This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32015R2030
Commission Regulation (EU) 2015/2030 of 13 November 2015 amending Regulation (EC) No 850/2004 of the European Parliament and of the Council on persistent organic pollutants as regards Annex I (Text with EEA relevance)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2030 tat-13 ta' Novembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-Anness I (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2015/2030 tat-13 ta' Novembru 2015 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-Anness I (Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
ĠU L 298, 14.11.2015, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 14/07/2019; Imħassar b' 32019R1021
14.11.2015 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 298/1 |
REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2015/2030
tat-13 ta' Novembru 2015
li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-Anness I
(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar pollutanti organiċi persistenti u li jemenda d-Direttiva 79/117/KEE (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 14(3) tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (KE) Nru 850/2004 jimplimenta fil-liġi tal-Unjoni l-impenji stabbiliti fil-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti approvata mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE (2) u fil-Protokoll ta' Aarhus tal-1998 dwar il-Pollutanti Organiċi Persistenti (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “il-Protokoll”) mal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja Li Jwassal Ħafna dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (minn hawn 'il quddiem imsejħa “CLRTAP”) approvata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE (3). |
(2) |
Id-Deċiżjoni 2009/2 (4), adottata mill-Korp Eżekuttiv tas-CLRTAP fis-27 sessjoni tiegħu mill-14 sat-18 ta' Diċembru 2009, identifikat il-paraffini klorinati ta' katina qasira (minn hawn 'il quddiem imsejħa “SCCPs”) bħala pollutant organiku persistenti. Bħala tali, dawn għandhom jiġu miżjuda ma' dan il-Protokoll għall-eliminazzjoni, suġġett għal żewġ eżenzjonijiet: l-użu bħala sustanzi reżistenti għan-nar fil-gomma użata fiċ-ċineg tal-konvejers fl-industrija tal-minjieri jew f'siġillanti tad-digi. Id-Deċiżjoni 2009/2 tobbliga lill-Partijiet tal-Protokoll biex jeliminaw dawn iż-żewġ użi ladarba jkun hemm alternattivi adegwati disponibbli. Id-Deċiżjoni 2009/2 ġiet trasposta fil-liġi tal-Unjoni permezz tar- Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 519/2012 (5), li elenkat l-SCCPs fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 850/2004. |
(3) |
L-entrata tal-SCCPs fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 tistipula deroga għall-produzzjoni, it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-SCCPs fiċ-ċineg tal-konvejers fl-industrija tal-minjieri u f'siġillanti tad-digi. Biex ikunu konformi mad-Deċiżjoni 2009/2, skont dik l-entrata, hekk kif issir disponibbli informazzjoni ġdida dwar id-dettalji tal-użi u sustanzi jew teknoloġiji alternattivi aktar sikuri jkunu disponibbli, il-Kummissjoni għandha tanalizza d-derogi bil-għan li jitneħħa b'mod gradwali l-użi li jifdal tal-SCCPs. It-tali reviżjoni, filwaqt li hija mandata mid-Deċiżjoni 2009/2, hija konformi mal-Artikolu 14(3) tar-Regolament (KE) Nru 850/2004. |
(4) |
Skont id-Deċiżjoni 2009/2 u l-entrata tal-SCCPs fl-Anness I tar- Regolament (KE) Nru 850/2004, ir-reviżjoni tal-eżenzjonijiet għandha tiffoka fuq l-eżistenza ta' alternattivi adattati għal dawn iż-żewġ użi li jifdal. Ladarba dawn l-alternattivi jkunu identifikati, l-eżenzjonijiet għandhom jiġu mħassra mill-entrata. |
(5) |
Fl-2010, in-Netherlands ressqu dossier dwar l-SCCPs intitolat Evaluation of Possible Restrictions on Short Chain Chlorinated Paraffins (minn hawn 'il quddiem imsejjaħ “id-dossier”) (6). Id-dokument jidentifika għadd ta' alternattivi li jistgħu jintużaw minflok l-SCCPs fiċ-ċineg tal-konvejers fl-industrija tal-minjieri u f'siġillanti tad-digi. Id-dossier iqis ir-riżultat ta' konsultazzjoni pubblika li saret matul il-preparazzjoni tiegħu min-Netherlands. |
(6) |
Fost l-alternattivi differenti identifikati, l-aktar li huma magħrufa sew huma l-paraffini klorinati ta' katina twila, (MCCPs u LCCPs), bl-MCCPs jagħtu lil wieħed x'jifhem li jkunu l-alternattiva preferuta għall-maġġoranza vasta tal-utenti. Kemm l-MCCPs u l-LCCPs jikkombinaw karatteristiċi ta' rendiment, li jixbhu lil dawk tal-SCCPs. Alternattivi oħra disponibbli jinkludu sustanzi bħar-ritardanti tal-fjammi organikafosforiċi u l-plastiċizzanti fosfati, ir-ritardanti tal-fjammi inorġaniċi u għadd ta' għażliet oħrajn. |
(7) |
Matul din il-konsultazzjoni pubblika, ġie ssuġġerit minn xi kumpaniji Ewropej li tranżizzjoni għall-alternattivi mhux bilfors tkun bla intoppi u r-riformulazzjoni taf tieħu żmien konsiderevoli. Madankollu, xi eżempji juru li hemm kumpaniji Ewropej li bdew jużaw l-alternattivi mingħajr diffikultajiet kbar. B'mod partikolari, fir-rigward taż-żewġ applikazzjonijiet li huma eżentati skont ir-Regolament (KE) Nru 850/2004, manifuttur prinċipali taċ-ċineg tal-konvejers indika li t-tranżizzjoni lejn l-MCCPs saret mingħajr intoppi u ġarrbet biss kostijiet baxxi. Fil-mument tat-tħejjija tal-istess konsultazzjoni, żewġ kumpaniji oħra kienu qed jaħdmu fuq alternattivi. |
