'konformità mas-sentenza tal-Qorti li tenfasizza l-kunsiderazzjonijiet imperattivi taċ-ċertezza legali, il-miżuri tal-Istati Membri dwar l-allokazzjonijiet tal-kwoti għall-perjodu 2013-2020 u kwalunkwe tibdil u żidiet sussegwenti għal dawn magħmula sad-dħul fis-seħħ tad-deċiżjoni jibqgħu validi. Il-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali determinat f'din id-Deċiżjoni għandu jiġi applikat f'deċiżjonijiet addottati mill-1 ta' Marzu 2017 li joħolqu jew jimmodifikaw id-drittijiet għal allokazzjoni u li jinvolvu, għad-deteminazzjoni tagħhom, l-applikazzjoni tal-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Id-Deċiżjoni 2013/448/UE hija b'dan emendata kif ġej:
1. |
L-Artikolu 4 għandu jiġi sostitwit b'li ġej: “Artikolu 4 Il-fattur ta' korrezzjoni transettorjali uniformi msemmi fl-Artikolu 10a(5) tad-Direttiva 2003/87/KE u ddeterminat skont l-Artikolu 15(3) tad-Deċiżjoni 2011/278/UE huwa stabbilit fl-Anness II ta' din id-Deċiżjoni” |
2. |
L-Anness II għandu jiġi sostitwit bit-test li jidher fl-Anness ta' din id-Deċiżjoni. |
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Marzu 2017.
Magħmul fi Brussell, l-24 ta' Jannar 2017.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32.
(2) ĠU L 130, 17.5.2011, p. 1.
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/448/UE tal-5 ta' Settembru 2013 dwar miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali għall-allokazzjoni tranżizzjonali mingħajr ħlas ta' kwoti tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 240, 7.9.2013, p. 27).
ANNESS
L-Anness II tad-Deċiżjoni 2013/448/KE jinbidel b'dan li ġej:
“ANNESS II
Il-valuri tal-fattur ta' korrezzjoni transsettorjali li japplikaw għall-allokazzjonijiet mingħajr ħlas għal installazzjonijiet li mhumiex koperti bl-Artikolu 10a(3) tad-Direttiva 2003/87/KE għas-snin 2013-2020 huma dawn li ġejjin:
Sena |
Fattur ta' korrezzjoni transsettorjali |
2013 |
89,207101 % |
2014 |
87,657727 % |
2015 |
86,090119 % |
2016 |
84,506152 % |
2017 |
82,905108 % |
2018 |
81,288476 % |
2019 |
79,651677 % |
2020 |
78,009186 %” |