Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52008IP0568

Eżami mill-ġdid tar-rakkomondazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi kriterji mininimi għall-ispezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal- 20 ta’ Novembru 2008 dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi għal kriterji minimi ta’ spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri

ĠU C 16E, 22.1.2010, pp. 67–68 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

22.1.2010   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

CE 16/67


Eżami mill-ġdid tar-rakkomondazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi kriterji mininimi għall-ispezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri

P6_TA(2008)0568

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-20 ta' Novembru 2008 dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi għal kriterji minimi ta' spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri

(2010/C 16 E/15)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' April 2001 li tipprovdi għal kriterji minimi ta' spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri (1),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Novembru 2007 dwar ir-reviżjoni tar-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE li tipprovdi għal kriterji minimi ta' spezzjonijiet ambjentali fl-Istati Membri (COM(2007)0707),

wara li kkunsidra l-Artikolu 108(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi fl-2001 il-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw ir-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE, li kien fiha kriterji li ma jorbtux għall-ippjanar, it-twettiq u s-segwitu tal-ispezzjonijiet ambjentali, u r-rappurtar dwarhom, filwaqt li jagħrfu li kien hemm differenzi kbar bejn is-sistemi ta' spezzjoni fl-Istati Membri,

B.

billi din ir-rakkomandazzjoni kellha l-għan li ssaħħaħ il-konformità mal-liġi ambjentali Komunitarja u biex tikkontribwixxi sabiex din tkun implimentata u infurzata b'aktar konsistenza fl-Istati Membri kollha,

C.

billi l-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq turi l-pożizzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-iżvilupp tar-rakkomandazzjoni, ibbażata, fost l-oħrajn, fuq ir-rapporti mressqa mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tagħhom tar-rakkomandazzjoni,

D.

billi dik il-Komunikazzjoni ppreċiżat li l-informazzjoni mressqa mill-Istati Membri dwar kif kienu qed jimplimentaw ir-rakkomandazzjoni kienet “mhux kompleta jew diffiċli biex titqabbel”,

E.

billi l-informazzjoni mressqa mill-Istati Membri wriet li “ftit minnhom biss kisbu implimentazzjoni sħiħa”, u li “għad hemm differenzi kbar fil-mod kif qed jitwettqu l-ispezzjonijiet ambjentali fil-Komunità”,

F.

billi skont il-Kummissjoni s-sitwazzjoni ta' implimentazzjoni mhux sħiħa hija parzjalment minħabba l-interpretazzjoni differenti mill-Istati Membri tad-definizzjonijiet u l-kriterji tar-rakkomandazzjoni u tal-ħtiġijiet ta' rappurtar,

G.

billi l-Kummissjoni tagħraf li l-għan tar-rakkomandazzjoni mhuwiex adegwat u ma jinkludix ħafna attivitajiet importanti, bħan-Natura 2000, il-kontroll tal-ġarr illegali ta' skart, ir-reġistrazzjoni u l-awtorizzazzjoni tas-sustanzi kimiċi (REACH), ir-restrizzjoni fuq l-użu ta' ċerti sustanzi ta' ħsara fi prodotti (eż. id-Direttiva dwar ir-restrizzjoni tal-użu ta' ċerti sustanzi perikolużi f'tagħmir elettriku u elettroniku — id-Direttiva RoHS), il-kummerċ ta' speċijiet fil-periklu, kif ukoll attivitajiet li għandhom x'jaqsmu ma' organiżmi ġenetikament modifikati u ma' sistemi bbażati fuq il-prinċipju tar-responsabilità tal-produttur,

1.   Juri t-tħassib tiegħu li l-Kummissjoni kkonkludiet li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali fil-Komunità ma tistax tiġi ggarantita, peress li din mhux biss twassal biex tissokkta l-ħsara lill-ambjent iżda wkoll għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni;

2.   Jenfasizza li infurzar tajjeb u uniformi tal-liġi ambjentali Komunitarja huwa essenzjali, u li jekk dan ma jkunx il-każ, dan ikun qed imur kontra l-aspettattivi tal-pubbliku u jkun qed idgħajjef ir-reputazzjoni tal-Komunità bħala gwardjana effettiva tal-ambjent;

3.   Ma jaqbilx mal-intenzjoni tal-Kummissjoni li sempliċement tindirizza l-problema permezz ta' rakkomandazzjoni li ma torbotx u billi ddaħħal rekwiżiti speċifiċi li jorbtu legalment fil-leġiżlazzjoni settorjali;

4.   Iħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex minflok, tippreżenta proposta għal direttiva dwar l-ispezzjonijiet ambjentali qabel tmiem l-2009, li fiha tiċċara d-definizzjonijiet u l-kriterji stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni 2001/331/KE u testendi l-kamp ta' applikazzjoni tagħha;

5.   Iqis li huwa essenzjali li n-Netwerk tal-Unjoni Ewropea għall-Implimentazzjoni u l-Infurzar tal-Liġi Ambjentali (IMPEL) jissaħħaħ u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex tindika, qabel tmiem l-2009, mezzi possibbli biex dan isir, inkluż l-istabbiliment ta' forza Komunitarja ta' spezzjoni ambjentali;

6.   Jipproponi li titpoġġa enfażi akbar fuq l-appoġġ għall-edukazzjoni ambjentali u l-għoti tal-informazzjoni, li l-kontenut speċifiku tagħhom għandu jkun determinat fuq livell lokali, reġjonali u nazzjonali fuq il-bażi tal-bżonnijiet u l-problemi identifikati f'qasam partikolari;

7.   Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


(1)  ĠU L 118, 27.4.2001, p. 41.


Top