Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 22000A0411(02)

    It-Trattat tal-WIPO dwar il-prestazzjonijiet u l-fonogrammi (WPPT) Ġinevra (1996)

    ĠU L 89, 11.4.2000, p. 15–23 (ES, DA, DE, EL, EN, FR, IT, NL, PT, FI, SV)

    Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali (CS, ET, LV, LT, HU, MT, PL, SK, SL, BG, RO, HR)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/agree_internation/2000/278(2)/oj

    22000A0411(02)



    Official Journal L 089 , 11/04/2000 P. 0015 - 0023


    It-Trattat tal-WIPO dwar il-prestazzjonijiet u l-fonogrammi

    (WPPT)

    Ġinevra (1996)

    Werrej

    Preambolu

    Il-KAPITOLU I

    Artikolu 1

    Artikolu 2

    Artikolu 3

    Artikolu 4

    Il-KAPITOLU II

    Artikolu 5

    Artikolu 6

    Artikolu 7

    Artikolu 8

    Artikolu 9

    Artikolu 10

    Il-KAPITOLU III

    Artikolu 11

    Artikolu 12

    Artikolu 13

    Artikolu 14

    Il-KAPITOLU IV

    Artikolu 15

    Artikolu 16

    Artikolu 17

    Artikolu 18

    Artikolu 19

    Artikolu 20

    Artikolu 21

    Artikolu 22

    Artikolu 23

    Il-KAPITOLU V

    Artikolu 24

    Artikolu 25

    Artikolu 26

    Artikolu 27

    Artikolu 28

    Artikolu 29

    Artikolu 30

    Artikolu 31

    Artikolu 32

    Artikolu 33

    PREAMBOLU

    IL-PARTIJIET KONTRAENTI,

    XEWQANA li jiżviluppaw u jżommu l-ħarsien tad-drittijiet tal-prestaturi u l-produtturi ta' fonogrammi b'mod effettiv u uniformi kemm jista' jkun,

    JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li jiddaħħlu regoli internazzjonali biex ikun hawn soluzzjonijiet xierqa għall-kwistjonijiet li jistgħu jinqalgħu minn żviluppi ekonomiċi,soċjali, kulturali u teknoloġiċi,

    JIRRIKONOXXU l-impatt profond l-iżvilupp u l-konverġenza tat-teknoloġiji tal-komunikazzjoni u ta' l-informatika fuq il-produzzjoni u l-użu tal-prestazzjonijiet u l-fonogrammi,

    JIRRIKONOXXU l-ħtieġa li jinżamm bilanċ bejn id-drittijiet tal-prestaturi u tal-produtturi tal-fonogrammi u l-interessi tal-pubbliku, b'mod partikolari l-edukazzjoni, ir-riċerka u l-aċċess għall-edukazzjoni

    FTIEHMU KIF ĠEJ:

    IL-KAPITOLU I

    DISPOSIZZJONIJIET ĠENERALI

    Artikolu 1

    Relazzjoni ma' Konvenzjonijiet oħra

    1. Xejn f'dan it-Trattat ma jnaqqas minn obbligi eżistenti li l-Partijiet Kontraenti għandhom lejn xulxin taħt il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni tal-Prestaturi, Produtturi tal-Fonogrammi u Organizzazzjonijiet ta' Xandir magħmula f'Ruma, fis-26 t'Ottubru, 1961 (minn hawn 'il quddiem il-"Konvenzjoni ta' Ruma").

    2. Il-protezzjoni mogħtija taħt dan it-trattat tħalli l-protezzjoni tad-dritt ta' l-awtur f'xogħlijiet litterarji u artistiċi bla mittiefes u bl-ebda mod ma tolqotha. Għalhekk, l-ebda disposizzjoni ta' dan it-Trattat ma tista' tkun interpretata li qed tippreġudika tali protezzjoni.

    3. Dan it-Trattat mhux se jkollu x'jaqsam ma' trattati oħrajn, u lanqas se jippreġudika drittijiet u obbligi taħt trattati oħrajn.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-għanijiet tat-Trattat:

    (a) "prestaturi" huma atturi, kantanti, mużiċisti, żeffiena, u atturi, iwasslu, jirreċtaw, jieħdu sehem, jinterpretaw jew b'xi mod ieħor jaħdmu f'xogħlijiet letterarji jew artistiċi jew espressjonijiet ta' folklor;

    (b) "fonogramma" tfisser l-iffissar ta' ħsejjes ta' prestazzjoni jew ta' ħsejjes oħra, jew ta' rappreżentazzjoni ta' ħsejjes, li mhix il-forma ta' fissazzjoni inkorporata f'xogħol ċinematografiku jew xogħol ieħor awdjoviżiv;

