EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016D2269

Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2269 tal-15 ta' Diċembru 2016 dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fl-Indja skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

C/2016/8307

ĠU L 342, 16.12.2016, p. 38–41 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 10/06/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2016/2269/oj

16.12.2016   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 342/38


DEĊIŻJONI TA' IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2016/2269

tal-15 ta' Diċembru 2016

dwar l-ekwivalenza tal-qafas regolatorju għall-kontropartijiet ċentrali fl-Indja skont ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Lulju 2012 dwar derivati OTC, kontropartijiet ċentrali u repożitorji tad-data dwar it-tranżazzjonijiet (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 25(6) tiegħu,

Billi:

(1)

Il-proċedura għar-rikonoxximent ta' kontropartijiet ċentrali (“CCPs”) stabbiliti f'pajjiżi terzi, stipulata fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, għandha l-għan li tippermetti lis-CCPs stabbiliti u awtorizzati f'pajjiżi terzi li għandhom standards regolatorji ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament, li jipprovdu servizzi ta' kklirjar lill-membri tal-ikklirjar jew liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni. Għalhekk, din il-proċedura ta' rikonoxximent u d-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza previsti fiha jikkontribwixxu biex jintlaħaq l-għan ġenerali tar-Regolament (UE) Nru 648/2012 li jitnaqqas ir-riskju sistemiku billi jiġi estiż l-użu ta' CCPs sikuri u sodi biex jikklerjaw il-kuntratti tad-derivattivi barra l-borża (“OTC”), inkluż meta dawk is-CCPs ikunu stabbiliti u awtorizzati f'pajjiż terz.

(2)

Sabiex reġim legali ta' pajjiż terz jitqies bħala ekwivalenti għar-reġim legali tal-Unjoni fir-rigward ta' CCPs, l-eżitu sostantiv tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għandu jkun ekwivalenti għar-rekwiżiti tal-Unjoni rigward l-objettivi regolatorji li jiksbu. L-għan ta' din il-valutazzjoni ta' ekwivalenza huwa għalaqstant biex jiġi vverifikat li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Indja jiżguraw li s-CCPs stabbiliti u awtorizzati hemmhekk ma jesponux lil membri tal-ikklerjar u liċ-ċentri ta' negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal livell ogħla ta' riskju milli dawn tal-aħħar kieku jkunu esposti għalih minn CCPs awtorizzati fl-Unjoni u, bħala konsegwenza, ma joħolqux livelli ta' riskju sistemiku li mhumiex aċċettabli fl-Unjoni. Għalhekk, ir-riskji ferm aktar baxxi inerenti f'attivitajiet ta' kklirjar imwettqa fis-swieq finanzjarji li huma iżgħar mis-suq finanzjarju tal-Unjoni għandhom jiġu kkunsidrati b'mod partikolari.

(3)

Fl-1 ta' Settembru 2013, il-Kummissjoni rċeviet il-parir tekniku mill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs awtorizzati fl-Indja. Il-parir tekniku jikkonkludi li l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli, fuq livell ġuridizzjonali, jiżguraw li s-CCPs awtorizzati fl-Indja li adottaw politiki u proċeduri interni fir-rigward ta' diversi oqsma li jikkostitwixxu rekwiżiti legalment vinkolanti jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(4)

Skont l-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, iridu jintlaħqu tliet kundizzjonijiet sabiex jiġi determinat li l-arranġamenti legali u superviżorji ta' pajjiż terz rigward is-CCPs awtorizzati hemmhekk huma ekwivalenti għal dawk stabbiliti f'dak ir-Regolament.

(5)

