Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62012CN0484

    Kawża C-484/12: Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Rechtbank ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil- 31 ta’ Ottubru 2012 — Georgetown University vs Octrooicentrum Nederland, handelend onder de naam NL Octrooicentrum

    ĠU C 26, 26.1.2013, p. 23–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    26.1.2013   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 26/23


    Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Rechtbank ’s-Gravenhage (il-Pajjiżi l-Baxxi) fil-31 ta’ Ottubru 2012 — Georgetown University vs Octrooicentrum Nederland, handelend onder de naam NL Octrooicentrum

    (Kawża C-484/12)

    2013/C 26/43

    Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

    Qorti tar-rinviju

    Rechtbank ’s-Gravenhage

    Partijiet fil-kawża prinċipali

    Rikorrent: Georgetown University

    Konvenuti: Octrooicentrum Nederland, handelend onder de naam NL Octrooicentrum.

    Domandi preliminari

    (1)

    Ir-Regolament (KE) Nru 469/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Mejju 2009, dwar iċ-ċertifikat ta’ protezzjoni supplimentari għal prodotti mediċinali (1), u b’mod partikolari l-punt (c) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, jipprekludi li, meta privattiva bażika fis-seħħ tkopri diversi prodotti, għandu jingħata ċertifikat lill-proprjetarju ta’ din il-privattiva għal kull prodott protett?

    (2)

    Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, b’liema mod għandhom jiġu interpretati l-punt (c) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 469/2009, meta privattiva bażika fis-seħħ tkopri diversi prodotti u li, fid-data ta’ preżentazzjoni ta’ applikazzjoni għal ċertifikat għal wieħed mill-prodotti protetti (A), ebda ċertifikat ma jkun għadu ngħata għal prodotti oħra protetti mill-istess privattiva bażika (B u Ċ), iżda li jkunu ngħataw certifikati għall-prodotti (B u Ċ) qabel ma tiġi adottata deċiżjoni rigward l-applikazzjoni għal ċertifikat għall-ewwel prodott (A)?

    (3)

    Għall-finijiet ta’ risposta għad-domanda preċedenti, huwa rilevanti li l-applikazzjoni għal ċertifikat għal wieħed mill-prodotti protetti mill-privattiva bażika (A) tkun ġiet ippreżentata fl-istess data bħall-applikazzjonijiet relatati mal-prodotti oħra (B u Ċ) protetti mill-istess privattiva bażika?

    (4)

    Jekk l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, ċertifikat jista’ jingħata għal prodott protett minn privattiva bażika fis-seħħ, meta ċertifikat ikun diġà ngħata preċedentement għal prodott ieħor protett mill-istess privattiva bażika, iżda li l-applikant jirrinunzja għal dan l-aħħar ċertifikat sabiex jikseb ċertifikat ġdid ibbażat fuq l-istess privattiva bażika?

    (5)

    Jekk huwa rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domanda preċedenti, li jiġi stabbilit jekk ir-rinunzja għandhiex effett retroattiv, din l-aħħar domanda hija rregolata mill-punt (b) u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 469/2009 jew mid-dritt nazzjonali? Jekk il-kwistjoni tal-effett retroattiv tar-rinunzja hija rregolata mill-punt (b) u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 469/2009, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li din ir-rinunzja għandha effett retroattiv?


    (1)  ĠU L 152, p. 1.


    Top