Изберете експерименталните функции, които искате да изпробвате

Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.

Документ 52010IE0463

    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent”

    ĠU C 354, 28.12.2010г., стр. 50—55 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    28.12.2010   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 354/50


    Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Il-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent”

    2010/C 354/08

    Relatur: is-Sur ZOLTVÁNY

    Matul is-sessjoni plenarja tas-16 ta’ Lulju 2009, b’konformità mal-Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew iddeċieda li jħejji opinjoni fuq inizjattiva proprja dwar

    Il-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent.

    Is-Sezzjoni Speċjalizzata għar-Relazzjonijiet Esterni, inkarigata sabiex tipprepara l-ħidma tal-Kumitat dwar is-suġġett, adottat l-Opinjoni tagħha nhar l-4 ta’ Marzu 2010. Ir relatur kien is-Sur Zoltvány.

    Matul l-461 sessjoni plenarja tiegħu li nżammet fis-17 u t-18 ta’ Marzu 2010 (sessjoni tas-17 ta’ Marzu ), il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew adotta din l-opinjoni b’132. vot favur, 2 voti kontra u 4 astensjonijiet.

    1   Rakkomandazzjonijiet

    1.1   Rakkomandazzjonijiet lill-Unjoni Ewropea (il-Kummissjoni Ewropea)

    it-tkomplija tal-proċess ta’ tkabbir u

    it-tħaffif tal-proċess ta’ liberalizzazzjoni tal-viża mal-Albanija u l-Bosnja-Ħerzegovina sabiex iċ-ċittadini tagħhom ikunu jistgħu jivvjaġġaw mingħajr viża lejn il-pajjiżi tax-Schengen. Barra minn hekk, għandhom jitnedew in-negozjati mal-Kosovo (1) dwar din il-kwistjoni;

    il-mobilizzazzjoni tar-riżorsi disponibbli kollha ta’ finanzjament sabiex ikun hemm investiment kbir kemm jista’ jkun fi proġetti ta’ infrastruttura u l-użu tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent li għadu kif ġie stabbilit għal dan il-għan;

    iż-żamma tad-dimensjoni soċjali bħala prijorità meta jiġi implimentat it-trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport. Il-Forum Soċjali għandu jiġi appoġġjat sabiex isir strument effettiv għad-djalogu soċjali settorjali mtejjeb fil-livell reġjonali;

    l-appoġġ għall-bidliet lejn mezzi tat-trasport li jagħmlu inqas ħsara lill-ambjent bħall-passaġġi tal-ilma interni u l-linji ferrovjarji fil-Balkani tal-Punent;

    il-kunsiderazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt soċjoekonomiku tan-netwerks tat-trasport matul l-iżvilupp ta’ politika komuni tat-trasport;

    l-appoġġ għall-aġġornament tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali b’konformità mal-ħtiġijiet;

    il-kunsiderazzjoni tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk bħala parti futura tat-TEN-T fil-proċess tar-Reviżjoni tal-Politika tat-TEN-T, bħala appoġġ għall-integrazzjoni addizzjonali tal-Balkani tal-Punent fl-UE;

    it-tnedija ta’ studju dwar l-impjiegi fil-Partijiet Kontraenti tal-Komunità tat-Trasport tal-Balkani tal-Punent. Barra minn hekk, għandha tingħata attenzjoni adatta lill-iżvilupp ta’ programmi tat-taħriġ kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema sabiex ikunu jistgħu jirreaġixxu aħjar għall-bidliet fis-suq tax-xogħol; u

    l-allokazzjoni suffiċjenti ta’ riżorsi umani fl-affarijiet soċjali u d-djalogu soċjali fis-segretarjat tal-komunità tat-trasport.

    1.2   Rakkomandazzjonijiet lill-KESE

    it-tħeġġiġ tal-imsieħba soċjali fil-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, permezz tal-ħidma tal-Kumitati Konsultattivi Konġunti, biex jaqdu rwol attiv fid-djalogu soċjali kemm fil-livelli nazzjonali kif ukoll reġjonali;

    l-organizzazzjoni ta’ konferenza dwar il-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent bil-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, il-Kummissjoni Ewropea u l-KESE; u

    l-identifikazzjoni ta’ mekkaniżmi biex tiġi stabbilita u istituzzjonalizzata l-kooperazzjoni futura mal-forum soċjali reġjonali li għandu jitwaqqaf skont it-trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport.

    1.3   Rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent

    it-tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali fil-qasam tal-politika tat-trasport u l-infrastruttura tat-trasport;

    l-iżgurar ta’ pjanar effiċjenti tal-investiment pubbliku ta’ interess reġjonali fis-settur tat-trasport u iktar tisħiħ tal-kapaċità fis-settur tat-trasport;

    l-implimentazzjoni tar-riformi meħtieġa u t-tħaffif tal-proċess ta’ adozzjoni tal-acquis Komunitarju;

    l-isfruttar tal-opportunitajiet għal finanzjament privat/kofinanzjament ta’ proġetti prijoritarji kif ukoll ta’ proġetti komplementari (sħubijiet pubbliċi-privati) u l-ħolqien ta’ ambjent adatt għal dan it-tip ta’ proġetti;

    titjib fit-trasparenza tal-akkwist pubbliku;

    titjib tal-ġestjoni tal-fruntieri u żieda fil-kapaċità tal-qsim tal-fruntieri bil-għan li jħaffu u jtejbu l-kwalità tat-trasport fil-livell reġjonali;