Skont l-ewwel kundizzjoni, is-CCPs awtorizzati f'pajjiż terz iridu jikkonformaw mar-rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(6)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti tal-Indja għas-CCPs awtorizzati hemmhekk li jikklerjaw titoli korporattivi u derivattivi finanzjarji u li huma taħt is-superviżjoni u s-sorveljanza tas-Securities and Exchange Board of India (SEBI) (ir-reġim SEBI), jikkonsistu fl-Att dwar il-Kuntratti ta' Titoli (Regolament) tal-1956 (is-SCRA) u r-Regolamenti dwar il-Kuntratt ta' Titoli (ir-Regolament) (il-Borża u l-Korporazzjonijiet tal-Ikklerjar) tal-2012 (ir-Regolamenti) li ġew adottati f'Ġunju 2012 mis-SEBI fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha mis-SCRA u l-Att dwar il-Bord tat-Titoli u l-Iskambju tal-Indja (l-Att SEBI). Is-SEBI ħareġ Ċirkulari fl-4 ta' Settembru 2013 (iċ-Ċirkulari) li permezz tagħha huwa adotta l-Prinċipji għall-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji (“il-PFMIs”) maħruġa f'April 2012 mill-Kumitat dwar is-Sistemi tal-Pagamenti u s-Saldu (2) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli u obbliga l-infrastrutturi tas-swieq finanzjarji, inklużi korporazzjonijiet tal-ikklerjar li jaderixxu magħhom.

(7)

Is-SCRA u r-Regolamenti stabbilew reġim ta' awtorizzazzjoni għall-faċilitajiet tal-ikklerjar bħala korporazzjonijiet tal-ikklerjar rikonoxxuti (“RCCs”) mill-Gvern Ċentrali u s-SEBI. Faċilità tal-ikklerjar li tapplika għandha tikkonforma ma' rekwiżiti speċifiċi li għandhom l-għan li jassiguraw operat ġust ta' faċilità tal-ikklerjar kif ukoll il-protezzjoni tal-investituri. Il-Gvern Ċentrali jew is-SEBI jistgħu wkoll jimponu kundizzjonijiet fuq RCCs. RCCs iridu jadottaw regoli u proċeduri interni li huma vvalutati mill-Gvern Ċentrali u s-SEBI qabel l-għoti ta' awtorizzazzjoni tal-RCC u li jridu jkunu konformi mal-kundizzjonijiet imposti fuq kull RCC. Regoli u proċeduri interni ta' RCCs ma jistgħux jiġu emendati mingħajr l-approvazzjoni minn qabel tas-SEBI. Barra minn hekk, is-SEBI jista' jadotta regoli interni tal-RCCs għal kwistjonijiet speċifiċi jew jemenda r-regoli interni eżistenti ta' RCCs, fejn meħtieġ jew spedjenti. Barra minn hekk, is-SEBI jista' jimponi multi għal ksur tar-regoli interni u l-proċeduri ta' RCCs jew ta' kwalunkwe struzzjonijiet maħruġa mis-SEBI.

(8)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għal CCPs awtorizzati fl-Indja li jikklerjaw titoli tal-gvern, strumenti tas-suq monetarju, u strumenti tal-muniti barranin u li jaqgħu taħt is-superviżjoni tal-Bank ta' Riżerva tal-Indja (RBI) (ir-reġim RBI) jikkonsistu fil-Payment and Settlement Systems Act, 2007 (PSSA) u l-Payment and Settlement Systems Regulations, 2008 (ir-Regolamenti PSS). L-RBI jawtorizza entitajiet li joperaw kamra tal-ikklerjar sakemm jissodisfaw il-kundizzjonijiet meħtieġa (“kmamar tal-ikklirjar awtorizzati”). Barra minn hekk, RBI jista' jimponi kondizzjonijiet speċifiċi fuq l-awtorizzazzjoni li hija valida sakemm il-kondizzjonijiet speċifiċi imposti jkunu sodisfatti. Skont il-PSSA, il-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati jadottaw regoli u proċeduri interni u għandhom id-dmir li joperaw il-kamra tal-ikklerjar skont dawn.

(9)

Barra minn hekk, il-PSSA jagħti s-setgħa lill-RBI li joħroġ direttivi ġenerali jew direzzjonijiet indirizzati lejn kmamar tal-ikklerjar awtorizzati speċifiċi. Iż-żewġ tipi ta' direzzjonijiet għandhom jiġu mħarsa milll-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati. L-RBI ppubblika “Dokument ta' Politika għar-Regolamentazzjoni u s-Sorveljanza tal-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji” fis-26 ta' Lulju 2013, fejn iddikjara li l-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati kollha huma meħtieġa li jikkonformaw mal-PFMIs.

(10)

Din id-Deċiżjoni tirrigwarda biss l-ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji tal-RCCs u kmamar tal-ikklerjar awtorizzati u mhux l-arranġamenti legali u superviżorji għas-CCPs li jipprovdu servizzi tal-ikklirjar fis-suq tal-komoditajiet u li huma regolati u sorveljati mill-Forward Markets Commission.