    (ċ) "iffissar" tfisser l-inkorporazzjoni ta' ħsejjes, jew rappreżentazzjonijiet tagħhom, minn fejn jistgħu jinstemgħu, riprodotti jew ikkomunikati minn xi għodda;

    (d) "Produttur ta' fonogramma" tfisser il-persuna, jew entita legali, li tieħu l-inizjattiva u li għandha r-responsabbilta għall-ewwel darba li jsir l-iffissar tal-ħsejjes ta' prestazzjoni jew ħsejjes oħra, jew ir-rappreżentazzjoni ta' ħsejjes;

    (e) "pubblikazzjoni" ta' prestazzjoni jew ta' fonogramma tfisser l-offerta ta' kopji tal-prestazzjoni ffissata jew tal fonogramma lill-pubbliku, bil-kunsens ta' min għandu d-drittijiet, u li l-kopji huma offerti lill-pubbliku fi kwantitajiet raġjonevoli;

    (f) "xandir" tfisser it-trasmissjoni b'mezzi mingħajr fili għar-riċezzjoni ta' ħsejjes jew ta' immaġni u ħsejjes jew rappresentazzjonijiet tagħhom mill-pubbliku; trasmissjoni bis-satellita jitqies ukoll "xandir"; trasmissjoni ta' sinjali maqlubin f'kodiċi jitqies ukoll "xandir", fejn l-organizzazzjoni tipprovdi il-mezzi ta'qlib lura mill-kodiċi lill-pubbliku, jew ikunu ipprovduti bil-kunsens tagħha;

    (g) "komunikazzjoni lill-pubbliku" ta' prestazzjoni jew ta' fonogramma tfisser trasmissjoni b'kull mezz, minbarra xandir, ta' ħsejjes ta' prestazzjoni fissi ġo fonogramma. Għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 15, "komunikazzjoni lill-pubbliku" tinkludi li l-ħsejjes jew rappreżentazzjonijiet tal-ħsejjes fissi ġo fonogramma jkunu jistgħu jinstemgħu mill-pubbliku.

    Artikolu 3

    Benefiċjarji tal-protezzjoni f'dan it-Trattat

    1. Il-partijiet kontraenti jagħtu l-protezzjoni f'dan it-Trattat lill-prestaturi u lill-Produtturi tal-fonogrammi li huma ċittadini ta' partijiet kontraenti oħrajn.

    2. Iċ-ċittadini ta' partijiet kontraenti oħrajn se jkunu dawk il-prestaturi jew produtturi ta' fonogrammi li jilħqu l-kriterji ta' eliġibiltà għall-protezzjoni ipprovduti mill-Konvenzjoni ta' Ruma, kienu l-partijiet kontraenti kollha dan it-Trattat Partijiet Kontraenti ta' dik il-konvenzjoni. Skond dawn il-kriterji ta' eliġibilità, il-Partijiet Kontraenti japplikaw id-definizjonijiet rilevanti fl-Artikolu 2 ta' dan it-Trattat.

    3. Jekk Parti Kontraenti tuża l-possibbilitajiet ipprovduti fl-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni ta' Ruma jew, għall-iskopijiet ta' l-Artikolu 5 ta' l-istess Konvenzjoni, l-Artikolu 17 tiegħu jinnotifika kif previst f'dawk id-disposizzjonijiet lid-Direttur-Ġenerali ta' l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali (WIPO).

    Artikolu 4

    Trattament Nazzjonali

    1. Kull Parti Kontraenti tagħti liċ-ċittadini ta' Partijiet Kontraenti, kif iddefinit fl-Artikolu 3(2), it-trattament li tagħti liċ-ċittadini tagħha stess rigward id-drittijiet esklussivi mogħtija speċifikatament f'dan it-Trattat, u d-dritt ta' ħlas ġust previst fl-Artikolu 15 ta' dan it-Trattat.

    2. L-obbligu fil-Paragrafu 1 ma jistax ikun applikat b'tali mod li Parti Kontraenti oħra tuża r-riservazzjoni permessi bl-Artikolu 15(3) ta' dan it-Trattat.

    IL-KAPITOLU II

    DRITTIJIET TAL-PRESTAZZJONI

    Artikolu 5

    Drittijiet morali tal-prestaturi

    1. Indipendentement mid-drittijiet ekonomiċi ta' presatur, u ukoll wara t-trasferiment ta' dawn id-drittijiet, il-prestatur ikollu dritt jitlob li jingħaraf bħala l-prestatur tal-prestazzjonijiet ta' kant fejn jidher quddiem in-nies jew prestazzjonijiet fissi ġo fonogramma, ħlief fejn l-ommissjoni hi iddettata mil-mod ta' kif tintuża l-prestazzjoni, u biex joġġezzjona għal kull tgħawwiġ, tqaċċit jew bdil ieħor tal-prestazzjonijiet li jista' jippreġudika r-reputazzjoni tiegħu.