    l-iżvilupp ta’ politiki koerenti fil-livell reġjonali li jħeġġu t-trasport intermodali u l-użu ta’ sistemi ta’ trasport intelliġenti;

    it-tkomplija tat-titjib fir-relazzjonijiet mal-pajjiżi ġirien u r-riżoluzzjoni tal- kwistjonijiet pendenti fir-relazzjonijiet bilaterali;

    il-parteċipazzjoni attiva fl-iżvilupp tal-Istrateġija tad-Danubju, li qed titħejja bħalissa, sabiex jieħdu vantaġġ mill-proġetti konġunti infrastrutturali mal-membri tal-UE u l-pajjiżi ġirien; u

    l-involviment tal-imsieħba soċjali, kif ukoll ta’ rappreżentanti ta’ organizzazzjonijiet rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili fil-proċess tal-iżvilupp tal-politika reġjonali tat-trasport u l-konverġenza bejn il-politiki u r-riformi tal-impjieg.

    2   Sfond tal-opinjoni

    2.1   Ir-rwol tat-trasport u tal-infrastruttura fil-kooperazzjoni reġjonali fil-Balkani tal-Punent huwa meqjus bħala fattur ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali tar-reġjun tal-Balkani tal-Punent. L-iżvilupp tan-netwerk prinċipali tat-trasport reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk (Netwerk Prinċipali) jirrappreżenta opportunità eċċellenti għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jinkorporaw l-interessi tagħhom u jfittxu soluzzjonijiet ekonomikament u soċjalment vantaġġużi – u favur l-ambjent – li huma ta’ benefiċċju għar-reġjun kollu. F’termini ta’ żvilupp ekonomiku, l-implimentazzjoni ta’ proġetti infrastrutturali reġjonali għandha impatt pożittiv fuq l-ekonomiji reġjonali, tikkontribwixxi sabiex is-swieq tagħhom ikunu miftuħa għal inizjattivi kummerċjali ġodda, u tagħmel l-iskambji kummerċjali bejn il-pajjiżi tar-reġjun aktar effiċjenti. L-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport reġjonali jgħin b’mod partikolari lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jindirizzaw ir-rati għoljin ta’ qgħad u b’hekk itejjeb l-iżvilupp ekonomiku ġenerali tar-reġjun. Opportunitajiet aħjar ta’ impjieg u mobbiltà akbar tal-ħaddiema jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp soċjali. Barra minn hekk, in-netwerk tat-trasport reġjonali jtejjeb il-kooperazzjoni transkonfinali u l-kuntatti bejn il-persuni. Peress li t-trasport għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent, huwa essenzjali li l-kwistjonijiet ambjentali jiġu adottati fl-iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali.

    L-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Reġjonali jinkludi wkoll dimensjoni politika qawwija. Bl-iżvilupp ta’ proġetti infrastrutturali, il-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, flimkien mal-partijiet l-oħra kkonċernati, jistgħu jagħtu xhieda tar-rieda tagħhom li jegħlbu t-tensjonijiet bilaterali u l-problemi tal-passat reċenti. Għaldaqstant, l-iżvilupp tan-Netwerk tat-Trasport Reġjonali jikkontribwixxi għall-integrazzjoni reġjonali tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

    2.2   Ir-rwol tal-Unjoni Ewropea fl-iżvilupp tal-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent

    2.2.1

    L-UE għandha interess dirett fil-Balkani tal-Punent peress li dan ir-reġjun jinsab fil-qalba tal-Ewropa. Il-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent huma kandidati jew kandidati potenzjali għas-sħubija fl-UE. Biex jiksbu dan il-għan, iridu jissodisfaw il-kriterji u l-kondizzjonijiet kollha meħtieġa għas-sħubijia. Il-kooperazzjoni reġjonali hija waħda mill-prekondizzjonijiet meħtieġa biex l-integrazzjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea tirnexxi u għalhekk hija wkoll element essenzjali tal-Proċess ta’ Stabilizzazzjoni u ta’ Assoċjazzjoni (PSA). Għaldaqstant, l-UE lesta tappoġġja l-iżvilupp ta’ proġetti reġjonali, inkluż in-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali li jaqdi rwol kruċjali.

    2.2.2

    L-UE tqis li t-trasport huwa qasam ta’ politika ovvju u adatt għal kooperazzjoni reġjonali effiċjenti u għalhekk temmen li l-politika tat-trasport tal-Balkani tal-Punent tista’ tkun wiesgħa ħafna u tħeġġeġ lir-reġjun biex jikkonforma mal-acquis. Il-fatt li erba’ mill-għaxar Kurituri Pan-Ewropej jgħaddu mill-Balkani tal-Punent isaħħaħ iktar l-importanza tal-politika tat-trasport. Il-politika tat-trasport tal-UE fir-reġjun għandha tliet għanijiet prinċipali. L-ewwel għan huwa li ttejjeb u timmodernizza n-Netwerk tat-Trasport tal-Ewropa tax-Xlokk għall-finijiet tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku. It-tieni għan hu li ttejjeb it-traffiku fuq in-netwerk billi timplimenta miżuri mhux vinkolanti / trasversali. It-tielet għan hu li tgħin lir-reġjun jikkonforma mal-acquis tat-trasport. Biex timplimenta dawn il-prijoritajiet, l-UE bħalissa qed tinnegozja trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent (ara punt 4.3 hawn taħt).