(11)

Ir-rekwiżiti legalment vinkolanti applikabbli għas-CCPs awtorizzati fl-Indja għalhekk jikkonsistu fi struttura fuq żewġ saffi. Il-prinċipji ewlenin li jridu jikkonformaw magħhom RCCs u kmamar tal-ikklerjar sabiex jiksbu awtorizzazzjoni biex jipprovdu servizzi ta' kklerjar fl-Indja (“ir-regoli primarji”) huma dawn li ġejjin: (a) taħt it-reġim SEBI, il-prinċipji ewlenin għall-RCCs stabbiliti fl-SCRA u r-Regolament kumplimentati miċ-Ċirkolari tal-4 ta' Settembru 2013 li jirrikjedi konformità mal-PFMIs u (b) taħt ir-reġim RBI, ir-Regolamenti PSSA u PSS, flimkien mad-Dokument ta' Politika għar-Regolamentazzjoni u s-Sorveljanza tal-Infrastrutturi tas-Swieq Finanzjarji li jirrikjedi konformità mal-PFMIs. Dawn ir-regoli primarji jinkludu l-ewwel livell ta' rekwiżiti legalment vinkolanti fl-Indja. Sabiex jagħtu prova tal-konformità mar-regoli primarji, l-RCCs iridu jressqu r-regoli u l-proċeduri interni tagħhom mas-SEBI għall-approvazzjoni. Taħt ir-reġim tal-RBI, il-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati għandhom josservaw ir-regoli u l-proċeduri interni tagħhom fl-operazzjoni ta' kmamar tal-ikklirjar awtorizzati tagħhom. Dawn ir-regoli u l-proċeduri interni jinkludu t-tieni saff ta' rekwiżiti legalment vinkolanti fl-Indja, li jridu jipprovdu dettall preskrittiv dwar kif l-RCCs u l-kamra tal-ikklirjar awtorizzati se jissodisfaw dawk l-istandards. Barra minn hekk, ir-regoli u l-proċeduri interni tal-RCCs u l-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati fihom dispożizzjonijiet addizzjonali li jikkomplementaw ir-regoli primarji f'ċerti aspetti. Ir-regoli u l-proċeduri interni tal-RCCs u l-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati, li jimplimentaw il-PFMIs, huma legalment vinkolanti fuq l-RCCs u l-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati.

(12)

Il-valutazzjoni ta' ekwivalenza tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għall-RCCs u l-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati fl-Indja għandha tqis ukoll l-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju li huma jiżguraw f'termini tal-livell ta' riskju li l-membri tal-ikklirjar u ċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni jkunu esposti għalih meta jipparteċipaw f'dawk l-entitajiet. L-eżitu tal-mitigazzjoni tar-riskju huwa determinat kemm mill-livell ta' riskju inerenti fl-attivitajiet ta' kklirjar imwettqa mis-CCP ikkonċernata, li jiddependi mid-daqs tas-suq finanzjarju li topera fih, kif ukoll minn kemm huma xierqa l-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għas-CCPs biex inaqqsu dak il-livell ta' riskju. Sabiex jinkiseb eżitu ekwivalenti ta' mitigazzjoni tar-riskju, rekwiżiti ta' mitigazzjoni tar-riskju aktar stretti huma neċessarji għas-CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji ikbar li għandhom livell ta' riskju inerenti ogħla, minn dawk ta' CCPs li jeżerċitaw l-attivitajiet tagħhom fi swieq finanzjarji iżgħar li għandhom livell ta' riskju inerenti iktar baxx.

(13)

Is-suq finanzjarju fejn l-RCCs u l-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati fl-Indja jwettqu l-attivitajiet tal-ikklirjar tagħhom huwa ferm iżgħar minn dak fejn huma attivi s-CCPs stabbiliti fl-Unjoni. Tul l-aħħar tliet snin, il-valur totali tat-tranżazzjonijiet derivattivi kklerjati fl-Indja rrappreżenta inqas minn 1 % tal-valur totali tat-tranżazzjonijiet ikklerjati fl-Unjoni. Għalhekk, il-parteċipazzjoni fl-RCCs u fi kmamar tal-ikklirjar awtorizzati stabbiliti fl-Indja tesponi lill-membri tal-ikklirjar u liċ-ċentri tan-negozjar stabbiliti fl-Unjoni għal riskji ferm iktar baxxi mill-parteċipazzjoni tagħhom f'CCPs awtorizzati fl-Unjoni.