    2. Id-drittijiet mogħtija lil prestatur skond il-paragrafu 1, wara mewtu, jibqgħu tiegħu, għallinqas sakemm jiskadu d-drittijiet ekonomiċi, u jistgħu jibqgħu ikunu eżerċitati minn persuni jew istituzzjonijiet awtorizzati mil-leġislazzjoni tal-Parti Kuntraenti fejn tkun qed tintalab il-protezzjoni. Madankollu, dawk il-partijiet kontraenti li, fiż-żmien tar-ratifika jew adeżjoni ma' dan it-trattat, ma jkollhomx leġislazzjoni li toffri protezzjoni, wara l-mewt tal-prestatur, tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu ta' qabel, jistgħu jipprovdu li xi wħud minn dawn id-drittijiet, wara mewtu, ma jibqgħux tiegħu.

    3. Il-mezzi ta' riparazzjoni għall-issalvagwardjar tad-drittijiet mogħtija minn dan l-Artikolu ikunu irregolati mil-leġislazzjoni tal-Parti Kontraenti fejn tkun qed tintalab il-protezzjoni.

    Artikolu 6

    Drittijiet ekonomiċi tal-prestaturi fil-prestazzjonijiet mhux fissi tagħhom

    Il-prestaturi jkollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw, dwar il-prestazzjoni tagħhom:

    (i) ix-xandir u l-komunikazzjoni lill-pubbliku tal-prestazzjonijiet tagħhom mhux fissi, ħlief meta l-prestazzjoni hi diġà prestazzjoni għax-xandir; u

    (ii) l-iffissar tal-prestazzjoni tagħhom li mhux fissi.

    Artikolu 7

    Id-dritt tar-Riproduzzjoni

    Il-Prestaturi jkollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni diretta jew indiretta tal-prestazzjoni tagħhom iffissata fil-fonogrammi, f'kull mod u għamla.

    Artikolu 8

    Id-dritt tad-distribuzzjoni

    1. Il-Prestaturi jkollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw li l-prestazzjoni l-oriġinali tagħhom u kopji tagħha jitpoġġew għad-disposizzjoni tal-pubbliku b'bejgħ jew trasferiment ieħor tad-dritt tal-pussess.

    2. Xejn f'dan it-trattat ma jaffettwa l-liberta tal-partijiet kontraenti li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet, jekk ikun hemm, li taħthom jibda jgħodd l-eżawriment tad-dritt fil-paragrafu 1 wara l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor tad-dritt tal-pussess tal-prestazzjoni l-oriġinali jew kopja tal-prestazzjoni bl-awtorizzazzjoni tal-prestatur.

    Artikolu 9

    Dritt tal-Kiri

    1. Il-Prestaturi jkollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw il-kiri kummerċjali lill-pubbliku ta' l-oriġinali u kopji tal-prestazzjonijiet fissi ġo fonogrammi kif iddeterminat fil-liġi nazzjonali tal-Partijiet Kontraenti, ukoll wara distribuzzjoni tagħhom minn, jew skond, l-awtorizzazzjoni tal-prestatur.

    2. Minkejja id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, Parti Kontraenti li, fil-15 t'April 1994, kellha u għad għandha fis-seħħ sistema ta' ħlas ġust lill-prestaturi għall-kiri ta' kopji tal-prestazzjonijiet fissi ġo fonogrammi, tista' tibqa' b'dik is-sistema sakemm il-kiri kummerċjali tal-fonogrammi mhux qed jagħti lok għal tnaqqis materjali mid-dritt esklussiv ta' riproduzzjoni tal-prestaturi.

    Artikolu 10

    Dritt li jsiru disponibbli dehriet fissi

    Il-Prestaturi jkollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw li prestazzjonijiet fissi ġo fonogrammi jsiru disponibbli għall-pubbliku, b'mezzi ta' fili jew mingħajr, b'tali mod li membri tal-pubbliku jkollhom aċċess għalihom minn post u f'ħin magħżul minnhom.

    IL-KAPITOLU III

    DRITTIJIET TAL-PRODUTTURI TAL-FONOGRAMMI

    Artikolu 11

    Dritt tar-Riproduzzjoni

    Produtturi ta' fonogrammi jkollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw ir-riproduzzjoni diretta jew indiretti tal-fonogrammi tagħhom, b'kull mod jew għamla.