    3   Deskrizzjoni tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali

    In-Netwerk Prinċipali ġie definit fil-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk bħala netwerk multimodali li jinkludi konnessjonijiet bit-triq, ferrovjarji u fuq passaġġi tal-ilma interni fis-seba’ pajjiżi parteċipanti tal-Balkani tal-Punent – l-Albanija, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, dik li qabel kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, il-Montenegro, is-Serbja u l-Kosovo (2), flimkien ma’ għadd ta’ portijiet tal-baħar, portijiet tax-xmajjar u ajruporti speċifiċi.

    In-Netwerk Prinċipali tat-Toroq u dak Ferrovjaru jikkonsisti minn kurituri u rotot. Il-kurituri huma definiti bħala l-Kurituri Pan-Ewropej stabbiliti (PEC) V, VII, VIII u X li jipprovdu konnessjonijiet internazzjonali mal-UE. Ir-rotot, fosthom seba’ rotot tat-toroq u sitt rotot ferrovjarji, jikkompletaw in-Netwerk Prinċipali bil-għan li jkun hemm interkonnessjonijiet bejn il-bliet kapitali fir-reġjun u l-bliet kapitali fil-pajjiżi ġirien. L-għan huwa wkoll li jkun hemm konnessjonijiet bejn il-bliet reġjonali ewlenin biex ikun hemm aċċess għall-portijiet (u l-ajruporti) tan-Netwerk Prinċipali u li jiġi żgurat servizz adegwat għaż-żoni mbiegħda tar-reġjun. In-Netwerk Prinċipali tal-Passaġġi tal-Ilma Interni jikkonsisti mill-Kuritur VII (id-Danubju) u x-xmara Sava.

    3.1   In-netwerk prinċipali tat-toroq

    It-tul totali tan-netwerk prinċipali tat-toroq huwa 5 975 km, u dan jikkonsisti minn 3 019-il km ta’ kurituri u 2 956 km ta’ rotot. Skont id-data li ngħatat lill-Osservatorju tat-Trasport tal-Ewropa tax-Xlokk, 13,2 % tan-Netwerk Prinċipali tat-trasport huwa kklassifikat bħala ħażin jew ħażin ħafna, filwaqt li kważi 87 % tat-toroq ġew ikklassifikati f’kondizzjoni medja sa tajba ħafna (3).

    Is-settur tat-toroq huwa s-settur dominanti u dan ifisser ukoll li jiġi allokat għalih l-ikbar ammont ta’ fondi. Jeħtieġ li tittejjeb il-kwalità tat-toroq sabiex jitnaqqsu d-dewmien, il-konġestjoni, u t-tniġġis u li tittejjeb is-sigurtà. Minkejja l-isforzi tal-pajjiżi rilevanti biex jimplimentaw leġiżlazzjoni ġdida u aktar stretta, is-sigurtà tat-toroq għadha waħda mill-problemi ewlenin (4). Skont id-data dwar is-sigurtà tat-toroq, is-sitwazzjoni fl-Ewropa tax-Xlokk hija inkwetanti b’żieda kontinwa ta’ diżgrazzji aċċidentali minħabba l-akkumulazzjoni ta’ nuqqas ta’ investiment u nuqqas ta’ manutenzjoni u infurzar adegwati.

    3.2   In-netwerk prinċipali ferrovjarju

    3.2.1

    It-tul totali tan-netwerk prinċipali ferrovjarju huwa 4 615 km, u dan jikkonsisti minn 3 083 km ta’ kurituri u 1 532 km ta’ rotot. 15 % biss tan-netwerk prinċipali ferrovjarju huwa kklassifikat f’kondizzjoni tajba filwaqt li 19 % jinsab f’kondizzjoni ħażina jew ħażina ħafna (5).

    3.2.2

    Il-ferroviji huma l-aktar ħolqa dgħajfa fost il-mezzi kollha ta’ trasport. L-analiżi tal-aċċessibbiltà turi li l-ħin tat-trasport bil-ferroviji huwa 200 % itwal mit-trasport bit-toroq għall-istess distanza bejn il-punt tat-tluq u d-destinazzjoni. L-infrastruttura ferrovjarja mhijiex żviluppata biżżejjed fil-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent. Għaldaqstant, hemm bżonn ta’ investiment estensiv fit-trasport ferrovjarju fil-pajjiżi kollha tar-reġjun. Sfida oħra hija r-ristrutturar tal-kumpaniji ferrovjarji, li sikwit jitqiesu li jimpjegaw aktar nies milli jkun hemm bżonn.

    3.3   Mezzi oħra tat-trasport (passaġġi tal-ilma interni, portijiet interni u portijiet tal-baħar)

    3.3.1

    It-tul totali tax-xmara tad-Danubju (Kuritur VII) (6) fil-Kroazja u s-Serbja huwa ta’ 588 km u t-tul navigabbli tax-xmara Sava huwa ta’ 593 km. In-netwerk prinċipali jinkludi wkoll seba’ portijiet tal-baħar u żewġ portijiet tax-xmajjar (7). Bl-eċċezzjoni ta’ madwar 30 km, id-Danubju tinsab f’kondizzjoni tajba filwaqt li l-kondizzjoni tas-Sava hija ħafna agħar (8).