(8) |
Fl-2013, il-Kummissjoni kkonsultat mal-partijiet interessati rilevanti fl-industrija tal-minjieri. Il-konsultazzjoni indikat li ċ-ċineg tal-konvejers li fihom l-SCCPs m'għadhomx jintużaw mill-industrija għal finijiet minerarji. |
(9) |
Fir-rigward tas-siġillanti tad-digi li fihom l-SCCPs, dawn ma jidhrux li jiġu manifatturati, impoġġija fis-suq jew inkella użati fl-Unjoni. Fil-fatt, diġà fl-2008, il-partijiet ikkonċernati rilevanti indikaw lill-Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi (7) li l-SCCPs ma jidhrux li qed jintużaw jew qed jiġu mneħħija b'mod gradwali fis-siġillanti (inklużi s-siġillanti tad-digi) fl-Ewropa. |
(10) |
F'Ġunju 2012, l-unika entità magħrufa li rreġistrat il-manifattura tal-SCCPs skont ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) iddikjarat li kienet waqqfet u ma għandhiex l-intenzjoni li terġa' tibda mill-ġdid il-manifattura tas-sustanza. |
(11) |
Hemm alternattivi xierqa għall-użu tal-SCCPs fiċ-ċineg tal-konvejer fl-industrija tal-minjieri u fis-siġillanti tad-digi. Konsegwentement, il-Kummissjoni hija obbligata mid-Deċiżjoni 2009/2 u l-klawżola ta' reviżjoni fl-entrata tal-SCCPs fl-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 li telimina dawn iż-żewġ użi. Għalkemm l-industrija tidher li b'mod volontarju qed tneħħi gradwalment dawn iż-żewġ użi, l-eżenzjonijiet fl-entrata għandhom jitħassru sabiex tiġi żgurata l-konformità sħiħa mal-ispinta tal-ftehim internazzjonali li jiġi eliminat l-użu ta' pollutanti organiċi persistenti. |
(12) |
Huwa meħtieġ ukoll li, fir-rigward tal-SCCPs, jiġi ċċarat li l-projbizzjoni fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 ma tapplikax għal ċineg tal-konvejers fl-industrija tal-minjieri u siġillanti tad-digi li diġà kienu qed jintużaw qabel jew fid-data tad-dħul fis-seħħ ta' dan ir-Regolament. |
(13) |
Minn barra hekk, jeħtieġ li jiġi ċċarat li l-artikli li fihom SCCP f'konċentrazzjonijiet anqas minn 0,15 % bil-piż jitħallew jitpoġġew fis-suq u jintużaw, peress li dan huwa l-ammont ta' SCCP li jaf ikun preżenti bħala impurità f'artiklu prodott bl-MCCP. |
(14) |
Il-miżuri pprovduti f'dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bid-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE (9), |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
L-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 850/2004 huwa emendat skont l-Anness ta' dan ir-Regolament.
Artikolu 2
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta' Novembru 2015.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Jean-Claude JUNCKER
(1) ĠU L 158, 30.4.2004, p. 7.
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/507/KE tal-14 ta' Ottubru 2004 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni ta' Stokkolma dwar Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (ĠU L 209, 31.7.2006, p. 1).
(3) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE tad-19 ta' Frar 2004 li għandha x'taqsam mal-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Protokoll tal-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġiż Transkonfini ta' l-Arja Li Jwassal Ħafna dwar Pollutanti Organiċi Persistenti (ĠU L 81, 19.3.2004, p. 35).
(4) C.N.556.2010.TREATIES-4.
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 519/2012 tad-19 ta' Ġunju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 850/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pollutanti organiċi persistenti fir-rigward tal-Anness I (ĠU L 159, 20.6.2012, p. 1).
(6) Evaluation of Possible Restrictions on Short Chain Chlorinated Paraffins (SCCPs), imħejji għall-Istitut Nazzjonali għas-Saħħa Pubblika u l-Ambjent (RIVM), in-Netherlands, RPA Lulju 2010.
(7) http://echa.europa.eu/documents/10162/13640/tech_rep_alkanes_chloro_en.pdf
(8) Ir-Regolament (KE) Nru 1907/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar ir-reġistrazzjoni, il-valutazzjoni, l-awtorizzazzjoni u r-restrizzjoni ta' sustanzi kimiċi (REACH), li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għas-Sustanzi Kimiċi, li jemenda d-Direttiva 1999/45/KE u li jħassar ir-Regolament (KEE) Nru 793/93 tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 1488/94 tal-Kummissjoni kif ukoll id-Direttiva 76/769/KEE tal-Kunsill u d-Direttivi 91/155/KEE, 93/67/KEE, 93/105/KE u 2000/21/KE tal-Kummissjoni (ĠU L 396, 30.12.2006, p. 1).
(9) Id-Direttiva tal-Kunsill 67/548/KEE tas-27 ta' Ġunju 1967 rigward l-approssimazzjoni tal-liġijiet, tar-regolamenti u tad-dispożizzjonijiet amministrattivi dwar il-klassifikazzjoni, l-imballaġġ u l-ittikkettjar ta' sustanzi perikolużi (ĠU 196, 16.8.1967, p. 1).
ANNESS
Fil-Parti B tal-Anness I tar-Regolament (KE) Nru 850/2004, l-entrata għal Alkani C10-C13, kloro (paraffini ta' katina qasira klorinati) (SCCPs) hija sostitwita b'dan li ġej:
“Alkani, C10-C13, kloro (paraffini klorinati b'katina qasira) (SCCPs) |
85535-84-8 |
287-476-5 |
|