    Artikolu 12

    Id-dritt tad-distribuzzjoni

    1. Produtturi ta' fonogrammi jkollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw li fonogrammi l-oriġinali u kopji tagħhom jitpoġġew għad-disposizzjoni tal-pubbliku b'bejgħ jew trasferiment ieħor tad-dritt tal-pussess.

    2. Xejn f'dan it-trattat ma jaffettwa l-liberta tal-partijiet kontraenti li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet, jekk ikun hemm, li taħthom jibda jgħodd l-eżawriment tad-dritt fil-paragrafu 1 wara l-ewwel bejgħ jew trasferiment ieħor tad-dritt tal-pussess tal-fonogramma l-oriġinali jew kopja tal-fonogramma bl-awtorizzazzjoni tal-produttur tal-fonogramma.

    Artikolu 13

    Id-dritt tal-kiri

    1. Il-Produtturi tal-fonogrammi jkollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw il-kiri kummerċjali lill-pubbliku ta' l-oriġinali u kopji tal-fonogrammi tagħhom, ukoll wara distribuzzjoni tagħhom minn, jew skond, l-awtorizzazzjoni tal-produttur.

    2. Minkejja id-disposizzjonijiet tal-paragrafu 1, Parti Kontraenti li, fil-15 t'April 1994, kellha u għad għandha fis-seħħ sistema ta' ħlas ġust lill-produtturi ta' fonogrammi għall-kiri ta' kopji tal-fonogrammi tagħhom, tista' tibqa' b'dik is-sistema sakemm il-kiri kummerċjali tal-fonogrammi mhux qed jagħti lok għal tnaqqis materjali mid-dritt esklussiv ta' riproduzzjoni tal-produtturi tal-fonogrammi.

    Artikolu 14

    Dritt li jsiru disponibbli l-fonogrammi

    Il-Produtturi tal-fonogrammi jkollhom id-dritt esklussiv li jawtorizzaw li l-fonogrammi tagħhom isiru disponibbli għall-pubbliku, b'mezzi ta' fili jew mingħajr, b'tali mod li membri tal-pubbliku ikollhom aċċess għalihom minn post u f'ħin magħżul minnhom.

    IL-KAPITOLU IV

    DISPOSIZZJONIJIET KOMUNI

    Artikolu 15

    Id-Dritt ta' ħlas għal xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku

    1. Prestaturi u produtturi ta' fonogrammi għandhom id-dritt ta' ħlas xieraq ta' darba għall-użu dirett jew indirett ta' fonogrammi ippubblikati għal skopijiet kummerċjali ta' xandir jew kull komunikazzjoni lill-pubbliku.

    2. Partijiet kontraenti jistgħu jistabbilixxu fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom li l-ħlas xieraq ta' darba se jintalab lill-utent mill-prestatur jew mill-produttur ta' fonogramma jew mit-tnejn. Partijiet kontraenti jistgħu jgħaddu leġislazzjoni naturali li, fin-nuqqas ta' ftehim bejn il-prestatur u l-produttur ta' fonogramma, tqiegħed termini dwar kif prestaturi u produtturi ta' fonogrammi jaqsmu l-ħlas xieraq ta' darba.

    3. Kull Parti Kontraenti tista', b'notifika mogħtija lid-Direttur Ġenerali ta'l-WIPO, tiddikjara li se tibda tapplika d-disposizzjonijiet fil-Paragrafu 1 fir-rigward ta' xi utenti biss, jew li b'xi mod se tillimita l-applikazzjoni tagħhom, jew li m'hi se tapplika xejn minn dawn id-disposizzjonijiet.

    4. Għall-iskopijiet ta' dan l-Artikolu fonogrammi li jkunu disponibbli għall-pubbliku b'mezzi ta' fili jew mingħajr, b'tali mod li membri tal-pubbliku ikollhom aċċess għalihom minn post u f'ħin magħżul minnhom, se jkunu meqjusin li kienu ppublikati għal għanijiet kummerċjali.

    Artikolu 16

    Limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet

    1. Partijiet kontraenti jistgħu, fil-leġislazzjoni nazzjonali tagħhom, idaħħlu l-istess tip ta' limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet rigward il-protezzjoni tal-prestaturi u l-produtturi tal-fonogrammi li għandhom, fil-leġislazzjoni nazzjonali taghom, għall-protezzjoni ta' drittijiet ta' l-awturi ta' xogħlijiet letterarji u artistiċi.