    3.3.2

    Il-passaġġi tal-ilma interni jirrappreżentaw il-mezz tat-trasport li l-iktar jirrispetta l-ambjent u li huwa l-irħas. Madankollu, l-iżvantaġġ huwa d-dewmien tat-trasport.

    3.3.3

    It-trasport intermodali huwa limitat u attwalment jinkludi l-aktar it-trasport bit-triq ta’ kontejners marittimi minn u lejn il-portijiet. Barra minn hekk, it-terminals intermodali eżistenti mhumiex jintużaw biżżejjed. Madankollu, hemm il-potenzjal ta’ trasport intermodali ta’ madwar 10 % b’żieda prevista għal 15 % sal-2015 fin-netwerk prinċipali.

    3.3.4

    Wieħed jista’ jgħid li l-pajjiżi fir-reġjun kontinwament qed jagħmlu progress biex jirriformaw is-settur tat-trasport billi jwettqu l-istrateġiji tagħhom għat-trasport nazzjonali u billi jintroduċu leġiżlazzjoni u regolamenti ġodda b’konformità mal-acquis u l-politika tat-trasport tal-UE. Ġeneralment jagħrfu li r-riformi għandhom iseħħu b’konformità mal-interessi reġjonali, li jfisser li m’għandhomx joħolqu diskrepanzi li jistgħu jxekklu l-iżvilupp u l-ġestjoni effettiva tan-netwerk prinċipali. Bħal fil-każ tal-proċess ta’ integrazzjoni fl-UE, xi pajjiżi huma aktar avvanzati minn oħrajn.

    4   Dokumenti ta’ qafas u arranġamenti istituzzjonali

    4.1

    Il-politika komuni tat-trasport għall-Balkani tal-Punent tmur lura għall-Patt ta’ Stabbiltà għall-Ewropa tax-Xlokk li ġie stabbilit fl-1999. Kif diġà ssemma hawn fuq, l-UE tqis il-kooperazzjoni reġjonali bħala prerekwiżit għas-sħubija futura tal-UE tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent u prekondizzjoni għall-iżvilupp tal-politika tat-trasport reġjonali. Għalhekk, l-UE ħeġġet lill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent biex jiżviluppaw il-kooperazzjoni intrareġjonali u jtejbu l-koordinazzjoni fil-qasam tal-politika tat-trasport komuni. Biex jiġi stimolat l-iżvilupp tal-infrastruttura tat-trasport fl-Ewropa tax-Xlokk, fl-2004 ġie ffirmat il-Memorandum ta’ Ftehim dwar l-Iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-parteċipanti mir-reġjun. Bħala riżultat, il-forums differenti involuti fl-attivitajiet tal-infrastrutturi tat-trasport reġjonali ġew sostitwiti bi tliet korpi kkoordinati ewlenin. Id-deċiżjonijiet strateġiċi jittieħdu fil-laqgħa annwali tal-Ministri; l-implimentazzjoni tal-Memorandum ta’ Ftehim hija kkoordinata mill-Kumitat ta’ Tmexxija; filwaqt li l-Osservatorju tat-Trasport tal-Ewropa tax-Xlokk (SEETO) iservi ta’ segretarjat permanenti (9). Il-Memorandum jimpenja l-parteċipanti biex flimkien jiżviluppaw u jimplimentaw pjan ta’ azzjoni multiannwali progressiv li jkopri perijodu ta’ 5 snin. Rwol ieħor importanti għall-Memorandum huwa li jipprovdi qafas għal proċess koordinat li jwassal għall-abbozzar tat-trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

    4.2

    It-trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport mal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, li bħalissa qiegħed jiġi negozjat, ser jieħu post il-Memorandum ta’ Ftehim attwali. L-għan tat-trattat huwa li jistabbilixxi suq integrat għall-infrastruttura u l-art, is-sistemi tat-trasport tal-passaġġi tal-ilma interni u dawk marittimi kif ukoll is-servizzi li huma marbutin mill-qrib mas-suq intern tat-trasport rilevanti tal-Unjoni Ewropea. It-twaqqif ta’ Komunità tat-Trasport iħaffef l-integrazzjoni tas-sistemi tat-trasport fi ħdan ir-reġjun kif ukoll ma’ dawk tal-UE. Barra milli tħaffef il-konformità tal-leġiżlazzjoni rilevanti, inkluż l-acquis soċjali rilevanti, il-Komunità tat-Trasport tippermetti wkoll lill-utenti tat-trasport u ċ-ċittadini jibbenefikaw mill-proċess ta’ sħubija aktar malajr. Il-Komunità tat-Trasport tipprovdi wkoll lill-operaturi u l-investituri fis-settur tat-trasport biċ-ċertezza legali, u b’hekk tistimola u tħaffef l-investiment neċessarju u l-iżvilupp ekonomiku (10)

    4.3

    Objettivi oħra huma l-ħolqien ta’ qafas regolatorju u tas-suq stabbli, kapaċi li jattira l-investiment fil-mezzi kollha tat-trasport u fis-sistemi tal-ġestjoni tat-traffiku, li tiżdied l-effiċjenza fil-mezzi tat-trasport u tikkontribwixxi għal qasma modali aktar sostenibbli, kif ukoll li jgħaqqad l-iżvilupp tat-trasport mal-progress soċjali u r-rispett għall-ambjent. Hemm bżonn li nenfasizzaw il-fatt li t-trattat ma jsirx validu f’pajjiżi partikolari tal-Balkani tal-Punent sakemm ma japplikawx l-acquis kollu meħtieġ.

