This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32009L0102
Directive 2009/102/EC of the European Parliament and of the Council of 16 September 2009 in the area of company law on single-member private limited liability companies (Codified version) (Text with EEA relevance)
Direttiva 2009/102/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata (Verżjoni kkodifikata) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
Direttiva 2009/102/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas- 16 ta’ Settembru 2009 rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata (Verżjoni kkodifikata) (Test b’relevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 258, 1.10.2009, p. 20–25
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV) Dan id-dokument ġie ppubblikat f’edizzjoni(jiet) speċjali
(HR)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 01/07/2013
1.10.2009 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 258/20 |
DIRETTIVA 2009/102/KE TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
tas-16 ta’ Settembru 2009
rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbiltà limitata
(verżjoni kodifikata)
(Test b’relevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkundisdra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea, u b’ mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 251 tat-Trattat (2),
Billi:
(1) |
It-tnax-il Direttiva tal-Kunsill 89/667/KEE tal-21 ta’ Diċembru 1989 rigward il-liġijiet tal-kumpanniji dwar il-kumpanniji privati ta’ membru wieħed b’responsabbilità limitata (3) ġiet emendata kemm-il darba (4) b’mod sostanzjali. Fl-interess taċ-ċarezza u tar-razzjonalità, l-imsemmija Direttiva għandha tiġi kodifikata. |
(2) |
Ċerti salvagwardi li, għall-protezzjoni tal-interessi tal-membri u ta’ oħrajn, huma mitluba mill-Istati Membri ta’ kumpanniji u ditti fis-sens tal-Artikolu 48(2) tat-Trattat, għandhom jiġu koordinati bil-ħsieb li dawn is-salvagwardji jintgħamlu ekwivalenti ġewwa l-Komunità kollha. |
(3) |
F’dan il-kamp, l-ewwel Direttiva tal-Kunsill 68/151/KEE tat-9 ta’ Marzu 1968 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta’ kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 58(2) tat-Trattat, bil-għan li tagħmel dawn is-salvagwardji ekwivalenti f’kull parti tal-Komunità (5) u r-raba’ Direttiva tal-Kunsill 78/660/KEE tal-25 ta’ Lulju 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet annwali ta’ ċerti tipi ta’ kumpanniji (6) u s-seba’ Direttiva tal-Kunsill 83/349/KEE tat-13 ta’ Ġunju 1983 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar il-kontijiet konsolidati (7), dwar, rispettivament, l-iżvelar, il-validità tal-impejni, in-nullità, il-kontijiet annwali u l-kontijiet ikkonsolidati, japplikaw għal-kumpanniji kollha b’kapital azzjonarju. Madanakollu, It-tieni Direttiva tal-Kunsill 77/91/KEE tat-13 ta’ Diċembru 1976 dwar il-koordinazzjoni ta’ salvagwardji li, għall-protezzjoni tal-interessi ta’ membri u oħrajn, huma meħtieġa mill-Istati Membri ta' kumpanniji fis-sens tal-Artikolu 58(2) tat-Trattat, dwar il-formazzjoni ta’ kumpanniji pubbliċi ta’ responsabbilità limitata u ż-żamma u t-tibdil tal-kapital tagħhom, bil-għan li jagħmlu dawn is-salvagwardji ekwivalenti (8), it-tielet Direttiva tal-Kunsill 78/855/KEE tad-9 ta’ Ottubru 1978 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar l-amalgamazzjoni ta’ kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata (9), u s-sitt Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE tas-17 ta’ Diċembru 1982 ibbażata fuq l-Artikolu 54(3)(g) tat-Trattat dwar id-diviżjoni ta’ kumpanniji b'responsabbilta pubblika limitata (10), dwar, rispettivament, il-formazzjoni u l-kapital, amalgamazzjonijiet u d-diviżjonijiet japplikaw biss għall-kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata. |
(4) |
Strument legali li jippermetti l-limitazzjoni tar-responsabbiltà tal-imprenditur individwali ġewwa l-Komunità kollha huwa neċessarju, mingħajr preġudizzju għal-liġijiet tal-Istati Membri li, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, jeħtieġu li dan l-imprenditur ikun responsabbli għall-obbligi tal-impriża tiegħu. |
(5) |