(14)

L-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli għal RCCs u kmamar tal-ikklirjar awtorizzati stabbiliti fl-Indja jistgħu għalhekk jitqiesu bħala ekwivalenti meta dawn ikunu xierqa biex itaffu dak il-livell iktar baxx ta' riskju. Ir-regoli primarji applikabbli għal dawk l-RCCs u kmamar tal-ikklirjar awtorizzati stabbiliti fl-Indja, flimkien mar-regoli u l-proċeduri interni tagħhom li jeħtieġu konformità mal-PFMIs, itaffu l-livell aktar baxx ta' riskju li jeżisti fl-Indja u jiksbu eżitu ta' mitigazzjoni tar-riskju ekwivalenti għal dak li jipprova jikseb ir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(15)

Għalhekk għandu jiġi konkluż li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Indja biex tiżgura li RCCs u kmamar tal-ikklirjar awtorizzati hemm jikkonformaw ma' rekwiżiti legalment vinkolanti li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stipulati fit-Titolu IV tar-Regolament (UE) Nru 648/2012.

(16)

Skont it-tieni kundizzjoni msemmija fl-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Indja fir-rigward ta' CCPs awtorizzati hemmhekk iridu jipprovdu superviżjoni u infurzar effettivi ta' dawn is-CCPs fuq bażi kontinwa.

(17)

Is-superviżjoni tal-RCCs titwettaq mis-SEBI. Is-SEBI jista' jadotta regoli interni ta' RCCs għal kwistjonijiet speċifiċi jew jemenda r-regoli interni eżistenti ta' RCCs, li jkollhom l-istess effett daqslikieku kienu ġew adottati jew emendati permezz ta' RCC konċernata. Barra minn hekk, SEBI jista' tagħti struzzjonijiet lil RCCs fl-interess tal-pubbliku, jew il-kummerċ jew investituri jew fis-swieq tat-titoli. L-RCCs huma suġġetti għal spezzjonijiet, investigazzjonijiet u verifiki mis-SEBI u jridu jipprovdu informazzjoni dwar in-negozju tagħha lis-SEBI. L-SCRA tipprevedi multi għal ksur tar-regoli interni u l-proċeduri ta' RCCs jew ta' kwalunkwe struzzjonijiet maħruġa mis-SEBI. Fl-aħħar nett, l-awtorizzazzjonijiet tal-RCCs jistgħu jiġu rtirati mill-Gvern Ċentrali jew mis-SEBI fl-interess pubbliku jew fl-interess tal-kummerċ.

(18)

Is-superviżjoni ta' kmamar tal-ikklerjar awtorizzati titwettaq mir-RBI. L-RBI jista' jitlob informazzjoni minn kmamar tal-ikklerjar awtorizzati, u għandu s-setgħa li jwettaq spezzjoni fil-postijiet tagħhom u biex jagħmel verifiki. Barra minn hekk, l-RBI jista' jagħti struzzjonijiet lil kmamar tal-ikklerjar awtorizzati f'ċirkostanzi speċifiċi, sabiex iwaqqfu l-imġiba tagħhom u biex jieħdu l-miżuri li huma meqjusa meħtieġa biex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni. Barra minn hekk, penali huma stabbiliti fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mad-dispożizzjonijiet u r-regolamenti tal-PSSA, għal ordnijiet jew struzzjonijiet maħruġa mir-RBI. Fl-aħħar nett, l-awtorizzazzjoni għat-tħaddim ta' kamra tal-ikklerjar awtorizzata tista' tiġi revokata mir-RBI fil-każ li kamra tal-ikklerjar awtorizzata tikser id-dispożizzjonijiet tal-PSSA, ir-Regolamenti PSS, ordnijiet jew struzzjonijiet maħruġa mir-RBI jew fil-każ ta' nuqqas ta' konformità mal-kundizzjonijiet li għalihom l-awtorizzazzjoni hi soġġetta.

(19)

Għaldaqstant għandu jiġi konkluż li l-RCCs u kmamar tal-ikklirjar awtorizzati fl-Indja huma soġġetti għal superviżjoni u infurzar effettivi fuq bażi kontinwa.

