This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62017TN0425
Case T-425/17: Action brought on 3 July 2017 — Capo d’Anzio v Commission
Kawża T-425/17: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2017 – Capo d’Anzio vs Il-Kummissjoni
Kawża T-425/17: Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2017 – Capo d’Anzio vs Il-Kummissjoni
ĠU C 277, 21.8.2017, p. 57–58
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
21.8.2017 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 277/57 |
Rikors ippreżentat fit-3 ta’ Lulju 2017 – Capo d’Anzio vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-425/17)
(2017/C 277/82)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Rikorrenti: Capo d’Anzio SpA (Anzio, l-Italja) (rappreżentant: S. Carloni, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
— |
tannulla, skont l-Artikolu 263 TFUE, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2017) 2953 finali tat-28 ta’ April 2017, dwar il-ħlas lura ta’ EUR 193 120 flimkien mal-interessi moratorji, li ngħataw qabel lir-rikorrenti bħala finanzjament antiċipat, fil-kuntest tal-ftehim ta’ sussidju LIFE10 ENV/IT/000369 – LCA4PORTS |
Motivi u argumenti prinċipali
Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka dan li ġej.
1. |
Fl-14 ta’ Ottubru 2011 il-kumpannija Capo d’Anzio kkonkludiet ftehim ta’ sussidju LIFE10 ENV/IT/000369 li bis-saħħa tiegħu l-Kummissjoni Ewropea tatha sussidju (li jammonta għal 45,94 % tat-total, bis-somma massima ta’ EUR 485 300) fil-kuntest ta’ proġett ta’ studju tas-sostenibbiltà ambjentali tal-iżvilupp tal-Porto di Anzio (port ta’Anzio) ippjanat fil-kuntest tal-proġett ta’ bini, ta’ rinnovazzjoni u ta’ estensjoni approvat mill-organi pubbliċi kompetenti. |
2. |
Waqt li kienu qed jitwettqu l-attivitajiet previsti mill-proġett, u filwaqt li kkonstatat li inizjalment dan kien perfettament konformi mar-regoli kuntrattwali u legali, il-Kummissjoni osservat li ċerti obbligi formali ma kinux osservati u dan wassalha sabiex tinterrompi l-proġett u titlob sussegwentement, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-ħlas lura tas-somom mogħtija. |
3. |
Ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tinvoka l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 et seq. tad-dispożizzjonijiet komuni li jirregolaw il-proċeduri li għandhom jiġu implementati fil-każ li l-proġett jiġi interott u sussegwentement jiġi xolt il-ftehim ta’ sussidju u jiġi rkuprat il-finanzjament antiċipat. |
4. |
F’dan il-każ, il-Kummissjoni ssostni li hija kienet informata mill-kumpannija Capo d’Anzio bin-natura temporanja tad-diffikultajiet ekonomiċi u finanzjarji ta’ din tal-aħħar, li indikat espliċitament li l-imsemmija diffikultajiet kienu jirriżultaw minn atti u fatti illegali indipendenti mir-rieda tal-kumpannija. |
5. |
Il-kumpannija Capo d’Anzio S.p.A irrapportat b’mod konsistenti u konxju dawn id-diffikultajiet, li ma kinux attribwiti lilha u finalment talbet b’nota tat-2 ta’ Novembru 2015 u b’nota sussegwenti tas-7 ta’ Diċembru 2015 li dan jittieħed inkunsiderazzjoni fid-deċiżjonijiet marbuta mal-kuntratt, talbet li tiġi organizzata laqgħa sabiex tkun tista’ tressaq l-argumenti tagħha u impenjat ruħha espliċitament li, fi kwalunkwe każ, tħallas lura l-finanzjament antiċipat fil-każ li ma tkunx kapaċi, b’mod permanenti, li tipprovdi rapport tal-proġett kif kien mitlub minnha. |
6. |
Minflok ma ħadet inkunsiderazzjoni l-ġustifikazzjoni ppreżentata u talbet iktar kjarifiki sabiex ir-rikorrenti attwali tingħata d-dritt li tiddefendi ruħha hekk kif hija kienet invokat, il-Kummissjoni applikat id-dispożizzjonijiet komuni billi assimilat l-imġiba tal-kumpannija Capo d’Anzio S.p.A. ma nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bi ħtija. |
7. |
Il-kumpannija Capo d’Anzio S.p.A. kien messu kellha l-possibbiltà li jkollha laqgħa mal-Kummissjoni sabiex turi l-assenza ta’ nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bi ħtija min-naħa tagħha u għaldaqstant teżerċita d-dritt tagħha li ma ġġarrafx preġudizzju minħabba sitwazzjoni li ma hijiex attribwita lilha. |
8. |
Għaldaqstant, l-imġiba tal-Kummissjoni wasslet għal restrizzjoni tad-dritt ta’ Capo d’Anzio S.p.A. u għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt li jissuġġettaw ix-xoljiment tal-kuntratti għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu bi ħtija. |
9. |
Il-ksur tar-regoli proċedurali u sostantivi irriżulta fin-natura inġusta tad-deċiżjoni kkontestata, li rrevokat il-finanzjament parzjali mogħti minkejja li Capo d’Anzio S.p.A. essenzjalment użat b’mod korrett is-somom riċevuti mill-Kummissjoni sabiex tħallas il-professjonisti inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-proġett, u u dik id-deċiżjoni tiffoka primarjament fuq il-fatt purament formali li r-rikorrenti ma setgħetx tipprovdi rapport tal-attivtità eżerċitata fiż-żmien mitlub. |