    5   L-isfidi ewlenin quddiem il-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent

    L-integrazzjoni tal-infrastruttura tirrappreżenta sfida kbira għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent. Filwaqt li l-infrastruttura u l-faċilitazzjoni tat-trasport huma kruċjali għall-iżvilupp ekonomiku, il-koeżjoni soċjali u l-integrazzjoni, jista’ jingħad li r-reġjun tal-Balkani tal-Punent huwa kkaratterizzat minn sistema tat-trasport li hija estremament ifframmentata, infrastruttura tat-trasport traskurata u servizzi tat-trasport ineffikaċi. Biex jinbidel l-istatus quo, iridu jsiru sforzi adegwati fl-ippjanar, il-leġiżlazzjoni u l-finanzjament. Madankollu, waqt li jiġu indirizzati dawn l-isfidi, irid jitqies il-fatt li r-reġjun tal-Balkani tal-Punent għandu karatteristiċi – storiċi, politiċi, ekonomiċi, soċjali u ġeografiċi - qawwija ħafna u għalhekk l-esperjenza mill-estensjoni tal-politika tat-trasport tal-UE għat-tnax-il Stat Membru ġdid tista’ tiġi użata biss b’mod limitat.

    5.1   Ippjanar

    5.1.1

    L-ixprun ewlieni tal-integrazzjoni fis-settur tat-trasport huwa l-armonizzazzjoni regolatorja u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet. L-għadd ta’ atturi inklużi fil-proċess tal-iżvilupp tal-politika tat-trasport reġjonali jirrikjedi ppjanar adegwat u koordinazzjoni tal-attivitajiet.

    5.1.2

    Fil-livell nazzjonali, l-implimentazzjoni tal-acquis timpenja lill-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li jippjanaw u jimplimentaw riformi importanti fis-setturi tat-trasport, kif ukoll f’setturi oħra relatati. Valutazzjoni tal-impatt preċiża għandha tkun parti kumplementari tal-proċess.

    5.1.3

    L-ippjanar effettiv tal-infiq pubbliku u l-kooperazzjoni mal-partijiet interessati l-oħra, inkluż l-imsieħba soċjali u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, għandhom jissemmew bħala wieħed mill-aspetti importanti għall-iżvilupp effettiv tal-politika tat-trasport.

    5.1.4

    Sfida oħra relatata hija l-ħtieġa għall-armonizzazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali tat-trasport b’interessi reġjonali u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni tal-proġett tan-Netwerk Prinċipali, biex tappoġġja l-ġestjoni effettiva u l-iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali.

    5.1.5

    L-aħħar u mhux l-inqas, l-iżvilupp ta’ pjani ta’ azzjoni multiannwali progressivi tas-SEETO għall-iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali jirrikjedi pjanar effettiv u koordinazzjoni tal-attivitajiet fil-livell reġjonali. Dan it-tip ta’ koordinazzjoni ser ikun meħtieġ ukoll fil-Forum Soċjali reġjonali, li fih ser jipparteċipaw ir-rappreżentanti tal-imsieħba soċjali u partijiet interessati oħra, fosthom l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, mill-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

    5.2   Leġiżlazzjoni

    5.2.1

    Il-bżonn li l-leġiżlazzjoni nazzjonali jiġu adattati għall-acquis communautaire u l-istandards tal-UE fis-settur tat-trasport huwa prijorità. L-acquis tat-trasport huwa partikolarment estensiv, u jkopri l-aċċess għas-suq u r-rekwiżiti soċjali, tekniċi, fiskali, ta’ sigurtà u ambjentali. Għalhekk, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għandhom sfida biex jimplimentaw u jinfurzaw il-korp kbir tal-acquis tat-trasport li jinkludi għadd kbir ta’ regolamenti, direttivi u deċiżjonijiet. Sfida oħra hija marbuta mat-traspożizzjoni selettiva u l-implimentazzjoni tal-acquis Komunitarju.

    5.2.2

    Minħabba l-livell għoli ta’ frammentazzjoni, il-kwistjonijiet marbuta mal-qsim tal-fruntiera huma importanti ħafna għar-reġjun tal-Ewropa tax-Xlokk. Bħalissa, il-ħinijiet ta’ stennija għall-qsim tal-fruntiera qed ikollhom impatt konsiderevoli fuq l-effiċjenza u l-kompetittività tan-Netwerk Prinċipali. Għandu jsir sforz addizzjonali mill-parteċipanti tal-Balkani tal-Punent sabiex tittejjeb il-ġestjoni u l-proċeduri tal-fruntiera u jitnaqqsu l-ħinijiet ta’ stennija.

    5.2.3

    L-aspetti ambjentali għandhom jiġu enfasizzati. L-applikazzjoni tal-istandards ambjentali qed issir dejjem aktar importanti meta jiġu żviluppati proġetti ta’ infrastruttura. Peress li l-leġiżlazzjoni ambjentali hija parti importanti mill-acquis, il-kwistjoni jekk għandhiex tiġi applikata jew le mhijiex rilevanti. Madankollu, jista’ jingħad li l-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent qed isibu problemi kbar biex jinfurzaw il-liġijiet ambjentali.

