EUR-Lex Adgang til EU-lovgivningen

Tilbage til forsiden

Dette dokument er et uddrag fra EUR-Lex

Dokument 32014R1226

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1226/2014 tas- 17 ta' Novembru 2014 dwar l-awtorizzazzjoni ta' dikjarazzjonijiet sanitarji fuq l-ikel u li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard Test b'rilevanza għaż-ŻEE

ĠU L 331, 18.11.2014, s. 3–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Dokumentets juridiske status I kraft

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2014/1226/oj

18.11.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 331/3


REGOLAMENT TAL-KUMMISSJONI (UE) Nru 1226/2014

tas-17 ta' Novembru 2014

dwar l-awtorizzazzjoni ta' dikjarazzjonijiet sanitarji fuq l-ikel u li jirreferu għat-tnaqqis fir-riskju tal-mard

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 dwar indikazzjonijiet dwar in-nutrizzjoni u s-saħħa mogħtija fuq l-ikel (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 17(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Skont ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 id-dikjarazzjonijiet sanitarji fuq ikel huma pprojbiti diment li ma tkunx tawtorizzahom il-Kummissjoni skont dak ir-Regolament u ma ddaħħlux f'lista ta' dikjarazzjonijiet permessi.

(2)

Ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula wkoll li l-applikazzjonijiet għall-awtorizzazzjonijiet ta' dikjarazzjonijiet sanitarji jistgħu jressquhom operaturi tan-negozji tal-ikel lill-awtorità kompetenti nazzjonali ta' Stat Membru. L-awtorità kompetenti nazzjonali għandha tibgħat l-applikazzjonijiet validi lill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (l-EFSA), minn hawn 'il quddiem imsejħa “l-Awtorità”.

(3)

Meta tirċievi applikazzjoni, l-Awtorità għandha tgħarraf bla dewmien lill-Istati Membri l-oħra u lill-Kummissjoni biha, u tagħti opinjoni fuq id-dikjarazzjoni sanitarja kkonċernata.

(4)

Il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi dwar l-awtorizzazzjoni tad-dikjarazzjonijiet sanitarji filwaqt li tqis l-opinjoni tal-Awtorità.

(5)

Wara applikazzjoni mingħand Lactalis B&C imressqa skont l-Artikolu 14(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, l-Awtorità ntalbet tagħti opinjoni dwar dikjarazzjoni sanitarja relatata ma' “Kontenut baxx ta' xaħam u kontenut baxx ta' xaħam trans li jiddellek, li huma rikki b'aċidi xaħmin insaturati u omega-3” u t-tnaqqis ta' konċentrazzjonijiet tal-kolesterol LDL (Mistoqsija Nru EFSA-Q-2009-00458) (2). Id-dikjarazzjoni li jipproponi l-applikant kienet tgħid hekk: “Jekk kontenut ta' xaħam rikk b'aċidi xaħmin saturati/trans jinbidel b'kontenut ta' xaħam rikk b'aċidi xaħmin insaturati, dan jgħin biex jonqos il-kolesterol LDL. Il-kolesterol LDL hu fattur tar-riskju kardjovaskulari”.

(6)

Fil-25 ta' Mejju 2011 il-Kummissjoni u l-Istati Membri rċevew l-opinjoni xjentifika tal-Awtorità li kkonkludiet li, skont id-dejta mressqa, instabet rabta ta' kawża u effett bejn il-konsum ta' taħlitiet ta' aċidi xaħmin saturati (SFAs) fid-dieta u żieda f'konċentrazzjonijiet tal-kolesterol LDL fid-demm, u li t-tibdil ta' taħlita ta' SFAs b'aċidi xaħmin ċis-monoinsaturati u/jew aċidi xaħmin ċis-poliinsaturati fl-ikel jew fid-dieti, abbażi ta' gramma għal kull gramma, inaqqas il-konċentrazzjonijiet tal-kolesterol LDL. Għaldaqstant, dikjarazzjoni sanitarja li tirrifletti din il-konklużjoni għandha titqies konformi mar-rekwiżiti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006, u għandha iddaħħal fil-lista tal-Unjoni ta' dikjarazzjonijiet permessi. Studju ta' intervent kliniku li l-applikant iddikjara bħala dejta riżervata, l-Awtorità ma qisitux meħtieġ biex tasal għall-konklużjoni tagħha. Hu meqjus li ma ntlaħaqx ir-rekwiżit stipulat fl-Artikolu 21(1)(c) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u għaldaqstant ma għandhiex tingħata protezzjoni tad-dejta riżervata.