    2. Partijiet kontraenti se jorbtu kull limitazzjoni tad-drittijiet jew eċċezzjonijiet lid-drittijiet previsti f'dan it-Trattat ma' ċerti kazi speċjali li ma joħolqux konflitti ma' sfruttament normali tal-prestazzjoni jew fonogramma u li ma jippreġudikawx b'mod irraġjonevoli l-interessi leġittimi tal-prestatur jew tal-produttur tal-fonogramma.

    Artikolu 17

    Terminu ta' protezzjoni

    1. It-terminu ta' protezzjoni mogħti lill-prestaturi taħt dan it-Trattat idum mill-inqas sat-tmiem ta' żmien ta' 50 sena li jingħaddu minn tmiem is-sena li l-prestazzjoni kienet iffissata ġo fonogramma.

    2. It-terminu ta' protezzjoni mogħti lill-produtturi ta' fonogrammi taħt dan it-Trattat idum mill-inqas sat-tmiem ta' żmien ta' 50 sena li jingħaddu minn tmiem is-sena li l-fonogramma kienet ippubblikata, jew jekk ma kinitx ippubblikata f'50 sena mill-fissazzjoni tal-fonogramma, 50 sena minn tmiem is-sena meta kienet saret il-fissazzjoni

    Artikolu 18

    Obbligi dwar miżuri tekniċi

    Partijiet kontraenti jipprovdu protezzjoni legali xierqa u rimedji legali effettivi kontra t-tidwir madwar il-miżuri teknoloġiċi effettivi li jintużaw minn prestaturi u produtturi ta' fonogrammi f'konnessjoni ma' l-eżerċitazzjoni tad-drittijiet tagħhom taħt dan it-Trattat u li jirrestrinġu atti, rigward il-prestazzjonijiet jew fonogrammi tagħhom, li mhux awtorizzati mill-prestaturi jew produtturi ikkonċernati jew permessi mil-liġi.

    Artikolu 19

    Obbligi dwar tagħrif fuq l-immaniġġjar ta' drittijiet

    1. Partijiet kontraenti jipprovdu rimedju legali effettivi u xierqa kontra kull persuna li intenzjonalment tagħmel l-azzjonijiet li ġejjin koxxenti li, jew rigward rimedji ċivili ikollha bażi raġjonevoli li tkun taf li, se tinduċi, tagħmel possibbli, tiffaċilita jew taħbi ksur ta' dritt li jaqa' taħt dan it-Trattat:

    (i) tneħħi jew tibdel mingħajr awtorità tagħrif elettroniku fuq l-immaniġjar tad-drittijiet;

    (ii) tqassam, timporta għat-tqassim, xandir, komunikazzjoni jew tqegħed għad-disposizzjoni tal-pubbliku, mingħajr awtorità, prestazzjoni, kopji ta' prestazzjonijiet fissi jew fonogrammi konxja li t-tagħrif elettroniku dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet tneħħa jew inbidel mingħajr awtorità.

    2. Kif użat f'dan l-Artikolu, "tagħrif dwar l-immaniġġjar tad-drittijiet" tfisser informazzjoni li tidentifika lill-prestatur, il-prestazzjoni tal-prestatur, il-produttur tal-fonogramma, il-fonogramma, is-sid ta' kwalunkwe dritt fil-prestazzjoni jew fil-fonogramma, jew tagħrif dwar it-termini u l-kondizzjonijiet ta' l-użu tal-fonogramma, u numri jew kodiċi li jirrappreżentaw tali tagħrif, meta kwalunkwe punt minn dan it-tagħrif hu marbut ma' kopja fissa ta' prestazzjoni jew fonogramma jew jidher marbut mal-komunikazzjoni fuq it-tqegħid tal-prestazzjoni fissa jew fonogramma għad-disposizzjoni tal-pubbliku.

    Artikolu 20

    Formalitajiet

    Id-drittijiet u l-eżerċitazzjoni tagħhom previsti f'dan it-Trattat ma huma suġġetti għall-ebda formalità.

    Artikolu 21

    Riservi

    Bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 15(3), m'humiex permessi Riservi għal dan it-Trattat.

    Artikolu 22

    Applikazzjoni maż-żmien

    1. Partijiet kontraenti għandhom japplikaw id-disposizzjonijiet ta' l-Artikolu 18 tal-Konvenzjoni ta' Berna, mutatis mutandis, għad-drittijiet tal-prestaturi u l-produtturi tal-fonogrammi previsti f'dan it-Trattat.