    5.3   Finanzjament

    5.3.1

    L-iżvilupp u l-manutenzjoni tan-netwerks tat-trasport jeħtieġu finanzjament li mhuwiex disponibbli mis-settur pubbliku. Għalhekk, il-koordinazzjoni tad-donaturi taqdi rwol importanti hawnhekk. Apparti mill-UE, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali bħall-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ), il-Bank Dinji (BD), il-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI), il-Kunsill tal-Bank Ewropew għall-Iżvilupp (KBEI) u d-donaturi bilaterali għandhom jikkoordinaw l-attivitajiet tagħhom u jallokaw il-fondi meħtieġa. Għall-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent, opportunità oħra biex jiffinanzjaw in-netwerks tat-trasport hija permezz tas-sħubijiet pubbliċi-privati.

    5.3.2

    L-importanza ta’ dawn is-sħubijiet ġiet enfasizzata waqt il-konferenza ministerjali li saret f’Sarajevo f’Settembru 2009. Fl-istqarrija ministerjali, il-parteċipanti mhux biss irrikonoxxew u laqgħu r-rwol importanti li jaqdi s-settur privat fl-iżvilupp tal-infrastruttura, iżda aċċettaw il-ħtieġa li jiġi żviluppat ambjent istituzzjonali u leġiżlattiv li jippermetti l-parteċipazzjoni tas-settur privat fil-proġetti tal-infrastruttura permezz tal-istrument tas-sħubijiet pubbliċi-privati. Barra minn hekk, iddikjaraw l-impenn tagħhom li jħejju proġetti ta’ infrastruttura f’livell reġjonali u appoġġjaw it-twaqqif tan-Netwerk tas-Sħubijiet Pubbliċi-Privati tal-Ewropa tax-Xlokk (11). Id-dikjarazzjoni toffri qafas tajjeb biex jittejjeb l-iżvilupp ta’ proġetti ta’ żvilupp tal-infrastruttura fir-reġjun permezz ta’ sħubijiet pubbliċi-privati. Madankollu, l-implimentazzjoni tagħha teħtieġ ir-riforma tas-sistemi leġiżlattivi u regolatorji, kif ukoll l-appoġġ attiv tal-imsieħba internazzjonali – il-Kummissjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali u d-donaturi bilaterali – permezz ta’ assistenza teknika u finanzjarja.

    5.3.3

    Miżura importanti oħra li għandha tiżgura kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali, donaturi bilaterali u l-Unjoni Ewropea hija l-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent. Dan il-Qafas tnieda f’Diċembru 2009 u jikkonsisti minn faċilità ta’ għotjiet konġunti u faċilità ta’ self konġunt biex jiffinanzja proġetti prijoritarji fil-Balkani tal-Punent, li fosthom il-proġetti tal-infrastruttura jaqdu rwol ċentrali (12).

    6   Konsegwenzi ekonomiċi u soċjali/ir-rwol tas-soċjetà ċivili

    L-iżvilupp tan-netwerk tat-trasport reġjonali joffri opportunità u sfida kemm għal min iħaddem kif ukoll għall-ħaddiema. Il-parteċipazzjoni taż-żewġ gruppi hija essenzjali għal implimentazzjoni b’suċċess ta’ kwalunkwe proġett ta’ infrastruttura. Madankollu, jista’ jingħad ukoll li la l-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem u lanqas it-trejdjunjins ma jużaw b’mod effettiv ir-rwol tagħhom bħala msieħba soċjali mal-istituzzjonijiet tal-UE, id-donaturi internazzjonali u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Mill-banda l-oħra, is-suċċess tar-ristrutturar tal-infrastruttura u r-riformi li jakkumpanjawh jiddependu ħafna minn appoġġ komprensiv u aċċettazzjoni ġenerali. Dan ma jkunx possibbli mingħajr il-parteċipazzjoni attiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Għalhekk, id-djalogu mal-imsieħba soċjali u l-atturi tas-soċjetà ċivili għandu jkollu rwol importanti fl-iżvilupp ta’ kull tip ta’ politika fil-Balkani tal-Punent, inkluż il-politika tat-trasport. Madankollu, il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma karatterizzati minn tradizzjoni dgħajfa ta’ djalogu soċjali u ċivili, mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni sottożviluppati u kunċett ta’ sħubija b’ħafna nuqqasijiet. Għaldaqstant, għandu jiġi nkoraġġit li l-gvernijiet tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent jippermettu lir-rappreżentati tal-imsieħba soċjali u organizzazzjonijiet rilevanti oħra tas-soċjetà ċivili biex jieħdu sehem attiv fil-proċess tal-iżvilupp tal-politika reġjonali tat-trasport u t-tfassil tal-istrateġiji tar-riforma.

    6.1   Organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem

    6.1.1

    It-trasport huwa wieħed mill-iktar setturi dominanti tal-impjiegi fir-reġjun. Għalhekk, min iħaddem għandu jkollu sehem fit-tfassil tal-politiki u s-segwitu ta’ riformi li minnhom igawdu l-kumpaniji tagħhom, flimkien mal-impjegati u ċ-ċittadini ta’ pajjiżhom. L-organizzazzjonijiet tat-trasport settorjali u dawk li jħaddmu fuq bażi individwali wkoll għandhom rwol fin-negozjar tal-prijoritajiet għan-netwerks nazzjonali u reġjonali u l-analiżi tal-impatt tagħhom fuq il-promozzjoni tal-mobbiltà, il-ħolqien u ż-żamma tal-impjiegi u benefiċċji ġenerali għall-ekonomiji nazzjonali.