(20)

Skont it-tielet kundizzjoni tal-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Indja jridu jinkludu sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs awtorizzati skont reġimi legali ta' pajjiżi terzi (“CCPs ta' pajjiżi terzi”).

(21)

CCPs ta' pajjiż terz jistgħu japplikaw għal awtorizzazzjoni bħala “kamra tal-ikklerjar awtorizzata” taħt ir-reġim tal-RBI, li jippermetti lil CCPs ta' pajjiżi terzi li jipprovdu l-istess servizzi ta' kklerjar bħal CCPs stabbiliti fl-Indja. CCPs ta' pajjiż terz jistgħu jiġu eżentati minn ċerti rekwiżiti applikabbli għal RCCs u l-kmamar tal-ikklerjar awtorizzati fl-Indja, sakemm jikkonformaw mal-PFMIs u jiġi konkluż arranġament ta' kooperazzjoni il-RBI u s-superviżur ta' pajjiż terz. Il-valutazzjoni tal-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni tista' tkun ibbażata fuq l-informazzjoni provduta mis-superviżur ta' pajjiż terz.

(22)

Għalhekk, għandu jitqies li l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Indja jipprevedu għal sistema ekwivalenti effettiva għar-rikonoxximent ta' CCPs ta' pajjiż terz.

(23)

Din id-Deċiżjoni hija bbażata fuq ir-rekwiżiti legalment vinkolanti li jirrigwardaw l-RCCs u kmamar tal-ikklerjar awtorizzati applikabbli fl-Indja meta kienet adottata d-Deċiżjoni. Il-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-ESMA, għandha tkompli twettaq monitoraġġ fuq bażi regolari tal-evoluzzjoni tal-arranġamenti legali u superviżorji għall-RCCs u kmamar tal-ikklerjar awtorizzati u s-sodisfar tal-kundizzjonijiet li abbażi tagħhom ittieħdet din id-Deċiżjoni.

(24)

Ir-reviżjoni regolari tal-arranġamenti legali u superviżorji applikabbli fl-Indja għas-CCPs awtorizzati hemmhekk għandha tkun mingħajr preġudizzju għall-possibbiltà li l-Kummissjoni twettaq eżami speċifiku fi kwalunkwe ħin barra mill-ambitu tal-analiżi ġenerali, fejn l-iżviluppi rilevanti jagħmluha neċessarja għall-Kummissjoni li tivvaluta mill-ġdid l-ekwivalenza mogħtija minn din id-Deċiżjoni. Valutazzjoni mill-ġdid bħal din tista' twassal għat-tħassir tad-Deċiżjoni.

(25)

Il-miżuri previsti f'din id-Deċiżjoni huma bi qbil mal-opinjoni tal-Kumitat Ewropew tat-Titoli,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.   Għall-finijiet tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Indja li jikkonsistu fl-Att dwar il-Kuntratti ta' Titoli (Regolament) tal-1956, il-Kuntratt ta' Titoli (ir-Regolament) (il-Borża u l-Korporazzjonijiet tal-Ikklerjar) tal-2012 u ċ-Ċirkolari tal-4 ta' Settembru 2013, u li huma applikabbli għall-korporazzjonijiet tal-ikklerjar rikonoxxuti awtorizzati fihom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

2.   Għall-finijiet tal-paragrafu 6 tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) Nru 648/2012, l-arranġamenti legali u superviżorji tal-Indja li jikkonsistu fil-Payment and Settlement Systems Act, 2007 (PSSA) u l-Payment and Settlement Systems Regulations, 2008 (ir-Regolament PSS), kif ikkumplimentati mid-Dokument ta' Politika għar-Regolazzjoni u s-Supervizjoni tal-Infrastrutturi tas-Suq Finanzjarju, u li huma applikabbli għall-korporazzjonijiet tal-ikklerjar rikonoxxuti awtorizzati fihom jitqiesu li huma ekwivalenti għar-rekwiżiti stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 648/2012.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta' Diċembru 2016.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 201, 27.7.2012, p. 1.

(2)  Mill-1 ta' Settembru 2014, il-Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u s-Saldu biddel ismu għal Kumitat dwar is-Sistemi ta' Pagament u tal-Infrastrutturi tas-Suq.


Top