Kumpannija privata b’responsabbiltà limitata tista’ tkun kumpannija b’membru wieħed miż-żmien tal-formazzjoni tagħha, jew tista’ ssir hekk għaliex l-ishma tagħha jkunu ġew miżmuma minn azzjonist wieħed. Sakemm isir il-koordinament tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar il-liġijiet li għandhom x’jaqsmu mal-gruppi, l-Istati Membri jistgħu jistabilixxu ċerti dispożizzjonijiet speċjali u penali għall-każijiet meta persuna naturali tkun il-membru wieħed ta’ diversi kumpanniji jew meta kumpannija b’membru wieħed jew kwalunkwe persuna legali oħra jkunu l-membru waħdieni ta’ kumpannija. L-iskop waħdani ta’ din is-setgħa huwa sabiex jittieħed kont tad-differenzi li jeżistu f’ċerti liġijiet nazzjonali. Għal dan l-iskop, l-Istati Membri jistgħu f’każijiet speċifiċi jistabilixxu restrizzjonijiet fuq l-użu ta’ kumpanniji b’membru wieħed jew ineħħu l-limiti fuq ir-responsabbiltajiet tal-membri waħdiena. L-Istati Membri huma ħielsa li jistabilixxu regoli li jkopru r-riskji li jistgħu jippreżentaw il-kumpanniji b’membru wieħed bħala konsegwenza talli għandhom membru wieħed, b’mod partikolari sabiex jiġi żgurat illi jitħallas il-kapital sottoskritt. |
(6) |
Il-fatt illi l-ishma kollha jkunu ġew miżmuma minn azzjonist wieħed u l-identità tal-membru waħdieni għandha tiġi żvelata permezz ta’ dħul f’reġistru aċċessibli għall-pubbliku. |
(7) |
Id-deċiżjonijiet meħuda mill-membru waħdieni fl-eżerċizzju tas-setgħat tal-laqgħa ġenerali għandhom jiġu rreġistrati bil-miktub. |
(8) |
Il-kuntratti bejn membru waħdieni u l-kumpannija tiegħu kif irrapreżentata minnu għandhom jiġu reġistrati bil-miktub, safejn u sakemm dawn il-kuntratti ma jkollhomx x’jaqsmu mal-operazzjonijiet korrenti konklużi taħt kondizzjonijiet normali. |
(9) |
Din id-Direttiva għandha tkun bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, Parti B, |
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Il-miżuri ta’ koordinament stabbiliti f’din id-Direttiva għandhom japplikaw għall-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu mat-tipi ta’ kumpanniji msemmija fl-Anness I.
Artikolu 2
1. Kumpannija jista’ jkollha membru wieħed meta tiġi ffurmata u wkoll meta l-ishma kollha tagħha jiġu miżmuma minn persuna waħda (kumpannija b’ membru wieħed).
2. L-Istati Membri jistgħu, sakemm isir il-koordinament tal-liġijiet nazzjonali relatati ma’ gruppi, jistabilixxu dispożizzjonijiet jew penali speċjali għall-każijiet meta:
(a) |
persuna naturali tkun il-membru waħdieni ta’ diversi kumpanniji; jew |
(b) |
kumpannija b’membru wieħed jew kull persuna legali oħra jkunu l-membru waħdieni ta’ kumpannija. |
Artikolu 3
Meta kumpannija ssir kumpannija b’membru wieħed minħabba li l-isħma kollha tagħha jiġu miżmuma minn persuna waħda, dan il-fatt flimkien ma l-identità tal-membru waħdieni, għandhom jew jiġu rreġistrati fil-fajl jew imdaħħla fir-reġistru kif imsemmi fl -Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 68/151/KEE jew jiġu mdaħħla f’reġistru miżmum mill-kumpannija u aċċessibli għall-pubbliku.
Artikolu 4
1. Il-membru waħdieni għandu jeżerċita s-setgħat tal-laqgħa ġenerali tal-kumpannija.
2. Id-deċiżjonijiet meħuda mill-membru waħdieni fil-kamp imsemmi fil-paragrafu 1 għandhom jiġu rreġistrati fil-minuti jew imfassla bil-miktub.
Artikolu 5
1. Il-kuntratti bejn il-membru waħdieni u l-kumpannija tiegħu kif rapreżentata minnu għandhom jiġu rreġistrati fil-minuti jew imfassla bil-miktub.
2. L-Istati Membri ma għandhomx għalfejn japplikaw il-paragrafu 1 għall-operazzjonijiet korrenti konklużi taħt kondizzjonijiet normali.
Artikolu 6
Meta Stat Membru jippermetti kumpanniji b’membru wieħed fis-sens ta’l-Artikolu 2(1) anke’ fil-każ tal-kumpanniji b’responsabbiltà pubblika limitata, għandha tapplika din id-Direttiva.
Artikolu 7
Stat Membru ma għandux għalfejn jippermetti l-formazzjoni ta’ kumpanniji b’membru wieħed meta l-legiżlazzjoni tiegħu tipprovdi illi imprenditur individwali jista’ jistabbilixxi impriża li r-responsabbiltà tagħha tkun limitata għal somma ddedikata għall-attività dikjarata, bil-kondizzjoni li jiġu stabbiliti salvagwardji għal dawn l-impriżi li jkunu ekwivalenti għal dawk imposti minn din id-Direttiva jew minn kull dispożizzjoni tal-Komunità li tapplika għall-kumpanniji msemmija fl-Artikolu 1.
Artikolu 8
L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-testi tad-dispożizzjonijiet prinċipali ta’ liġijiet nazzjonali li huma jadottaw fil-kamp kopert minn din id-Diretiva.