    6.1.2

    Il-viżibbiltà u l-influwenza tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem tvarja minn pajjiż għal pajjiż f’dan ir-reġjun. B’mod ġenerali, il-pożizzjoni tagħhom hija pjuttost dgħajfa l-aktar minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità għal mobilizzazzjoni interna u diffikultajiet biex jingħataw rappreżentazzjoni u segwitu effettivi tal-interessi tagħhom fir-relazzjonijiet mal-gvern u partijiet oħra interessati.

    6.1.3

    Hemm bżonn li jiġu żviluppati l-ħiliet ta’ rappreżentazzjoni u dawk analitiċi fost il-membri tal-organizzazzjonijiet ta’ min iħaddem, li jistgħu jkunu ta’ benefiċċju mhux biss għall-pajjiżi individwali iżda wkoll għall-UE.

    6.2   Trejdjunjins

    6.2.1

    It-trasport huwa wieħed mill-akbar provvedituri tal-impjiegi fir-reġjun. Il-kondizzjonijiet soċjali/tas-suq tax-xogħol f’ħafna pajjiżi huma prekarji b’livelli għoljin ta’ qgħad persistenti, rati għoljin ta’ faqar u migrazzjoni tal-popolazzjoni attiva, kif ukoll sistemi ta’ sigurtà soċjali mtaqqla żżejjed. Fis-settur ferrovjarju, bħala medja, 50 % tal-forza tax-xogħol telqet l-impjieg tagħha fi żmien għaxar snin (13). Ir-riforma tal-ferroviji li trid tiġi implimentata f’kull pajjiż twassal għal tnaqqis fin-numru ta’ impjegati, privatizzazzjoni tal-operaturi tal-ġarr tal-merkanzija u l-għeluq tal-linji lokali li ma jagħmlux qligħ (14). Għalhekk, il-pjani biex it-trasport ferrovjarju jiġi liberalizzat ser jolqtu l-impjieg u l-kondizzjonijiet tax-xogħol.

    6.2.2

    It-telf tal-impjiegi qed jolqot ukoll l-industrija tal-portijiet, kif ukoll il-komunitajiet li jiddependu mill-portijiet u l-ekonomiji lokali. Kien hemm telf simili fl-impjiegi fis-settur tal-passaġġi tal-ilma interni.

    6.2.3

    Flimkien ma’ msieħba soċjali oħra, it-trejdjunjins jaqdu rwol importanti fil-valutazzjoni tal-impatt tal-iżvilupp ta’ netwerk prinċipali ta’ trasport reġjonali fuq l-impjiegi. It-trejdjunjins tat-trasport mir-reġjun, bil-koordinazzjoni tal-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport, għamlu kampanja – kemm fil-livell tal-UE kif ukoll dak nazzjonali – biex isiru valutazzjonijiet tal-impatt soċjali bħala parti integrali mill-ippjanar strateġiku u l-implimentazzjoni tat-trattat li jistabbilixxi komunità tat-trasport (15). Għan ieħor tat-trejdjunjins huwa li tinkiseb konverġenza bejn il-politiki tal-impjieg u r-riforma.

    6.3   Gruppi ta’ interessi oħrajn

    L-iżvilupp tal-infrastruttura għandu impatt sinifikanti fuq l-ambjent. Għalhekk, il-ħarsien tal-ambjent għandu rwol importanti f’dan il-proċess u għandu jitqies waqt l-ippjanar u l-iżvilupp tan-netwerk tal-infrastruttura. F’dan ir-rigward, l-organizzazzjonijiet ambjentali jaqdu rwol importanti. Fosthom, iċ-Ċentru Reġjonali Ambjentali għall-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant għandu pożizzjoni unika. Il-missjoni tiegħu hija li jassisti fis-soluzzjoni ta’ problemi ambjentali fir-reġjun. L-għan ewlieni tiegħu huwa li jippromovi l-kooperazzjoni fost l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, il-gvernijiet, in-negozji u partijiet interessati oħra fil-qasam tal-ambjent, kif ukoll li jappoġġja l-iskambju ta’ informazzjoni u l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-ambjent. Iċ-Ċentru wasal fi ftehim ma’ inizjattiva oħra reġjonali importanti – il-Kunsill għall-Kooperazzjoni Reġjonali - biex jimplimenta l-programm ta’ qafas Pjan ta’ direzzjoni għall-Kooperazzjoni Ambjentali fl-Ewropa tax-Xlokk, li jinkludi sensiela ta’ konferenzi tematiċi ta’ livell għoli li jsiru kull tliet xhur.

    Minbarra l-organizzazzjonijiet ambjentali, l-iżvilupp tal-infrastruttura jikkonċerna b’mod partikolari l-organizzazzjonijiet tal-konsumaturi mar-reġjun kollu, kif ukoll firxa wiesgħa ta’ organizzazzjonijiet mhux governattivi li jiffokaw fuq l-iżvilupp lokali jew assoċjazzjonijiet li jippromovu l-użu tal-karozzi, bħall-assoċjazzjonijiet tal-karozzi.