    2. Minkejja l-Paragrafu 1, parti kontraenti tista' tillimta l-applikazzjoni ta' l-Artikolu 5 ta' dan it-Trattat għal prestazzjonijiet li saru wara li dan it-Trattat daħal fis-seħħ għal dik il-Parti.

    Artikolu 23

    Disposizzjonijiet għall-infurzar tad-drittijiet

    1. Partijiet kontraenti jiħduha fuqhom li jadottaw, skond is-sistemi legali tagħhom, il-miżuri meħtieġa biex jiżguraw l-applikazzjoni ta' dan it-Trattat.

    2. Partijiet kontraenti se jiżguraw li l-proċeduri ta' l-infurzar se jkunu disponibbli skond fil-liġi tagħhom kontra kull ksur ta' drittijiet taħt dan it-Trattat, li jinkludu rimedji biex ma jitħalliex isir ksur tad-drittijiet u rimedji li huma deterrent għal iktar ksur.

    IL-KAPITOLU V

    KLAWSOLI AMMINISTRATTIVI U FINALI

    Artikolu 24

    Assemblea

    1. (a) Il-Partijiet Kontraenti se jkollhom Assemblea.

    (b) Kull Parti kontraenti se tkun irrappreżentata minn delegat wieħed li jista' jkun megħjun minn delegati alternattivi, konsulenti u esperti.

    (ċ) L-ispejjeż ta' kull delegazzjoni se jkunu mħallsa mill-Parti Kontraenti li tkun ħatret id-delegazzjoni. L-Assemblea tista' titlob lill-WIPO għal għajnuna finanzjarja biex tgħin il-parteċipazzjoni tad-delegazzjonijiet mill-Partijiet Kontraenti li huma meqjusin bħala pajjiżi le qed jiżviluppaw skond il-prattika stabbilita ta' l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti jew li huma pajjiżi fi transizzjoni għal ekonomija tas-suq.

    2. (a) L-Assemblea se tieħu ħsieb il-ħwejjeġ li jirrigwardaw il-manutenzjoni u l-iżvilupp ta' dan it-Trattat u l-applikazzjoni u tħaddim ta' dan it-Trattat.

    (b) L-Assemblea se taqdi l-funzjoni mogħtija lilha fl-Artikolu 26(2) rigward l-ammissjoni ta' ċerti organizzazzjonijiet ta' bejn il-gvernijiet biex jissieħbu f'dan it-Trattat.

    (ċ) L-Assemblea tiddeċiedi il-konvokazzjoni ta' kull konferenza diplomatika għar-reviżjoni ta' dan it-trattat u tagħti l-istruzzjonijiet meħtieġa lil-Direttur Ġenerali tal-WIPO għall-preparazzjoni ta' tali konferenza diplomatika.

    3. (a) Kull Parti Kontraenti ikollha vot wieħed u tista' tivvota biss għaliha nnifisha.

    (b) Kull Parti kontraenti li hi organizzazzjoni ta' bejn il-gvernijiet tista' tieħu sehem fil-votazzjoni f'post il-pajjiżi membri tagħha, b'numru ta' voti daqs in-numru ta' l-Istati Membri li huma msieħba f'dan it-Trattat. Organizzazzjoni ta' bejn il-gvernijiet ma tistax tieħu sehem fil-votazzjoni jekk wieħed mill-Istati Membri tagħha jeserċita d-dritt li jivvota u viċe versa.

    4. L-Assemblea tiltaqa' f'sessjoni regolari darba kull sentejn fuq konvokazzjoni tad-Direttur Ġenerali ta' l-WIPO.

    5. L-Assemblea tistabbilixxi ir-regoli tal-proċeduri tagħha nnfisha, ukoll il-konvokazzjoni ta' sessjonijiet straordinarji, il-ħtiġiet ta' kworum u bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta' dan it-Trattat, il-maġġoranza meħtieġa għal diversi tipi ta' deċiżjonijiet.

    Artikolu 25

    Uffiċċju Internazzjonali

    L-Uffiċċju Internazzjonai tal-WIPO se jaqdi l-kompiti amministrattivi tat-Trattat.

    Artikolu 26

    Eligibilità għal sħubija fit-Trattat

    1. L-Istati Membri kollha tal-WIPO jistgħu jissieħbu f'dan it-Trattat.

    2. L-Assemblea tista' tiddeċiedi li tħalli kwalunkwe organizzazzjoni ta' bejn il-gvernijiet tissieħeb f'dan it-Trattat li tiddikjara li hi kompetenti fir-rigward ta', u li għandha l-leġislazzjoni tagħha li torbot lill-Istati Membri kollha tagħha fuq, materja li taqa' taħt dan it-Trattat u li hi awtorizzata, skond il-proċeduri interni tagħha stess, li tissieħeb f'dan it-Trattat.