Artikolu 9
Id-Direttiva 89/667/KEE, kif emendata mill-atti elenkati fl-Anness II, Parti A hija mħassra, bla ħsara għall-obbligi tal-Istati Membri rigward il-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni tad-Direttivi stabbiliti fl-Anness II, Parti B.
Referenzi għad-Direttiva mħassra għandhom jinftiehmu bħala referenzi għal din id-Direttiva u għandhom jinqraw skont it-tabella ta’ korrelazzjoni fl-Anness III.
Artikolu 10
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 11
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Strasburgu, is-16 ta’ Settembru 2009.
Għall-Parlament Ewropew
Il-President
J. BUZEK
Għall-Kunsill
Il-President
C. MALMSTRÖM
(2) Opinjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta’ Novemebru 2008 (għadha m’hijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009.
(3) ĠU L 395, 30.12.1989, p. 40.
(4) Ara l-Anness II, Parti A.
(6) ĠU L 222, 14.8.1978, p. 11.
(7) ĠU L 193, 18.7.1983, p. 1.
(9) ĠU L 295, 20.10.1978, p. 36.
(10) ĠU L 378, 31.12.1982, p. 47.
ANNESS I
Tipi ta’ kumpaniji msemmija fl-Artikolu 1
— |
Il-Belġju: Société privée à responsabilité limitée/besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid; |
— |
Il-Bulgarja: дружество с ограничена отговорност, акционерно дружество; |
— |
Ir-Repubblika Ċeka: Společnost s ručením omezeným; |
— |
Id-Danimarka: Anpartsselskaber; |
— |
Il-Ġermanja: Gesellschaft mit beschränkter Haftung; |
— |
L-Estonja: Aktsiaselts, osaühing; |
— |
L-Irlanda: Private company limited by shares or by guarantee; |
— |
Il-Greċja: εταιρεία περιορισμένης ευθύνης; |
— |
Spanja: Sociedad de responsabilidad limitada; |
— |
Franza: société à responsabilité limitée; |
— |
L-Italja: Società a’ responsabilità limitata; |
— |
Ċipru: Ιδιωτική εταιρεία περιορισμένηςε υθύνης με μετοχές ή με εγγύηση; |
— |
Il-Latvja: Sabiedrība ar ierobežotu atbildību; |
— |
Il-Litwanja: Uždaroji akcinė bendrovė; |
— |
Il-Lussemburgu: Société à responsabilité limitée; |
— |
L-Ungerija: Lorlátolt felelősségű társaság, részvénytárság; |
— |
Malta: Kumpanija privata/private limited liability company; |
— |
L-Olanda: Besloten vennootschap met beperkte aansprakelijkheid; |
— |
L-Awstrija: Aktiengesellschaft, Gesellschaft mit beschränkter Haftung; |
— |
Il-Polonja: Spółka z ograniczoną odpowiedzialnością; |
— |
Il-Portugall: Sociedade por quotas; |
— |
Ir-Rumanja: Societate cu răspundere limitată; |
— |
Is-Slovenja: Družba z omejeno odgovornostjo; |
— |
Is-Slovakkja: Spoločnosť s ručením obmedzeným; |
— |
Il-Finlandja: Osakeyhtiö/aktiebolag; |
— |
L-Iżvezja: Aktiebolag; |
— |
Ir-Renju Unit: Private company limited by shares or by guarantee. |
ANNESS II
PARTI A
Direttiva mħassra flimkien ma’ lista tal-emendi suċċessivi tagħha
(imsemmi fl-Artikolu 9)
Direttiva tal-Kunsill 89/667/KEE |
|
Anness I, punt XI.A tal-Att ta’ Adeżjoni 1994 |
|
Anness II, punt 4.A tal-Att ta’ Adeżjoni 2003 |
|
Direttiva tal-Kunsill 2006/99/KE |
punt A.4 tal-Anness biss |
PARTI B
Lista tal-limiti ta’ żmien għat-traspożizzjoni fil-liġi nazzjonali u l-applikazzjoni
(imsemmi fl-Artikolu 9)
Direttiva |
Limitu ta’ żmien għat-traspożizzjoni |
Data ta’ applikazzjoni |
89/667/KEE |
fil-31 ta’ Diċembru 1991. |
L-1 ta’ Jannar 1993 għal dak li jikkonċerna soċjetajiet li diġà jeżistu fl-1 ta’ Jannar 1992 |
2006/99/KE |
fl-1 ta’ Jannar 2007. |
|
ANNESS III
TABELLA TA’ KORRELAZZJONI
Direttiva 89/667/KEE |
Din id-Direttiva |
Artikoli 1, kliem introduttiv |
Artikoli 1 |
Artikolu 1, l-ewwel sas-seba’ u għoxrin inċiż |
Anness I |
Artikoli 2 sa 7 |
Artikoli 2 sa 7 |
Artikolu 8(1) |
— |
Artikolu 8(2) |
— |
Artikolu 8(3) |
Artikolu 8 |
— |
Artikolu 9 |
— |
Artikolu 10 |
Artikolu 9 |
Artikolu 11 |
— |
Anness I |
— |
Anness II |
— |
Anness III |