    7.   Ir-rwol tal-KESE fl-iżvilupp tal-politika tat-trasport fil-Balkani tal-Punent

    Il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent huma karatterizzati minn tradizzjoni dgħajfa ta’ djalogu soċjali u mekkaniżmi ta’ konsultazzjoni li mhumiex żviluppati biżżejjed fost l-imsieħba soċjali. Għalhekk, il-parteċipazzjoni tal-imsieħba soċjali fil-proċess ta’ riforma hija prerekwiżit essenzjali għal politika tat-trasport reġjonali sostenibbli fil-Balkani tal-Punent. B’hekk il-KESE jista’ jaqdi rwol konsultattiv importanti fit-tisħiħ tad-djalogu soċjali fir-reġjun, anke fl-okkażjoni tal-Forum tas-Soċjetà Ċivili tal-Balkani tal-Punent. Il-KESE jista’ jgħin fl-identifikazzjoni tal-imsieħba fost l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-pajjiżi individwali tal-Balkani tal-Punent u jgħin ukoll fit-tisħiħ tal-kapaċità ta’ dawn l-organizzazzjonijiet u l-membri tagħhom. Barra minn hekk, l-esperjenza tal-KESE tista’ tkun ta’ valur miżjud fit-twaqqif tal-Forum Soċjali reġjonali, li għandu jkun parti mit-trattat li jistabbilixxi Komunità tat-Trasport.

    Brussell, 17 ta’ Marzu 2010.

    Il-President tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

    Mario SEPI


    (1)  Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244/1999.

    (2)  Skont ir-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti 1244/1999.

    (3)  Pjan tal-Iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk (South-East Europe Core Regional Transport Network Development Plan), SEETO, Diċembru 2008, www.seetoint.org/index.php?option=com_rubberdoc

    (4)  European Road Federation and Chamber of Commerce Belgium/Luxembourg/South-East Europe Report: Networks for Peace and Development (2006), http://www.erf.be/index.php?option=com_content&view=article&id=157 %3Anetworks-for-peace - and-development&catid=18&Itemid=31

    (5)  Pjan tal-Iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk, SEETO, Diċembru 2008, www.seetoint.org/index.php?option=com_rubberdoc

    (6)  L-importanza tax-Xmara tad-Danubju hija rikonoxxuta fi strateġija għaż-żona tad-Danubju (l-Istrateġija tad-Danubju), li qed titlesta bħalissa fil-livell tal-UE.

    (7)  Dawn is-seba’ portijiet tal-baħar huma inklużi fin-netwerk prinċipali: Rijeka, Split, Ploce, Dubrovnik (il-Kroazja), Bar (il-Montenegro), Durres, u Vlore (l-Albanija). Iż-żewġ portijiet tax-xmajjar jinsabu fis-Serbja, f’Belgrad u Novi Sad.

    (8)  Pjan tal-Iżvilupp tan-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk, SEETO, Diċembru 2009, www.seetoint.org/

    (9)  L-għan tal-Osservatorju tat-Trasport tal-Ewropa tax-Xlokk huwa li jippromovi l-kooperazzjoni għall-iżvilupp ta’ infrastruttura prinċipali u anċillari fuq in-Netwerk multimodali Prinċipali tat-Trasport Reġjonali tal-Ewropa tax-Xlokk u li jippromovi u jtejjeb il-kapaċità lokali għall-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ investiment, il-ġestjoni kif ukoll il-ġbir u l-analiżi ta’ data dwar in-Netwerk Prinċipali tat-Trasport Reġjonali. www.seetoint.org

    (10)  Il-Kummissjoni tipproponi komunità tat-trasport mal-Balkani tal-Punent u tieħu passi oħra biex issaħħaħ il-kooperazzjoni mal-pajjiżi ġirien fis-settur tat-trasport Brussell, 5 ta’ Marzu 2008, http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=IP/08/382&guiLanguage=en (verżjoni bil-Malti mhux disponibbli)

    (11)  Stqarrija Ministerjali dwar is-Sħubijiet Pubbliċi-Privati għall-Iżvilupp tal-Infrastruttura fl-Ewropa tax-Xlokk, 25 ta’ Settembru 2009.

    (12)  Introduzzjoni għall-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent http://ec.europa.eu/enlargement/pdf/western-balkans-conference/wbif-a4-def_en.pdf; It-tnedija tal-Qafas ta’ Investiment għall-Balkani tal-Punent http://europa.eu/rapid/pressReleasesAction.do?reference=BEI/09/246&format=HTML&aged=0&language=EN&guiLanguage=en

    (13)  ETF – European Transport Federation, The social impact of EU transport infrastructure policy, 2005.(Federazzjoni tat-Trasport Ewropew, L-impatt soċjali tal-politika tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE, 2005), Kontribut tal-konsultazzjoni pubblika.

    (14)  World Bank, Railway Reform in the Western Balkans. (Bank Dinji, ir-Riforma fil-Balkani tal-Punent) Dokument mhux ippubblikat. Bank Dinji, Washington, D.C., 2005.

    (15)  Il-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport ilha tikkoordina l-azzjoni tal-għaqdiet tal-ħaddiema mal-membri affiljati mill-Ewropa tax-Xlokk sa minn Jannar 2003. Il-Federazzjoni tkopri s-setturi li ġejjin: it-toroq, il-ferroviji, is-settur marittimu, il-passaġġi tal-ilma interni u l-avjazzjoni. M’hemm l-ebda djalogu soċjali settorjali Ewropew fis-settur tal-portijiet.


    Нагоре