    3. Il-Komunità Ewropea, wara li għamlet id-Dikjarazzjoni msemmija fil-Paragrafu ta' qabel dan fil-Konferenza Diplomatika li addottat dan it-Trattat, tista' tissieħeb fit-Trattat.

    Artikolu 27

    Drittijiet u Obbligi taħt it-Trattat

    Bla ħsara lil disposizzjonijiet speċifiċi kuntrarji għal dan it-Trattat, kull Parti Kontraenti ikollha d-drittijiet u l-obbligi kollha ta' dan it-Trattat.

    Artikolu 28

    Iffirmar tat-Trattat

    Dan it-Trattat ikun miftuħ għall-iffirmar sal-31 ta' Diċembru 1997, minn kull Stat Membru ta' l-WIPO u l-Komunità Ewropea.

    Artikolu 29

    Dħul fis-seħħ tat-Trattat

    Dan it-Tratt jidħol fis-seħħ tliet xhur wara li 30 strument ta' ratifika jew adeżjoni jkunu iddepożitati mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO mill-Istati.

    Artikolu 30

    Data effettiva ta' sħubija fit-Trattat

    It-Trattat jorbot:

    (i) lit-30 Stat imsemmija fl-Artikolu 29, mid-data li fiha dan it-Trattat jidħol fis-seħħ;

    (ii) lill-Istati l-oħrajn minn għeluq it-tliet xhur mid-data li fiha l-Istat jiddepożita l-istrument tiegħu mad-Direttur Ġenerali tal-WIPO;

    (iii) lill-Komunità Ewropea, minn għeluq it-tliet xhur wara li jkun iddepożitat l-istrument ta' ratifika jew adeżjoni jekk tali strument ikun iddepożitat wara d-dħul fis-seħħ ta' dan it-Trattat skond l-Artikolu 29, jew, tliet xhur wara d-dħul fis-seħħ ta' dan it-Trattat jekk tali strument kien iddepożitat qabel id-dħul fis-seħħ ta' dan it-Trattat;

    (iv) kull organizzazzjoni oħra ta' bejn il-gvernijiet li titħalla tissieħeb f'dan it-Trattat, minn għeluq it-tliet xhur wara d-depożitu ta' l-istrument ta' l-adeżjoni.

    Artikolu 31

    Denunzja tat-Trattat

    Dan it-Trattat jista' jkun iddenunzjat minn kull Parti Kontraenti permezz ta' notifika indirizzata lid-Direttur Ġenerali tal-WIPO. Kull denunzja tidħol fis-seħħ sena minn meta d-Direttur Ġenerali jkun irċieva n-notifika.

    Artikolu 32

    Ilsna tat-Trattat

    1. Dan it-Trattat hu ffirmat fl-oriġinal bl-Ingliż, bl-Għarbi, biċ-Ċiniż, bil-Franċiż, bir-Russu u bl-Ispanjol, bil-verżjonijiet awtentiċi daqs xulxin f'kull ilsien.

    2. Test uffiċjali f'kull lingwa barra minn dawk imsemmijin fil-Paragrafu 1 se jkunu stabbiliti mid-Direttur Ġenerali tal-WIPO fuq rikjesta ta' parti interessata, wara konsultazzjoni mal-partijiet kollha interessati. Għall-iskopijiet ta' dan il-Paragrafu, "parti interessata" tfisser kull Stat Membru tal-WIPO li l-ilsien uffiċjali tiegħu, jew li wieħed mill-ilsna uffiċjali tiegħu, ikun involut u l-Komunità Ewropea, u kull organizzazzjoni ta' bejn il-gvernijiet li tista' tissieħeb f'dan it-Trattat, jekk wieħed mill-ilsna uffiċjali jkun involut.

    Artikolu 33

    Depositarju

    Id-Direttur Ġenerali tal-WIPO huwa d-depositarju ta' dan it-Trattat.

    --------------------------------------------------

    Dikjarazzjonijiet li hemm qbil fuqhom

    Dwar l-Artikolu 1(2)

    Hu mifhum li l-Artikolu 1(2) jikkarifika r-relazzjoni bejn id-drittijiet fil-fonogrammi taħt dan it-Trattat u d-drittijiet letterarji u artistiċi tax-xogħlijiet inkorporati fil-fonogrammi. F'każi meta trid tingħata awtorizzazzjoni kemm mill-awtur tax-xogħol inkorporat fil-fonogramma kif ukoll artist jew produttur li għandhom drittijiet fil-fonogramma, il-ħtieġa ta' l-awtorizzazzjoni ta' l-awtur tibqa' minkejja li hi meħtieġa ukoll l-awtorizzazzjoni ta' l-artist jew tal-produttur, u viċe versa.