(7)

Fl-opinjoni tagħha, l-Awtorità tikkonkludi li sabiex iġorru d-dikjarazzoni, għadd sinifikanti ta' aċidi xaħmin saturati għandu jinbidel b'aċidi xaħmin monoinsaturati u/jew poliinsaturati fl-ikel jew fid-dieti, abbażi ta' gramma għall kull gramma Għalhekk, sabiex ikun żgurat li prodott tal-ikel jipprovdi ammonti sinifikanti ta' aċidi xaħmin monoinsaturati u/jew poliinsaturati, jixraq li l-użu tad-dikjarazzjoni jiġi limitat għax-xaħmijiet u ż-żjut u li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet tal-użu bħal dawk li ssemmi d-dikjarazzjoni nutrizzjonali “FIH ĦAFNA XAĦAM INSATURAT” stabbilita fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

(8)

L-Artikolu 16(4) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006 jistipula li opinjoni favur l-awtorizzazzjoni ta' dikjarazzjoni sanitarja għandu jkun fiha ċerti dettalji. Għaldaqstant, dawk id-dettalji għandhom jiġu stabbiliti fl-Anness ta' dan ir-Regolament fir-rigward tad-dikjarazzjoni awtorizzata u għandu jkun fihom, skont il-każ, il-kliem rivedut tad-dikjarazzjoni, il-kundizzjonijiet speċifiċi tal-użu tad-dikjarazzjoni u, meta japplika, il-kundizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet tal-użu tal-prodott tal-ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali, skont ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 u f'konformi mal-opinjonijiet tal-Awtorità.

(9)

Fost l-għanijiet tiegħu, ir-Regolament (KE) Nru 1924/2006 irid jiżgura li d-dikjarazzjonijiet sanitarji jkunu veri, ċari u affidabbli, u siewja għall-konsumatur, u li l-kontenut u l-preżentazzjoni jitqiesu f'dan ir-rigward. Għalhekk, meta l-kliem tad-dikjarazzjoni jkollu l-istess tifsira għall-konsumatur bħal dak tad-dikjarazzjoni sanitarja awtorizzata, għax ikun juri l-istess rabta li teżisti bejn kategorija tal-ikel, prodott tal-ikel jew wieħed mill-kostitwenti tiegħu u s-saħħa, dawn id-dikjarazzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-istess kundizzjonijiet tal-użu msemmija fl-Anness ta' dan ir-Regolament.

(10)

Waqt li kienet qed tfassal il-miżuri previsti f'dan ir-Regolament, il-Kummissjoni qieset il-kummenti li rċeviet mingħand l-applikanti u mingħand il-membri tal-pubbliku skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

(11)

Il-miżuri stipulati f'dan ir-Regolament huma konformi mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Id-dikjarazzjoni sanitarja mniżżla fl-Anness ta' dan ir-Regolament tista' ssir għal oġġetti tal-ikel li jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni f'konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti f'dak l-Anness.

2.   Id-dikjarazzjoni sanitarja msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiddaħħal fil-lista tal-Unjoni ta' dikjarazzjonijiet permessi kif stipulat fl-Artikolu 14(1) tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta' Novembru 2014.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Jean-Claude JUNCKER


(1)  ĠU L 404, 30.12.2006, p. 9.

(2)  The EFSA Journal 2011; 9(5):2168.


ANNESS

Dikjarazzjoni sanitarja permessa

Applikazzjoni — Id-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006

Applikant — Indirizz

Nutrijent, sustanza, prodott tal-ikel jew kategorija tal-ikel

Dikjarazzjoni

Kundizzjonijiet tal-użu tad-dikjarazzjoni

Kundizzjonijiet u/jew restrizzjonijiet tal-użu ta' prodott tal-ikel u/jew dikjarazzjoni jew twissija addizzjonali

Referenza tal-opinjoni tal-EFSA

Dikjarazzjoni sanitarja skont l-Artikolu 14(1)(a) li tirreferi għal tnaqqis fir-riskju tal-mard

Lactalis B&C, ZA Les Placis, 35230, Bourgbarré, Franza

Aċidi xaħmin monoinsaturati u/jew poliinsaturati

Jekk ix-xaħam saturat jinbidel b'xaħam insaturat fid-dieta, dan were li jnaqqas/ibaxxi l-kolesterol fid-demm. Il-kolesterol għoli hu fattur tar-riskju fl-iżvilupp tal-mard koronarju tal-qalb.

Id-dikjarazzjoni tista' tintuża biss għal prodotti tal-ikel għandhom kontenut għoli ta' aċidi xaħmin insaturati, kif jissemma fid-dikjarazzjoni FIH ĦAFNA XAĦAM INSATURAT kif elenkata fl-Anness tar-Regolament (KE) Nru 1924/2006.

Id-dikjarazzjoni tista' tintuża biss għax-xaħmijiet u ż-żjut.

Q-2009-00458


Op