Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62014CN0179

Kawża C-179/14: Rikors ippreżentat fl- 10 ta’ April 2014 – Il-Kummissjoni vs L-Ungerija

ĠU C 202, 30.6.2014, pp. 10–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

30.6.2014   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 202/10


Rikors ippreżentat fl-10 ta’ April 2014 – Il-Kummissjoni vs L-Ungerija

(Kawża C-179/14)

2014/C 202/12

Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Tokár u E. Montaguti, aġenti)

Konvenut: L-Ungerija

Talbiet tar-rikorrenti

1.

Tiddikjara li l-Ungerija billi introduċiet u żammet fis-seħħ is-sistema tal-kard SZÉP, irregolata bid-Digriet 55/2011, tat-12 ta’ April, u emendata bil-liġi CLVI tal-2011, kisret id-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (1), sa fejn:

l-Artikolu 13 tad-digriet dwar il-kard SZÉP, interpretat flimkien mal-Artikolu 2(2)(d) tal-Liġi XCVI tal-1993, mal-Artikolu 2(b) tal-Liġi CXXXII tal-1997 u mal-Artikoli 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3), u 64(1) tal-Liġi IV tal-2006, jeskludi l-possibbiltà li fergħat ta’ impriżi joħorġu l-kard SZÉP, u, għalhekk, jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(3) u tal-Artikolu 15(2)(b) tad-Direttiva 2006/123;

l-Artikolu 13 tad-digriet dwar il-kard SZÉP, interpretat flimkien mal-Artikoli 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3), u 64(1) tal-Liġi IV tal-2006, mal-Artikolu 2(2)(d) tal-Liġi XCVI tal-1993 u mal-Artikolu 2(b) tal-Liġi CXXXII tal-1997, ma jirrikonoxxix, għall-finijiet tat-twettiq tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 13(a), (b) u (c) tad-digriet dwar il-kard SZÉP, l-attività ta’ dawk il-gruppi ta’ impriżi li l-kumpannija parent tagħhom ma hijiex kumpannija stabbilita skont id-dritt Ungeriż u li l-membri tagħhom ma għandhox il-forma ta’ kumpannija stabbilita taħt id-dritt Ungeriż, u, għalhekk, jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1), (2)(b) u 3 tad-Direttiva 2006/123;

l-Artikolu 13 tad-digriet dwar il-kard SZÉP, interpretat flimkien mal-Artikoli 1, 2(1) u (2), 55(1) u (3), u 64(1) tal-Liġi IV tal-2006, mal-Artikolu 2(2)(d) tal-Liġi XCVI tal-1993 u mal-Artikolu 2(b) tal-Liġi CXXXII tal-1997, iżomm il-possibbiltà li l-banek u istituzzjonijiet oħra tal-kreditu joħorġu l-kard SZÉP, peress li huma biss dawn l-istabbilimenti li jistgħu jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Artikolu 13 tad-digriet, u, għalhekk, jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 15(1), (2)(d) u 3 tad-Direttiva 2006/123;

l-Artikolu 13 tad-digriet dwar il-kard SZÉP jikser l-Artikolu 16 tad-Direttiva 2006/123 sa fejn jissuġġetta l-ħruġ tal-kard SZÉP għall-eżistenza ta’ stabbiliment Ungeriż.

2.

Sussidjarjament, tiddikjara li s-sistema tal-kard SZÉP stabbilita bid-Digriet 55/2011, tat-12 ta’ April, tikser l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, sa fejn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/123 iċċitati fil-punt 1 ma humiex applikabbli għad-dispożizzjonijiet imsemmija f’dak il-punt.

3.

Tiddikjara li s-sistema ta’ vawċers “Erzsébet” irregolata bil-Liġi CLVI tal-2011 u bil-Liġi CIII tal-2012, li tistabbilixxi monopolju favur organi pubbliċi fil-kuntest tal-ħruġ ta’ vawċers għall-ikel kiesaħ u li daħlet fis-seħħ mingħajr ma kienet ippreċeduta minn perijodu tranżitorju xieraq jew mill-miżuri tranżitorji neċessarji, tikser l-Artikoli 49 TFUE u 56 TFUE, sa fejn l-Artikoli 1, 5 u 477 tal-Liġi CLVI tal-2011 u l-Artikoli 2(1) u (2), 6 u 7 tal-Liġi CIII tal-2012 jistabbilixxu restrizzjonijiet sproporzjonati.

4.

Tikkundanna lill-Ungerija għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Fl-2011, l-Ungerija emendat il-leġiżlazzjoni dwar il-ħruġ tal-vawċers għall-ikel kiesaħ u sħun, għall-ħin liberu u għaż-żmien ħieles mogħtija lill-impjegati mill-persuni li jimpjegaw, li jikkostitwixxu perkaċċi u li għalhekk huma suġġetti għal skemi fiskali u tas-sigurtà soċjali iktar vantaġġużi. Din il-leġiżlazzjoni l-ġdida daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2012 mingħajr perijodu tranżitorju xieraq. Preċedentement għal dawn l-emendi, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma kinitx tipprevedi kundizzjonijiet speċifiċi jew speċjali fir-rigward tal-ħruġ ta’ dawn il-vawċers għall-ikel jew fir-rigward tal-forma tagħhom. Wara l-introduzzjoni ta’ tali emendi, istituzzjoni pubblika, il-Magyar Nemzeti Üdülési Alapítvány (fondazzjoni nazzjonali Ungeriża għaż-żmien ħieles) għandha pożizzjoni ta’ monopolju f’dak li jirrigwarda l-ħruġ ta’ vawċers fuq il-karta għall-ikel sħun u ta’ vawċers fuq il-karta u elettroniċi għall-ikel kiesaħ. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni timponi kundizzjonijiet partikolarment severi għall-ħruġ ta’ vawċers għall-ikel sħun, għall-ħin liberu u għaż-żmien ħieles li diġà setgħu jinħarġu biss f’forma eletronika. Il-miżuri kkontestati wasslu għall-esklużjoni ta’ operaturi li kienu ilhom diversi snin joperaw f’dan is-suq, jostakolaw id-dħul fis-suq ta’ operaturi ġodda u jostakolaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra minn hekk, is-sistema dwar il-kard SZÉP de facto tirriżerva s-suq favur tliet gruppi kbar ta’ banek stabbiliti skont id-dritt Ungeriż, filwaqt li l-ħruġ ta’ vawċers “Erzsébet” huwa possibbli biss fil-kuntest ta’ monopolju Statali. Il-fatt li d-dħul tal-istituzzjoni pubblika li topera l-monopolju huwa intiż għall-finanzjament ta’ spejjeż soċjali ma jiġġustifikax suffiċjentement il-limiti introdotti. Skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tat-Trattat FUE u tad-Direttiva 2006/123, limitazzjonijiet għal-libertà ta’ stabbiliment u għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma possibbli biss meta dawn ma jkunux diskriminatorji u jirriżultaw minn interess ġenerali u dejjem sakemm ikunu josservaw ir-rekwiżiti ta’ neċessità u ta’ proporzjonalità.


(1)  Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat- 12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).


Top