    Hu mifhum ukoll li xejn fl-Artikolu 1(2) ma jżomm Parti Konraenti milli tipprovdi iktar drittijiet esklussivi lil artist jew produttur ta' fonogrammi minn dawk li għandhom jingħataw skond dan it-Trattat.

    Dwar l-Artikolu 2(b)

    Hu mifhum li t-tifsira ta' fonogrammi mogħtija fl-Artikolu 2(b) ma tissuġġerix li d-drittijiet tal-fonogrammi huma milqutin b'xi mod jekk ikunu inkorporati f'xogħol ċinematografiku jew xogħol awdjoviżiv ieħor.

    Dwar l-Artikolu 2(e), 8, 9, 12 u 13

    Kif użati f'dawn l-Artikoli, il-kelmiet "kopji" u "oriġinali u kopji" billi huma suġġetti għad-dritt ta' distribuzzjoni u għad-dritt ta' kiri taħt l-Artikoli msemmija, jirreferu biss għal kopji fissi li jistgħu jitpoġġew fiċ-ċirkolazzjoni bħala oġġetti tanġibbli.

    Dwar l-Artikolu 3(2)

    Għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 3(2), hu mifhum li fissazzjoni tfisser it-tlestija tal-mamma ("bande-mère").

    Dwar l-Artikolu 3

    Hu mifhum li r-referenza fl-Artikoli 5(a) u 16(a)(iv) tal-Konvenzjoni ta' Ruma għal "ċittadini ta' Parti Kontraenti oħra", meta applikata għal dan it-Trattat, tfisser, rigward organizzazzjoni ta' bejn il-gvernijiet li hi Parti Kontraenti ta' dan it-Trattat, ċittadin ta' wieħed minn dawk il-pajjiżi li hu membru ta' dik l-organizzazzjoni.

    Dwar l-Artikoli 7, 11 u 16

    Id-dritt ta' riproduzzjoni, kif stabbilit fl-Artikoli 7 u 11, u l-eċċezzjonijiet permessi għalihom permezz ta' l-Artikolu 16, jgħoddu bis-sħiħ għall-ambjent diġitali, b'mod partikolari għall-użu tal-wirjiet u fonogrammi f'għamla diġitali. Hu mifhum li l-ħażna ta' wirja protetta jew fonogramma f'għamla diġitali f'mezz elettroniku hija riproduzzjoni fit-tifsira ta' dawn l-Artikoli.

    Dwar l-Artikolu 15

    Hu mifhum li l-Artikolu 15 mhux riżoluzzjoni sħiħa tal-livell tad-drittijiet ta' xandir u komunikazzjoni lill-pubbliku ta' l-artisti u l-produtturi fiż-żmien diġitali. Delegazzjonijiet ma laħqux ftehim dwar proposti differenti għal aspetti ta' esklussività li għandha tingħata mingħajr il-possibbiltà ta' riservi, u għalhekk ħallew il-kwistjoni għal risoluzzjoni iktar ‘il quddiem.

    Dwar l-Artikolu 15

    Hu mifhum li l-Artikolu 15 ma jżommx il-konċessjoni tad-dritt mogħti minn dan l-Artikolu lill-artisti ta' folklor u produtturi ta' fonogrammi li jirreġistraw il-folklor fejn dawn il-fonogrammi ma kinux ippubblikati għal qliegħ kummerċjali.

    Dwar l-Artikolu 16

    Id-dikjarazzjoni li hemm qbil fuqha dwar l-Artikolu 10 (fuq il-limitazzjonijiet u l-eċċezzjonijiet tat-Trattat tal-WIPO dwar id-drittijiet ta' l-awtur tapplika mutatis mutandis ukoll għall-Artikolu 16 (fuq limitazzjonijiet u eċċezzjonijiet) tat-Trattat tal-WIPO dwar Wirjiet u Fonogrammi.

    Dwar l-Artikolu 19

    Id-dikjarazzjoni li hemm qbil fuqha dwar l-Artikolu 12 (fuq obbligi dwar tagħrif fuq l-immaniġġjar tad-drittijiet) tat-Trattat tal-WIPO fuq id-drittijiet ta' l-awtur tapplika mutatis mutandis ukoll għall-Artikolu 19 (fuq obbligi dwar tagħrif fuq l-immaniġġjar tad-drittijiet) tat-Trattat tal-WIPO dwar il-Wirjiet u Fonogrammi.

    --------------------------------------------------

    Top